9.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 305/59


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2019 — Portigon vs SRB

(Kawża T-481/19)

(2019/C 305/70)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Portigon AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Bliesener, V. Jungkind u F. Geber, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tas-16 ta’ April 2019 rigward il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għas-sena 2019 (Ref: SRB/ES/SRF/2019/10), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tissospendi l-proċedura skont l-Artikolu 69(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sakemm id-deċiżjoni fil-Kawżi T-365/16, T-420/17 u T-413/18 tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata jew sakemm dawn il-kawżi jiġu mitmuma b’mod ieħor;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(2)(1) sa (3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (1), flimkien mal-Artikolu 8(1)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 215/81 (2), mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE (3) kif ukoll mal-Artikolu 114 TFUE.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut kien illegalment issuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni, peress li r-Regolament (UE) Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59/UE ma jipprevedu ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni. L-Artikolu 114 TFUE jipprojbixxi l-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet minn istituzzjonijiet bħar-rikorrenti.

Minħabba l-assenza ta’ rabta mas-suq intern, il-leġiżlatur ma setax jibbaża l-obbligu ta’ kontribuzzjoni fuq l-Artikolu 114 TFUE. Regoli armonizzati li jirregolaw kontribuzzjonijiet mal-Unjoni Ewropea kollha la jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u lanqas jirrimedjaw distorsjonijiet importanti tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet li jirtiraw mis-suq.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut kien illegalment issuġġetta lir-rikorrenti għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni, peress li l-istituzzjoni ma hijiex esposta għal riskju, peress li riżoluzzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 hija eskluża u peress li l-istituzzjoni ma għandha ebda importanza għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Sa mill-2012, ir-rikorrenti ma twettaq ebda negozju ġdid u hija taħt riżoluzzjoni minħabba deċiżjoni dwar għajnuna meħuda mill-Kummissjoni. Hija żżomm il-parti l-kbira tal-obbligazzjonijiet li fadlilha fuq trust għal organu ieħor.

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 (4) jikser l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE bħala sistema essenzjali relatata mal-kalkolu tal-kontribuzzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) TFUE).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li l-proċedura ta’ kalkolu ma tippermetti ebda motivazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn il-kalkolu jkun ibbażat fuq ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, dan ma huwiex applikabbli.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, peress li, minħabba s-sitwazzjoni speċjali tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata tinterferixxi b’mod sproporzjonat mal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv (sussidjarju), ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, peress li l-konvenut, fil-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni, kellu jnaqqas obbligazzjonijiet li huma mingħajr riskju mill-obbligazzjonijiet rilevanti.

5.

Il-ħames motiv (sussidjarju), ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/201 flimkien mal-Aritkolu 5(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 billi l-konvenut ikkalkola b’mod żbaljat il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti, abbażi ta’ kalkolu gross tal-kuntratti derivattivi.

6.

Is-sitt motiv (sussidjarju), ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 flimkien mal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, peress li l-konvenut b’mod żbaljat ikkunsidra lir-rikorrenti bħala istituzzjoni fi proċess ta’ riorganizzazzjoni.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta, peress li l-konvenut kellu jisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1 u 2(ċ) tal-Karta kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, peress li l-konvenut naqas milli jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).

(3)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

(4)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).