Kawżi magħquda T‑684/19 u T‑704/19
Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH)
u
FGSZ Földgázszállító Zrt.
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tas‑16 ta’ Marzu 2022
“Enerġija – Regolament (UE) 2017/459 –Kodiċi tan-network adottat mill-Kummissjoni li jinkludi ‘proċess ta’ kapaċità inkrementali’ – Deċiżjoni tal-ACER li tapprova t-twettiq ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Inkompetenza tal-Kummissjoni– Artikolu 6(11), Artikolu 7(3), u Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009”
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) li tapprova t-twettiq ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali fuq network ta’ trasport tal-gass naturali – Att li jistabbilixxi l-ACER li jipprevedi rimedju intern kontra d-deċiżjoni tal-ACER – Rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-ACER mingħajr eżawriment tar-rimedju intern – Inammissibbiltà
(il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/942, premessa 34 u Artikoli 28 u 29)
(ara l-punti 29 sa 32, 35 sa 39, 41, 42)
Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Regoli proċedurali – Regoli sostantivi – Distinzjoni
(ara l-punt 33)
Rikors għal annullament – 104755 / Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) – Att li jistabbilixxi l-ACER li jeskludi l-possibbiltà li jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali motivi mhux ippreżentati quddiem l-imsemmi bord – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors għal annullament – Ammissibbiltà
(Artikoli 263 u 277 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/942, Artikolu 29)
(ara l-punti 47 sa 51)
Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Regolament li ma kienx ġie kkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE .– Eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa minn awtorità nazzjonali li manifestament ma tistax titlob annullament – Ammissibbiltà
(ir-raba paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u Artikolu 277 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2017/459)
(ara l-punti 54, 55)
Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata – Neċessità ta’ rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat
(Artikolu 277 TFUE)
(ara l-punt 58)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Regolament Nru 715/2009 – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-networks ta’ trasport tal-gass naturali – Setgħa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kodiċijiet tan-network f’ċerti oqsma – Portata – Kodiċi tan-network adottat mill-Kummissjoni li jinkludi proċess relatat mal-kapaċità inkrementali – Inammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2009, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11), u Artikolu 8(6); Regolament tal-Kummissjoni 2017/459, Artikoli 22 sa 31; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73)
(ara l-punti 66 sa 74, 95 sa 97, 100, 102- sa 105, 109,110, 114, 119, 123 sa 126, 128, 134, 135)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri ta’ approssimazzjoni – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali –Regolament Nru 715/2009 – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-networks ta’ trasport tal-gass naturali – Stabbiliment ta’ kodiċijiet tan-network – Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi kodiċi tan-network dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità fis-sistemi ta’ trasport tal-gass – Implimentazzjoni ta’ proċess relatat mal-kapaċità inkrementali – Miżura intiża sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE
(Artikolu 114 TFUE; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 715/2009, Artikolu 1; Regolament tal-Kummissjoni 2017/459, Artikoli 22 sa 31)
(ara l-punti 83 sa 88)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Obbligu li ma jiġux emendati elementi essenzjali tal-att leġiżlativ bażiku – Regolament bażiku li jagħti setgħa lill-Kummissjoni li tadotta kodiċijiet tan-network f’ċerti oqsma – Kodiċi tan-network li jinkludi regoli relatati ma’ qasam mhux previst mir-Regolament bażiku – Inammissibbiltà – Modifika li tikkonċerna element essenzjali tar-Regolament bażiku
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2009, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11), Artikolu 7(3) u Artikolu 8(6)(g); Regolament tal-Kummissjoni 2017/459, Artikoli 22 sa 31; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73)
(ara l-punti 137 sa 141)
Sunt
Fl-2015, FGSZ Földgázszállító Zrt., operatriċi tan-network ta’ trasport tal-gass Ungeriża (iktar ’il quddiem “FGSZ”), kif ukoll l-omologa Bulgara, Rumena u Awstrijaka tagħha niedu proġett ta’ kooperazzjoni reġjonali intiż sabiex tiżdied l-indipendenza enerġetika billi jiġi introdott il-gass tal-Baħar l-Iswed. Dan il-proġett kien jipprevedi ż-żieda tal-kapaċità inkrementali f’żewġ punti ta’ interkonnessjoni, fosthom dak eżistenti bejn l-Ungerija u l-Awstrija (iktar ’il quddiem il-“proġett HUAT”). F’dan ir-rigward, FGSZ u l-omologa Awstrijaka tagħha, Gas Connect Austria GmbH (iktar ’il quddiem “GCA”), ippubblikaw rapport ta’ evalwazzjoni konġunt, konformement mar-Regolament 2017/459 li jistabbilixxi kodiċi tan-network dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità fis-sistemi ta’ trasport tal-gass ( 1 ).
Skont l-istess regolament ( 2 ), FGSZ issottomettiet formalment lill-awtorità regolatorja tal-enerġija u tas-servizzi pubbliċi Ungeriża, Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH), il-proposta ta’ proġett HUAT, filwaqt li enfasizzat li hija ma kinitx favur l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Min-naħa tagħha, GCA issottomettiet il-proposta lill-awtorità regolatorja tas-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali Awstrijaka, Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control).
E-Control approvat il-proposta tal-proġett HUAT, filwaqt li MEKH ċaħditha. Peress li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma waslux għal ftehim, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) adottat, min-naħa tagħha, deċiżjoni li tapprova l-proposta ta’ proġett HUAT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).
Kemm MEKH kif ukoll FGSZ ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni inizjali quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. Peress li r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda mill-imsemmi bord, MEKH (Kawża T‑684/19) u FGSZ (Kawża T‑704/19) adixxew lill-Qorti Ġenerali b’żewġ rikorsi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, bir-rikors ta’ MEKH intiż ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Insostenn tar-rikors tagħha, MEKH eċċepixxiet b’mod partikolari l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459.
Fis-sentenza tagħha, it-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li ddikjarat inammissibbli r-rikors għal annullament ta’ MEKH sa fejn dan huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali, tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn din tal-aħħar u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Bord tal-Appell tal-ACER.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament ta’ MEKH sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti tal-ACER intiżi sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-modalitajiet partikolari previsti mill-att li jistabbilixxi din l-aġenzija, jiġifieri r-Regolament 2019/942 ( 3 ). Issa, konformement mal-imsemmi regolament, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER biss tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ( 4 ).
Min-naħa l-oħra, minkejja l-fatt li MEKH ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, din l-eċċezzjoni, invokata minn MEKH quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ddikjarata ammissibbli minnha. Fil-fatt, peress li hija biss il-qorti tal-Unjoni li għandha s-setgħa tikkonstata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali ( 5 ), MEKH kellha d-dritt li tqajjem din l-eċċezzjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Bord tal-Appell tal-ACER.
Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, il-Qorti Ġenerali tirrileva qabelxejn li r-Regolament 2017/459, li jistabbilixxi kodiċi tan-network dwar il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità fis-sistemi ta’ trasport tal-gass, jistabbilixxi, fil-Kapitolu V tiegħu, proċess dwar il-kapaċità inkrementali li jista’ jimponi obbligu, fuq l-operaturi ta’ network ta’ trasport, li jistabbilixxu l-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network. Fil-fatt, mill-kliem stess tal-imsemmi Kapitolu V ( 6 ) jirriżulta li proġett ta’ kapaċità inkrementali jinbeda meta l-kundizzjonijiet differenti previsti fih huma ssodisfatti, li jimplika li l-operaturi tan-network ta’ trasport huma obbligati li jagħmlu l-investimenti neċessarji għal dan il-għan.
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk, bit-tfassil ta’ kodiċi tan-network li jipprevedi tali proċess ta’ ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, il-Kummissjoni qabżitx il-limiti tas-setgħa mogħtija mir-Regolament bażiku, jiġifieri r-Regolament Nru 715/2009 li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-networks ta’ trasport tal-gass naturali ( 7 ).
Fid-dawl tal-fatt li, skont l-imsemmi Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha s-setgħa biss li tadotta kodiċijiet tan-network f’ċerti oqsma elenkati b’mod eżawrjenti u bil-kundizzjoni li n-network Ewropew tal-operaturi ta’ network ta’ trasport tal-gass (iktar ’il quddiem l-“ENTSO”), ikun għadu ma fassalx tali kodiċi fil-qasam ikkonċernat ( 8 ), il-Qorti Ġenerali tivverifika, fl-ewwel lok, jekk il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jistax jintrabat ma’ wieħed mill-oqsma msemmija.
F’dan ir-rigward, minn interpretazzjoni letterali tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-oqsma elenkati fih ma jistgħux jinkludu l-kwistjoni tal-ħolqien tal-kapaċità inkrementali fuq in-network. Bl-istess mod, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-imsemmi regolament tiżvela distinzjoni bejn, minn naħa, l-oqsma li għalihom l-ENTSO huwa kompetenti sabiex ifassal kodiċijiet tan-network u, min-naħa l-oħra, il-qafas tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, li għalihom l-ENTSO jikkoordina l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom stess. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li huwa skont id-Direttiva 2009/73 li tikkonċerna regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali ( 9 ) li l-operaturi ta’ network ta’ trasport huma suġġetti, jekk ikun il-każ, għall-obbligu li jagħmlu l-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ tali kapaċità inkrementali. F’dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ dan l-obbligu, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut lill-ENTSO jew lill-Kummissjoni kompetenza normattiva f’dan ir-rigward. Fl-aħħar, ebda wieħed mill-motivi tar-Regolament bażiku ma jippermetti li jiġi identifikat skop li jikkonsisti li tingħata setgħa lill-ENTSO u, konsegwentement, lill-Kummissjoni, li jfasslu kodiċi ta’ network li jestendi għall-kwistjoni tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali.
Peress li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 ma jistax jintrabat ma’ wieħed mill-oqsma elenkati b’mod eżawrjenti fir-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali teżamina, fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħa tadotta r-regoli li jirregolaw il-proċess relatat mal-kapaċità inkrementali skont dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi Regolament bażiku, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni temenda l-elementi mhux essenzjali fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ kodiċi tan-network ( 10 ).
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla politika li jafda l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħolqien tal-kapaċità inkrementali lill-Istati Membri biss, billi s-setgħa rrikonoxxuta lill-ENTSO u, b’estensjoni, lill-Kummissjoni fil-qasam tar-regoli ta’ allokazzjoni tal-kapaċità ( 11 ) tikkonċerna biss il-kapaċità eżistenti fuq in-network. Isegwi li l-modifika magħmula mill-Kapitolu V, li tikkonsisti fl-estensjoni ta’ din is-setgħa għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, tikkonċerna element essenzjali tar-Regolament bażiku.
Billi kkonkludiet, għalhekk, li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tistabbilixxi proċess relatat mal-kapaċità inkrementali, il-Qorti Ġenerali tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità u tiddikjara inapplikabbli l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459. Peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Bord tal-Appell tal-ACER kienet tapplika għall-imsemmi kapitolu, il-Qorti Ġenerali tilqa’, barra minn hekk, ir-rikorsi għal annullament sa fejn dawn huma diretti kontra din id-deċiżjoni, billi tannullaha b’effett erga omnes.
( 1 ) Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas 16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU 2017, L 72, p. 1).
( 2 ) Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/459.
( 3 ) Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22).
( 4 ) Premessa 34 u Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942.
( 5 ) Artikolu 277 TFUE.
( 6 ) Artikolu 22(3) tar-Regolament 2017/459.
( 7 ) Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).
( 8 ) Artikolu 6 tar-Regolament bażiku.
( 9 ) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).
( 10 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku.
( 11 ) Artikolu 8(6)(g) tar-Regolament bażiku.