25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/48


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2019 – Comune di Milano vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-75/19)

(2019/C 112/59)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Comune di Milano (rappreżentanti: F. Sciaudone, M. Condinanzi u A. Neri, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“EMA”);

tiddikkjara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017 ineffettiva abbażi tal-punt 6 tar-Regoli tal-Proċedura tat-22 ta’ Ġunju 2017;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva (Artikolu 10 TUE), fuq il-bilanċ istituzzjonali u l-kooperazzjoni leali (Artikolu 13 TUE), kif ukoll ksur formali essenzjali u tal-Artikolu 14 TUE

Ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipji ineżami inkwantu: (i) is-sede tal-EMA ġiet magħżula minn istituzzjoni waħda, il-Kunsill, fi tmiem il-proċess deċiżjonali rrappreżentat fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017, li ddetermina l-kontenut tar-regolament ikkontestat (jiġifieri l-għażla ta’ Amsterdam bħala sede tal-EMA), barra u qabel ma nbdiet il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; (ii) matul il-proċedura ta’ selezzjoni tas-sede tal-EMA, fejn fil-fatt ġie eżawrit il-proċess deċiżjonali, il-Kunsill u il-Kummissjoni – l-uniċi istituzzjonijiet involuti fil-proċess ta’ selezzjoni – ma involvewx lill-Parlament; (iii) fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill u l-Kummissjoni poġġew lill-Parlament quddiem fatt deċiż tal-għażla (diġà magħmula) tas-sede ta’ Amsterdam; (iv) il-Kunsill u l-Kummissjoni ma ħallew lill-Parlament l-ebda marġni ta’ intervent sabiex jevalwa jew tiġi diskussa tali deċiżjoni, u anzi kkonkludew il-proċedura leġiżlattiva fl-iqsar żmien possibbli; (v) il-Parlament tneħħietlu l-possibbiltà li jeżerċita l-funzjoni tiegħu minkejja li hija prevista mit-trattati u, matul il-proċedura leġiżlattiva, ġie mġiegħel kontra r-rieda tiegħu “jirratifika” d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ użu ħażin tal-poter u l-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekwità

Skont ir-rikorrent, l-għan tal-proċedura ta’ selezzjoni kien dak li tiġi individwata l-aħjar offerta għar-riallokazzjoni tas-sede tal-EMA fid-dawl tal-kriterji oġġettivi ta’ selezzjoni stabbiliti minn qabel fis-sejħa għal offerti. Madankollu, f’dan il-każ, l-individwazzjoni tas-sede bil-polza mingħajr investigazzjoni ma pprermettitx il-verifika tan-nuqqas ta’ ekwivalenza bejn iż-żewġ applikazzjonijiet ta’ Milano u ta’ Amsterdam u ma ppermettitx li tingħażel l-aħjar offerta. Barra minn hekk, ir-riżultat tal-vot tal-20 ta’ Novembru 2017 favur Amsterdam kien konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq mill-Kummissjoni ta’ investigazzjoni effettiva u tal-fatt li l-offerta Olandiża ma ġietx mifhuma sewwa (u wkoll, taħt diversi aspetti essenzjali). Konsegwentement, l-Istati Membri vvotaw il-kandidatura ta’ Amsterdam billi kkunsidraw b’mod żbaljat li din kienet tissoddisfa r-rekwiżiti meħtieġa mis-sejħa għal offerti u l-bżonnijiet speċifiċi tal-Aġenzija. Barra minn hekk, l-offerta Olandiża ġiet emendata ex post (saret agħar minn qabel) wara l-vot tal-20 ta’ Novembru 2017. L-emendi tal-offerta ġew innegozzjati b’mod sigriet u bilateralment. L-ivvizzjar tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 iwasslu għall-illegalità tar-regolament ikkontestat.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba

F’dan ir-rigward ir-rikorrent jissottometti li l-proċess deċiżjonali li wassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA kien ikkaratterizzat mill-assenza ta’ formalitajiet u ta’ metodu intiżi sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza meħtieġa. In-nuqqasijiet ta’ investigazzjoni u l-innegozzjar mill-ġdid sussegwenti, bilaterali u sigrieta ta’ xi kundizzjonijiet essenzjali tal-offerta Olandiża aggravaw il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza. Barra minn hekk, ma ġewx ikkunsidrati ħafna elementi rilevanti għad-deċiżjoni. In-nuqqas ta’ evalwazzjoni effettiva tal-offerta u l-fatt li l-Kummissjoni ma fehmitx sewwa l-offerta Olandiża minn tliet aspetti essenzjali (superfiċi tas-sede temporanja, kundizzjonijiet finanzjarji, nuqqas ta’ kapaċità li jiġi ggarantit it-tħaddim kontinwu tal-Aġenzija) aggravaw il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2009 dwar l-adozzjoni tar-regolament intern tiegħu, kif ukoll fuq il-ksur tar-regoli proċedurali tal-Kunsill, tal-31 ta’ Ottubru 2017

F’dan ir-rigward ir-rikorrent jissottometti li l-mod ta’ svolġiment u r-riżultat tal-vot huma vvizzjati minħabba l-ksur tar-regoli speċifiċi li l-Kunsill kellu josserva u jwasslu għall-illegalità tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 u tar-regolament ikkontestat.