11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/75


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2019 – JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-642/19)

(2019/C 383/83)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: JCDecaux Street Furniture Belgium (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Winckler u G. Babin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonkudi li teżisti għajnuna mill-Istat, li hija inkompatibbli, favur JCDecaux fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-1984, u tal-Artikoli 2 sa 4 tagħha, sa fejn jordnaw l-irkupru mingħand JCDecaux mill-Istat Belġjan;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4466 final tal-24 ta’ Ġunju 2019, dwar għajnuna mill-Istat SA.33078 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju favur JC Decaux Belgium Publicité, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni billi qieset li l-użu mir-rikorrenti ta’ ċertu tagħmir ta’ reklami li jaqgħu taħt il-kuntratt tas-16 ta’ Lulju 1984 lil hinn mill-iskadenza tagħhom jikkostitwixxi vantaġġ.

Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li kien hemm vantaġġ ekonomiku minkejja l-mekkaniżmu ta’ kumpens operat mill-belt ta’ Brussell b’applikazzjoni tal-obbligu tagħha li żżomm il-bilanċ ekonomiu tal-kuntratt.

Il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi billi qieset li r-rikorrenti bbenefikat minn tfaddil f’termini ta’ kirjiet u taxxi li jikkostitwixxu vantaġġ.

2.

It-tieni motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna ipotetika mill-Istat b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas tas-SIEĠ (1) u tad-deċiżjoni dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tal-2012 (2).

3.

It-tielet motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat.

Il-Kummissjoni ma tirrispondix b’mod suffiċjenti għall-elementi invokati mill-partijiet, tippreġudika l-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat fl-istqarrija tal-istampa tagħha u tikser ir-regoli tal-proċeduri tagħha.

Il-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna ipotetika hija impossibbli u huwa ostakolu għall-irkupru tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-preskrizzjoni tal-għajnuna mill-Istat ikkonstatata mid-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15).

(2)  Deċiżjoni 2012/21/UE tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, L 7, p. 3).