21.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/40


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2019 – Borborudi vs Il-Kunsill

(Kawża T-580/19)

(2019/C 357/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sayed Shamsuddin Borborudi (Tehran, l-Iran) (rappreżentant: L. Vidal, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fis-27 ta’ Mejju 2018, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/855, li r-rikorrent jinżamm fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 267/2012;

tordna lill-Kunsill ineħħi lir-rikorrent mill-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 267/2012;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma osservax il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jiġu ssanzjonati persuni u entitajiet meta inkluda u żamm lir-rikorrent fil-listi ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni, peress illi l-miżuri kkontestati ma humiex sostnuti b’ebda motiv leġittimu.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball ta’ fatt peress illi S. S. Borborudi ma għadux jaħdem mal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika tal-Iran (iktar ’il quddiem l-“OEAI”), peress illi l-OEAI ma għadhiex iktar entità ssanzjonata min-Nazzjonijiet Uniti u l-proġett AMAD twaqqaf fl-2003.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi peress illi ma kkwalifikax l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tal-allegat sostenn ta’ S. S. Borborudi fir-rigward tal-programm nukleari Iranjan.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu li jissostanzja l-miżura restrittiva li huwa adotta fir-rigward tar-rikorrent peress illi ma kkomunikax l-elementi li jagħtu prova tal-motiv li abbażi tiegħu huwa ġie ssanzjonat.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu li jikkomunika d-dokumenti li jsostnu l-motivazzjoni, anki wara li dawn ġew mitluba mir-rikorrent.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali li l-Unjoni għandha tosserva.