2.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 406/41


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2019 – Al-Gaoud vs Il-Kunsill

(Kawża T-700/19)

(2019/C 406/51)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Abdel Majid Al-Gaoud (Giza, l-Eġittu) (rappreżentant: S. Bafadhel, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1299 tal-31 ta’ Lulju 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja sa fejn iżżomm isem ir-rikorrent fil-lista fl-Annessi II u IV tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1333/PESK tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1292 tal-31 ta’ Lulju 2019 li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja sa fejn iżomm isem ir-rikorrent fil-lista fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (EU) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-regoli tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv li jallega li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1299 tal-31 ta’ Lulju 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1292 tal-31 ta’ Lulju 2019 li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 jonqsu milli jindikaw bażi legali għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, minkejja l-bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi fil-Libja. Il-Kunsill allegatament naqas milli jipprovdi raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għall-miżuri kkontestati li ma humiex ibbażati fuq xi materjal ta’ sostenn.

2.

It-tieni motiv li jallega li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt għas-saħħa, għall-ħajja familjari, id-dritt għall-proprjetà, u d-dritt għal difiża effettiva kif iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri kkontestati la huma neċessarji u lanqas xierqa għal xi skop leġittimu u jikkostitwixxu indħil indefinit u sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.