12.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/52


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2019 — Iccrea Banca vs CRU

(Kawża T-400/19)

(2019/C 270/54)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: P. Messina, F. Isgrò u A. Dentoni Litta, avukati)

Konvenut: Comitato di risoluzione unico

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

A)

Prinċipalment:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2019/10 tas-16 ta’ April 2019 u, jekk ikun il-każ, tal-annessi tagħha, kif ukoll id-deċiżjonijiet ulterjuri eventwali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, anki jekk għadhom mhux magħrufa, li fuq il-bażi tagħhom il-Banca d’Italia adotta d-deċiżjonijiet Nru 0543938/19 tal-24 ta’ April 2019 u Nru 0733800/19 tas-7 ta’ Ġunju 2019,

tikkumpensa lil Iccrea Banca għad-dannu kkawżat lilu mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrent, liema danni jikkonsistu fil-pagamenti ewlenin sostnuti minn Iccrea Banca.

B)

Sussidjarjament, fil-każ li d-domandi prinċipali kellhom jiġu miċħuda:

tiddikjara l-Artikolu 5(1)(a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (1) invalidu minħabba ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzojni u ta’ proporzjonalità, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

C)

Fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2019/10 tas-16 ta’ April 2019 u l-annessi tagħha kif ukoll id-deċiżjonijiet ulterjuri eventwali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, anki jekk għadhom mhux magħrufa, li fuq il-bażi tagħhom ġew iddeterminati l-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrent taħt ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, fuq żball ta’ evalwazzjoni fattwali, ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2015/63 kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2015/63 billi wettaq il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrent, inkwantu ma ħax inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-passiv fi ħdan il-grupp.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, fuq żball ta’ evalwazzjoni fattwali, ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament 2015/63 kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament 2015/63 billi ħoloq sitwazzjoni ta’ kontabbiltà doppja.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-aġir illegali ta’ organu tal-Unjoni li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu, taħt l-Artikolu 268 TFUE.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-aġir tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jġorr l-elementi kollha sa minn dejjem meħtieġa mill-ġurisprudenza Ewropea sabiex din it-talba titressaq, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih l-istituzzjonijiet huma akkużati, dannu effettiv u rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament u b’mod inċidentali, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ekwivalenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jagħtu lok għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament 2015/63.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li l-kuntrarjetà eventwali bejn l-imsemmi regolament u s-sitwazzjoni tar-rikorrent tkun tikser il-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq inkwantu persuni li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali bħal Iccrea jkunu suġġetti għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet, liema fatt jippreġudika illegalment is-sitwazzjoni tar-rikorrent u jkollu bħala konsegwenza li sitwazzjonijiet analogi jiġu ttrattati b’modi differenti.


(1)  ĠU 2015, L 11, p. 44, u r-Rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38.