Kawża T246/19

Ir-Renju tal-Kambodja
u
Cambodia Rice Federation (CRF)

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal10 ta’ Settembru 2020

“Rikors għal annullament – Importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar/Burma – Miżuri ta’ salvagwardja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/67 – Locus standi – Interess ġuridiku – Ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Att li jista’ jikkonċerna direttament u individwalment il-pajjiż benefiċjarju kif ukoll assoċjazzjoni nazzjonali li tiddefendi l-interessi tal-industrija kkonċernata

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2019/67)

(ara l-punti 36 sa 43)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett – Stati terzi – Inklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 44 sa 51)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Inċidenza diretta tal-pajjiż benefiċjarju kif ukoll ta’ assoċjazzjoni nazzjonali li tiddefendi l-interessi tal-industrija kkonċernata

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2019/67)

(ara l-punti 52 sa 69, 95 sa 109, 122)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Inċidenza individwali tal-pajjiż benefiċjarju kif ukoll ta’ assoċjazzjoni nazzjonali li tiddefendi l-interessi tal-industrija kkonċernata

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2019/67)

(ara l-punti 70 sa 93, 95 sa 102, 110 sa 122)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn pajjiż benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati – Rikors ippreżentat mill-pajjiż benefiċjarju kif ukoll minn assoċjazzjoni nazzjonali li tiddefendi l-interessi tal-industrija kkonċernata – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2019/67)

(ara l-punti 123 sa 128)

Sunt

Fil-kuntest tar-Regolament li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1), l-Unjoni Ewropea tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aċċess preferenzjali għas-suq tagħha fil-forma ta’ tnaqqis fuq id-dazji ordinarji tat-tariffa doganali komuni, li hija komposta minn skema ġenerali u minn żewġ skemi speċjali. L-iskema msejħa “Kollox ħlief armi” (iktar ’il quddiem is-“skema EBA”) hija skema speċjali favur il-pajjiżi l-inqas żviluppati.

Skont l-iskema EBA, l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mjanmar/Burma (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”) fl-Unjoni kienu jibbenefikaw minn sospensjoni totali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni. Wara talba minn ċerti Stati Membri li talbu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ta’ salvagwardja u kkonkludiet li l-imsemmi prodott kien importat f’volumi u bi prezzijiet li kienu jikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni. Hija ddeċidiet, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/67 (2) tagħha (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), li tistabbilixxi mill-ġdid temporanjament id-dazji tat-tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u implimentat tnaqqis progressiv tar-rata tad-dazji applikabbli fuq perijodu ta’ tliet snin.

Peress li r-Renju tal-Kambodja u l-Cambodia Rice Federation (CRF), assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi tal-industrija tar-ross tal-Kambodja, ippreżentaw rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li r-Renju tal-Kambodja u ċ-CRF ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Kambodja u ċ-CRF ma għandhom ebda interess personali li jaġixxu direttament kontra r-regolament ikkontestat.

Il-Qorti Ġenerali, madankollu, ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

Fir-rigward tal-locus standi, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika għandha locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja meta dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment jew, fil-każ speċifiku ta’ att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, jekk dan jikkonċernaha direttament. F’dan il-każ, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk ir-Renju tal-Kambodja u ċ-CRF jistgħux jiġu kklassifikati bħala persuni fiżiċi jew ġuridiċi direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, li ma humiex id-destinatarji tiegħu.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonfermat li l-espressjoni “kull persuna fiżika jew ġuridika” li tinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandha tinftiehem bħala li tkopri wkoll l-Istati mhux membri tal-Unjoni, bħar-Renju tal-Kambodja. Tali interpretazzjoni teleoloġika hija konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, li jikkonsisti fl-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja adegwata lill-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi kollha, li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, għalkemm l-Istati terzi ma jistgħux jinvokaw l-istatus kontenzjuż mogħti lill-Istati Membri mis-sistema tal-Unjoni, huma jibbenefikaw madankollu minn tal-inqas mill-istess possibbiltajiet li jkollhom locus standi in judicio li din tal-aħħar tirrikonoxxi lill-persuni ġuridiċi. Barra minn hekk, la r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju ma jeskludu lill-Istati terzi mid-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali affermat li r-Renju tal-Kambodja u ċ-CRF, sa fejn hija taġixxi f’isem wieħed mill-membri esportaturi tagħha li ġew identifikati mill-Kummissjoni fir-regolament ikkontestat u l-membri esportaturi tagħha identifikati u kkonċernati mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, huma direttament u individwalment ikkonċernati minn dan ir-regolament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interess dirett jirrikjedi li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna fiżika jew ġuridika u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha. Issa, billi temm temporanjament l-aċċess preferenzjali għas-suq tal-Unjoni li minnu kienu jibbenefikaw, minn naħa, ir-Renju tal-Kambodja bħala pajjiż li jibbenefika minn sospensjoni totali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni u, min-naħa l-oħra, il-membri esportaturi taċ-CRF li kienu jibbenefikaw minn tali aċċess preferenzjali permezz ta’ skema speċjali ta’ preferenzi tariffarji, ir-regolament ikkontestat jibdel il-kundizzjonijiet kemm legali kif ukoll ekonomiċi li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja sseħħ fis-suq tal-Unjoni. Ir-regolament ikkontestat għalhekk jaffettwa direttament u sostanzjalment il-pożizzjoni legali tar-Renju tal-Kambodja kif ukoll dik tal-membri taċ-CRF identifikati jew ikkonċernati. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li r-regolament ikkontestat jistabbilixxi miżuri li japplikaw fl-ewwel lok għall-importaturi stabbiliti fl-Unjoni, dawn il-miżuri għandhom l-effett li jillimitaw l-Istat tal-Kambodja u l-membri esportaturi taċ-CRF fl-aċċess tagħhom għas-suq tal-Unjoni, mingħajr ma l-Istati Membri għandhom ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma f’dan ir-rigward.

L-inċidenza individwali, min-naħa tagħha, tirriżulta, skont il-ġurisprudenza, mill-fatt li persuna fiżika jew ġuridika tiġi ppreġudikata fis-sitwazzjoni legali tagħha minn att inkwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha bl-istess mod bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li n-natura normattiva ta’ att ikkontestat ma teskludix li dan jista’ jikkonċerna direttament u individwalment lil ċerti persuni ġuridiċi jew fiżiċi kkonċernati. Għaldaqstant, il-fatt li r-regolament ikkontestat huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid id-dazji tat-tariffa doganali komuni fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni ma jwassalx de facto għall-impossibbiltà għar-Renju tal-Kambodja, kif ukoll għall-membri taċ-CRF identifikati jew ikkonċernati, li jkunu individwalment ikkonċernati minn dan ir-regolament.

F’dan il-każ, l-interess individwali tar-Renju tal-Kambodja jirriżulta mill-fatt li, bħala pajjiż benefiċjarju tal-iskema EBA, identifikat fir-regolament ikkontestat, li pparteċipa attivament fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, u li fir-rigward tagħha ttieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-miżuri ta’ salvagwardja sabiex jiġu stabbiliti d-dazji tat-tariffa doganali komuni, huwa jagħmel parti minn kategorija magħluqa ta’ operaturi u jinsab f’sitwazzjoni kkaratterizzata meta mqabbla ma’ dik ta’ kull persuna oħra. L-istess japplika għall-membri taċ-CRF, esportaturi tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja b’destinazzjoni lejn l-Unjoni, peress li ġew identifikati b’isimhom fir-regolament ikkontestat u li pparteċipaw fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, li d-data tiegħu dwar l-attività kummerċjali tagħhom intużat sabiex jiġu lilhom imputati l-miżuri ta’ salvagwardja u li fir-rigward tagħhom il-konsegwenzi tal-imsemmija miżuri ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti d-dazji tat-tariffa doganali komuni, indipendentement mill-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja huma stabbiliti b’riferiment għar-Renju tal-Kambodja, u mhux riferiment għal dawn l-esportaturi.

Fir-rigward tal-interess ġuridiku tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Renju tal-Kambodja kif ukoll iċ-CRF għandhom interess li jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-annullament tad-dazji tat-tariffa doganali komuni stabbiliti mill-ġdid mill-imsemmi regolament, li jolqtu l-importazzjonijiet fl-Unjoni tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja, jista’ jagħti benefiċċju personali kemm lir-Renju tal-Kambodja kif ukoll lill-membri taċ-CRF identifikati jew ikkonċernati mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament.


1      Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU 2012, L 303, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 272, p. 14).


2      Regolament ta’ Implimentazzjoni tagħha (UE) 2019/67 tas‑16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar[/Burma] (ĠU 2019, L 15, p. 5).