24.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/48


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2019 — Società Agricola Tenuta di Rimale et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/19)

(2019/C 213/48)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Società Agricola Tenuta di Rimale Ss (Fidenza, l-Italja) u 9 rikorrenti oħra (rappreżentanti: M. Libertini, A. Scognamiglio u M. Spolidoro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla n-nota kkontestata u teżamina l-motivi esposti fir-rikors. Dan l-eżami għandu jkun ibbażat fuq interpretazzjoni differenti u iktar korretta tal-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (1) kif ukoll fuq investigazzjoni iktar bir-reqqa li tiżvela l-assenza ta’ loġika u ta’ koerenza tar-raġunijiet imressqa mill-Consorzio biex jiġi ikkonfermat għal perijodu indefinit regolamentazzjoni diskriminatorja u mhux iġġustifikata tal-provvista tal-ħalib għall-produzzjoni tal-ġobon DOP (Denominazione di Oriġini Protetta) Parmigiano Reggiano.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa indirizzat kontra n-nota tal-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tas-6 ta’ Frar 2019, li permezz tagħha ġie arkivjat l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-5 ta’ Frar 2018, li permezz tiegħu dawn tal-aħħar invokaw l-illegalità tad-Digriet Nru 6762, tal-Ministru tal-Politika Agrikola u Forestali, tal-15 ta’ Diċembru 2016, li japprova l-Pjan Regolatorju tal-Provvista tal-ġobon Parmigiano-Reggiano għall-perijodu 2017-2019, kif ukoll id-Digriet Nru 5320 tal-istess ministru, tad-19 ta’ Settembru 2017, li japprova l-Pjan Regolatorju tal-Provvista tal-ġobon Parmigiano-Reggiano għall-perijodu 2017-2019.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ maġġoranza kkwalifikata tal-produtturi interessati fil-proposta għall-irregolar tal-provvista.

2.

It-tieni motiv, huwa ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet bażiċi tal-bilanċ tas-suq għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżuri temporanji biex jirregolaw il-provvista u l-ħtieġa għal motivazzjoni adegwata f’dan is-sens.

3.

It-tielet motiv, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-parti li tirrigwarda l-projbizzjoni tal-iskemi li jirregolaw il-provvista b’kontenut diskriminatorju.


(1)  ĠU 2013 L 347, p. 608.