21.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/41


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2019 – thyssenkrupp vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-584/19)

(2019/C 357/50)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: thyssenkrupp AG (Duisburg und Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Klusmann, J. Ziebarth, u M. Dästner, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni fit-totalità tagħha;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, inklużi dawk relatati ma intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta żbaljat meta ddefiniet bħala ġodda s-swieq ta’ prodotti relevanti għall-azzar galvanizzat f’banju sħun għal applikazzjonijiet fil-karozzi (iktar ’il quddiem “Auto HDG”) u għal ċerti tipi ta’ azzar għall-ippakkjar u li dan wassal għal analiżi żbaljata tas-saħħa fis-suq wara l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari minħabba li d-Deċiżjoni naqset milli tirrikonoxxi elementi sinjifikattivi ta’ sostitwibbiltà fil-qasam tad-domanda u tal-offerta. Għalhekk ir-rikorrenti tqis li l-konvenuta kienet żbaljata meta ma inkludietx l-azzar elettrogalvanizzat fid-definizzjoni tas-suq u injorat l-interkambjabbiltà tal-prodotti galvanizzati għall-industrija u għall-karozzi.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kienet żbaljata meta ddefiniet is-swieq fuq skala tal-EEA minflok fuq skala dinjija kemm għall-Auto HDG kif ukoll għall-azzar għall-ippakkjar. Il-konvenuta għalhekk interpretat ħażin ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha tas-suq u tal-analiż tad-dokumenti interni pprovduti mill-partijiet u, billi naqset milli tagħmel analiżi ekonomika suffiċjenti, naqset milli tosserva l-proċedura xierqa u l-prinċipji ta’ proċess xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament ibbażat ruħha fuq provi li la kienu konklużivi u lanqas ma kienu persważivi biex tiddeċiedi li l-influssi ta’ importazzjoni ma jaffettwawx il-prezzijiet EEA għall-Auto HDG u għall-ażżar għall-ippakkjar.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti formali essenzlai u wettqet żball sostantiv meta allegatament ikkonstatat ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fir-rigward ta’ suq ta’ prodott separat għall-Auto HDG.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq id-dikjarazzjoni li, fir-rigward tal-allegati swieq ta’ prodotti separati għall-landa [iktar ’il quddiem “TP”], għall-azzar miksi bi kromju permezz tal-elettrolisi [iktar ’il quddiem “ECCS”] u għall-azzar laminat, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tat-test tal-ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li illegalment tgħaqqad elementi mhux kompatibbli ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li jirriżultaw minn pożizzjoni dominanti individwali u minn effetti orizzontali mhux koordinati (oligoplastiċi). Ir-rikorrenti tallega wkoll żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet, li huwa bbażat fuq l-għażla selettiva ta’ kwotazzjonijiet mill-investigazzjoni tas-suq u fuq xi ftit dokumenti interni interpretati ħażin, u li wassal sabiex il-konvenuta tinjora indebitament l-importanza ta’ livelli għolja ta’ importazzjonijiet ta’ TP u ta’ ECCS u l-potenzjal li l-kumpanniji li jerġgħu jirrumblaw ir-ruttam jidħlu fis-suq kif huma għamlu f’partijiet oħra tad-dinja.

5.

Il-ħames ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta ċaħdet indebitament ir-rimedji proposti għall-Auto HDG u għall-azzar għall-ippakjar. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel test xieraq tar-rimedji proposti.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li hija għandha li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ segwitu għat-tħassib inizjali tagħha espress fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-azzar elettriku orjentat fuq fili.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball proċedurali meta ma inforzatx tweġibiet għal diversi talbiet għal informazzjoni mibgħuta lil atturi fis-suq fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha fil-Fażi I u fil-Fażi II, li ħafna drabi ma ġewx imwieġba. Ir-rikorrenti ssostni li dan irriżulta fi żball proċedurali u f’distorsjoni tal-provi.