Kawża T‑688/19
VeriGraft AB
vs
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat‑2 ta’ Marzu 2022
“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ sussidju konkluż fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont2020’ – Xoljiment tal-ftehim – Kondotta professjonali ħażina – Kwalità ta’ benefiċjarju tas-sussidju jew ta’ persuna li taġixxi għan-nom tal-benefiċjarju jew f’ismu”
Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita esklużivament mill-Artikoli 256 u 272 TFUE u mill-klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni sabiex jittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għal nullità ta’ deċiżjoni ta’ xoljiment ta’ ftehim ta’ sussidju – Evalwazzjoni
(Artikoli 256 u 272 TFUE)
(ara l-punti 52, 53)
Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-kuntratt – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea prinċipalment – Applikazzjoni ta’ dritt nazzjonali sussidjarjament – Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fil-kuntratt – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex teżamina ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent
(Artikolu 272 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012 u Nru 1291/2013)
(ara l-punti 55, 61 sa 63)
Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Motiv ibbażat fuq elementi li joħorġu fil-mori tal-kawża – Ammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))
(ara l-punti 59, 60)
Industrija – Azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija – Riċerka u żvilupp teknoloġiku – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” – Ftehim ta’ sussidju – Deċiżjoni ta’ xoljiment li toriġina mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) – Proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura individwali – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))
(ara l-punti 65, 66, 72, 73)
Industrija – Azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija – Riċerka u żvilupp teknoloġiku – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Horizon 2020” – Ftehim ta’ sussidju – Deċiżjoni ta’ xoljiment li toriġina mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) – 104275 / Xoljiment skont l-Artikolu 50.3.1 tal-ftehim ta’ sussidju – Kundizzjonijiet – Portata
(ara l-punti 99 sa 102, 108, 109)
Sunt
Ir-rikorrenti, VeriGraft AB, hija kumpannija Svediża ta’ bijoteknoloġija stabbilita fl-2005 minn A u B, żewġ professuri ta’ istitut universitarju Svediż. Din hija speċjalizzata fis-settur tal-iżvilupp ta’ trapjanti personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani, intiżi sabiex jintużaw fil-mediċina riġenerattiva. A, li inizjalment żammet 41 % tal-kapital tar-rikorrenti, progressivament ittrasferixxiet, mill-2014, l-ishma kollha tagħha u, barra minn hekk, kienet membru tal-bord tad-diretturi tagħha sal-2015, qabel ma l-kuntratt ta’ xogħol tagħha ġie finalment xolt fl‑1 ta’ Ottubru 2016.
Fl-2017, fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” ( 1 ) u tal-implimentazzjoni tal-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ( 2 ), ir-rikorrenti ngħatat sussidju mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) ( 3 ). Fil-fatt, hija kienet ippreżentat proposta dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott kardjovaskulari individwalizzat li jikkorrispondi mal-proġett “Vini personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani bħala l-ewwel kura għall-pazjenti milquta minn insuffiċjenza venuża kronika-P-TEV”. Il-ftehim ta’ sussidju ffirmat bejn ir-rikorrenti u l-EASME kien jimplika l-osservanza ta’ “normi ta’ integrità fir-riċerka l-iktar għolja” (Artikolu 34.1) u ta’ rekwiżiti etiċi partikolari għall-“attivitajiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi” (Artikolu 34.2).
Fi tmiem investigazzjoni tal-Università ta’ Göteborg, li kienet tinvolvi l-Kumitat Ċentrali tal-Etika tal-Isvezja (iktar ’il quddiem iċ-“CEPN”), dwar allegazzjonijiet ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki xjentifiċi mwettqa minn A, it-tkeċċija tagħha kienet ġiet irrakkomandata. Wara li eżaminat il-progress tal-proġett P-TEV u wettqet diversi kontrolli ta’ etika li jikkonċernawha, l-EASME, min-naħa tagħha, informat lir-rikorrenti permezz ta’ ittri, fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 50.3.2 tal-ftehim ta’ sussidju, wara li talbet l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-imsemmi ftehim: f’Ottubru 2018, l-ewwel, mill-fatt tal-persistenza ta’ ħames problemi etiċi mhux solvuti, li jikkostitwixxu, skont l-EASME, “ksur serju” mir-rikorrenti tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 50.3.1(l) tal-ftehim, sussegwentement, fi Frar u f’April 2019, mill-fatt li A, kofondatriċi tar-rikorrenti, kienet instabet ħajta miċ-CEPN li wettqet nuqqasijiet fil-pubblikazzjonijiet li sussegwentement kienu servew sabiex isostnu l-evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-EASME għall-għoti tas-sussidju, peress li skont l-EASME dawn in-nuqqasijiet jikkostitwixxu “kondotta professjonali ħażina gravi” tar-rikorrenti skont l-Artikolu 50.3.1(f), tal-ftehim. Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qajmet, skont l-Artikolu 272 TFUE, in-nullità tax-xoljiment mill-EASME tal-ftehim ta’ sussidju.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddikjara fl-ewwel lok li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-mertu, din hija l-ewwel kawża li fiha l-Qorti Ġenerali hija mitluba tikkonstata li aġenzija tal-Unjoni kienet aġixxiet b’mod żbaljat meta xoljiet, minħabba kondotta professjonali ħażina, ftehim ta’ sussidju konkluż fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali tfakkar, l-ewwel, li l-fatt li d-dritt applikabbli għall-kuntratt ma jiżgurax l-istess garanziji bħal dawk mogħtija mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jeżentax lill-EASME milli tiżgura l-osservanza tagħhom fir-rigward tal-partijiet. Fil-fatt, jekk il-partijiet jiddeċiedu li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina eventwali ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-imsemmi motiv. Fuq il-mertu, hija tirrileva li, konformement mal-Artikolu 41 tal-Karta, id-dritt għal smigħ huwa ta’ applikazzjoni ġenerali. Meta miżura individwali tista’ tolqot negattivament il-persuna kkonċernata, dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata titqiegħed fil-pożizzjoni, qabel id-deċiżjoni li tikkonċernaha, li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-każ. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-raġunijiet għax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju kienu ġew indikati lir-rikorrenti fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel tat‑18 ta’ Frar 2019 u li din setgħet tieħu pożizzjoni dwar dan is-suġġett, b’tali mod li l-EASME ma ppreġudikatx id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’.
Sussegwentement, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, kif tindika l-imsemmija ittra ta’ informazzjoni minn qabel, li huwa fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu li l-EASME bbażat ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju, għar-raġuni li A kienet ġiet irrikonoxxuta ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina. Il-Qorti Ġenerali tosserva, barra minn hekk, li l-EASME kkunsidrat li hija l-kondotta professjonali ħażina mwettqa minn A li kienet tqajjem dubju dwar il-kapaċità tar-rikorrenti li teżegwixxi l-proġett P-TEV u mhux kwalunkwe nuqqas imwettaq mir-rikorrenti stess, filwaqt li l-benefiċjarju tal-imsemmi ftehim ma kinitx A, iżda r-rikorrenti. Peress li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ A barra minn hekk kien ġie xolt mir-rikorrenti f’Diċembru 2016, A kienet telqet il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti f’Lulju 2015 u peress li s-sehem ta’ A fil-kapital tagħha kien, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal sussidju għall-proġett P-TEV u sal-bejgħ ta’ dan is-sehem kollu, inqas mil-livell limitu li jippermetti, konformement mad-dritt Svediż tal-kumpanniji, li jittieħdu deċiżjonijiet għan-nom tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li A ma kinitx taqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni previsti fl-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju. Hija tikkonkludi li x-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju mill-EASME skont l-Artikolu 50.3.1(f) tal-imsemmi ftehim, għar-raġuni invokata minn din l-aġenzija, kien infondat. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, dwar l-argumenti mressqa mill-EASME matul il-proċedura ġudizzjarja, li dawn jikkostitwixxu motivazzjoni ġdida tax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju li, kieku kellha tiġi aċċettata, neċessarjament tippreġudika l-effikaċja tal-proċedura ta’ xoljiment prevista mill-Artikolu 50.3.2 ta’ dan il-ftehim. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-argumenti mressqa mill-EASME bbażati fuq il-premessa, żbaljata, li r-rikorrenti intenzjonalment ħbiet minnha nuqqasijiet fir-riċerki li jaffettwaw ix-xogħlijiet iċċitati fil-proposta li tirrigwarda l-proġett P-TEV.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni tal-EASME li xxolji l-ftehim ta’ sussidju konkluż ma’ VeriGraft.
( 1 ) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Programm Qafas Orizzont 2020”).
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU 2013, L 347, p. 965, rettifika fil-ĠU 2015, L 102, p. 96).
( 3 ) Stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/771/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2004/20/KE u 2007/372/KE (ĠU 2013, L 341, p. 73), din l-aġenzija saret, mill-1 ta’ April 2021, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (Eismea).