19.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/42


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2019 — Graanhandel P. van Schelven vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-306/19)

(2019/C 280/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Graanhandel P. van Schelven BV (Nieuwe Tonge, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: C. Almeida, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/446; (1)

tordna lill-konvenuta tipproduċi d-dokumenti kollha rilevanti li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/446.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-revoka tal-Kummissjoni ta’ “Control Union Certifications” (iktar ’il quddiem “CUC”) bħala ċertifikatur bijoloġiku tal-UE tidher li hija arbitrarja għaliex hija bbażata fuq fatti foloz.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt suġġettiv tar-rikorrenti li tkun protetta mir-revoka arbitarja ta’ nomini tal-Kummissjoni ta’ ċertifikaturi bijoloġiċi sabiex twettaq kontrolli bijoloġiċi tal-UE f’pajjiżi terzi. L-interess tar-rikorrenti bħala kompetitur ta’ suq bijoloġiku ma ġiex protett.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, bir-revoka tan-nomina ta’ CUC bħala ċertifikatur bijoloġiku tal-UE, il-provvista ta’ prodotti bijoloġiċi f’relazzjonijiet kummerċjali deċennali hija bblokkata u hemm riperkussjonijiet diretti fuq id-drittijiet tar-rikorrenti bħala importatur. Tali interess dirett huwa stabbilit bir-regolament ikkontestat peress li r-rikorrenti kienet id-destinatarja, bħala importatur, ta’ ċertifikati ta’ spezzjoni maħruġa minn CUC li tawha aċċess għas-suq tal-ikel u tal-għalf bijoloġiku tal-UE. CUC huwa ċ-ċertifikatur bijoloġiku għall-irziezet fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed li huwa s-sors tal-provvista prinċipali tal-prodotti bijoloġiċi tar-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti li tkun suġġetta biss għal interferenza proporzjonata mal-kummerċ tagħha kif ukoll id-dritt fundamentali għall-proprjetà tagħha u l-libertà tagħha ta’ intrapriża.

5.

Il-ħames motiv, li jirreferi għall-fatt li t-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, li huwa intiż għal aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti tgawdi aċċess ġenerali għad-drittijiet mogħtija skont id-dritt tal-UE u bbażati fuq il-garanzija ta’ amministrazzjoni tajba u d-dritt għal smigħ xieraq kif protett mill-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/446 tad-19 ta’ Marzu 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU 2019 L 77, p. 67)