26.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/57


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2019 — Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-399/19)

(2019/C 288/70)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: E. Buczkowska u M. Trepka, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ April 2019 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE fil-każ AT40497 40497 — Polish gas prices, li temm il-proċedura AT.40497 konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (1) u li tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrenti fid-9 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem “l-ilment ta’ PGNiG”).

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-parti tad-deċiżjoni dwar l-ilmenti ta’ PGNiG dwar

(i)

ir-restrizzjoni ta’ provvisti ta’ gass lill-klijenti, fosthom ir-rikorrenti, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015 u

(ii)

il-fatt li l-konklużjoni mir-rikorrenti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ komplementari ta’ gass hija suġġetta għall-kisba ta’ impenji li ma humiex relatati mal-kuntratt li jikkonċernaw, fost oħrajn, kontroll ikbar tal-pipeline Jamal.

Bħala prekawzjoni proċedurali, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni ma huwiex possibbli, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kollha kemm hi.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni b’użu ħażin ta’ poter sa fejn:

(i)

il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiddetermina de facto li l-Artikolu 102 TFUE ma japplikax għall-prattiki antikompetittivi ta’ PJSC Gazprom u ta’ Gazprom Export LLC minħabba l-eżistenza ta’ restrizzjoni ta’ Stat li tirriżulta mid-dritt nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, u dan fuq bażi legali żbaljata, jiġifieri abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 773/2004 flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, minflok abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (2) flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari mingħakr ma ttiħedu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

(ii)

meta bdiet u mexxiet il-proċedura AT.40497 bil-għan li tillimita d-dritt tar-rikorrenti għal smigħ fil-kuntest tal-proċeduri pendenti skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea fil-Każ AT.39816 — Provvista tal-Gass Upstrean fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tikser manifestament l-Artikolu 102 TFUE minħabba interpretazzjoni ħażina u l-preżunzjoni li impriża tista’ effettivament issostni li hemm “restrizzjoni tal-Istat” li tirriżulta mid-dritt nazzjonali ta’ pajjiż terz, li ma huwiex Stat Membru tal-UE jew taż-ŻEE, li teżenta din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għal prattika antikompetittiva.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni bi ksur manifest id-dritt tar-rikorrenti li tkun informata u ta’ smigħ, previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament 773/3004, fl-Artikolu 296 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tal-Libertajiet Fundamentali sa fejn ma informatx lir-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni, għall-iskopijiet li tiġġustifika ċ-ċaħda tal-ilment ta’ PGNiG dwar il-kwistjonijiet relatati mal-pipeline tal-gass Yamal, ikkunsidrat ukoll id-dritt nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, ma tatx lir-rikorrenti d-dokumenti essenzjali kollha relatati ma’ din il-kwistjoni, li jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni bi ksur manifest tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 u l-Artikolu 296 TFUE billi ma għamiltx eżami bir-reqqa taċ-ċirkustanzi fattwali u legali kollha mressqa fir-rikors ta’ PGNiG u sa fejn hija tat motivazzjoni li ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ b’mod effettiv l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali essenzjali.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni bi ksur manifest tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 773/2004 flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, sa fejn wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni; meta:

(i)

kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Prezes Urzędu Regulacji Energetyki (il-President tar-Uffiċċju li Jirregola l-Enerġija) tad-19 ta’ Mejju 2015 (Nru DRG-4720-2(28)/2014/2015/1515/KF) tikkostitwixxi prova xierqa sabiex jitqies li l-motiv dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-operatur għall-pipeline tal-gass Yamal ma huwiex ikkonfermat,

(ii)

għamlet evalwazzjoni żbaljata tan-natura tat-tnaqqis fil-provvista tal-gass minn Gazprom matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015.


(1)  GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81.

(2)  GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.