SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (IR-RABA’ AWLA ESTIŻA)

9 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 FA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Iffissar tal-prezzijiet – Limitazzjoni u kontroll tal-produzzjoni u tal-bejgħ – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjonijiet preċedenti – Żamma ta’ seduta ta’ smigħ ġdida fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Żmien raġonevoli – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ksur uniku, kumpless u kontinwu – Prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju – Tbegħid pubbliku – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑657/19,

Feralpi Holding SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Roberti u I. Perego, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, G. Conte u C. Sjödin, bħala aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4969 final tal‑4 ta’ Lulju 2019 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ AT.37956 – Vireg li jirrinforzaw il-konkrit) u/jew għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Arrêt ( 1 )

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1

Ir-rikorrenti, Feralpi Holding SpA (li qabel kienet Feralpi Siderurgica SpA u Federalpi Siderurgica SRL), hija produttriċi ta’ vireg li jirrinfurzaw il-konkrit ibbażata fl-Italja.

A.   L‑ewwel deċiżjoni tal‑Kummissjoni (2002)

2

Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet, konformement mal-Artikolu 47 FA, verifiki f’impriżi Taljani li jipproduċu vireg li jirrinfurzaw il-konkrit, fosthom ir-rikorrenti, u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Federazione Imprese Siderurgiche Italiane (il-Federazzjoni tal-Impriżi tal-Azzar Taljani, iktar ’il quddiem il-“Federacciai”). Hija bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

3

Fis‑26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni fetħet proċedura skont l-Artikolu 65 FA u fformulat oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 36 FA (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) li ġew innotifikati b’mod partikolari lir-rikorrenti. Din tal-aħħar wieġbet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil‑31 ta’ Mejju 2002.

4

Fit‑13 ta’ Ġunju 2002 inżammet seduta għas-smigħ tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva.

5

Fit‑12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni indirizzat, lill-istess destinatarji, oġġezzjonijiet addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Fiha hija spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit‑23 ta’ Lulju 2002. Ir-rikorrenti wieġbet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali fl‑20 ta’ Settembru 2002.

6

Fit‑30 ta’ Settembru 2002 inżammet seduta ġdida għas-smigħ tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva, fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Din is-seduta ta’ smigħ kienet tikkonċerna s-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, jiġifieri l-konsegwenzi legali tal-iskadenza tat-Trattat KEFA fuq it-tkomplija tal-proċedura.

7

Fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2002) 5087 final tas‑17 ta’ Diċembru 2002 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (COMP/37.956 – Vireg li jirrinfurzaw il-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2002”), indirizzata lill-Federacciai u lil tmien impriżi, fosthom ir-rikorrenti. F’din id-deċiżjoni hija kkonstatat li dawn tal-aħħar kienu, bejn Diċembru 1989 u Lulju 2000, implimentaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit fi strixxi jew f’rombli (iktar ’il quddiem il-“vireg li jirrinfurzaw il-konkrit”) li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) FA. Hija għalhekk imponiet multa ta’ EUR 10.25 miljuni fuq ir-rikorrenti.

8

Fl‑4 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni tal‑2002. Il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Feralpi Siderurgica vs Il‑Kummissjoni, T‑77/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:319) u tal-impriżi destinatarji l-oħra, għar-raġuni li l-bażi legali użata, jiġifieri l-Artikolu 65(4) u (5) FA, ma kinitx għadha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) FA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-aspetti l-oħra ta’ din id-deċiżjoni.

9

Id-Deċiżjoni tal‑2002 saret definittiva fir-rigward tal-Federacciai, li ma ppreżentatx rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

B.   It‑tieni deċiżjoni tal‑Kummissjoni (2009)

10

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida filwaqt li tikkoreġi l-bażi legali użata. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-imsemmija deċiżjoni kienet ser tkun ibbażata fuq il-provi prodotti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Fuq stedina tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fil‑31 ta’ Lulju 2008.

11

Permezz ta’ faks mibgħuta fl‑24 ta’ Lulju u fil‑25 ta’ Settembru 2008, kif ukoll fit‑13 ta’ Marzu, fit‑30 ta’ Ġunju u fil‑15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti informazzjoni dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-istruttura tagħha u tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn it-talbiet għal informazzjoni, rispettivament, permezz ta’ ittri elettroniċi mibgħuta fl‑4 ta’ Settembru u fis‑17 ta’ Ottubru 2008, kif ukoll fit‑3 ta’ April, fis‑6 ta’ Lulju u fit‑22 ta’ Lulju 2009.

12

Fit‑30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2009) 7492 final dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), indirizzata lill-istess impriżi bħad-Deċiżjoni tal‑2002, fosthom ir-rikorrenti. Din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata abbażi tar-regoli proċedurali tat-Trattat KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Hija kienet ibbażata fuq l-elementi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u kienet tirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut u l-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tal‑2002. B’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, ta’ EUR 10.25 miljuni, baqa’ l-istess.

13

Fit‑8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni emendatorja, li kienet tinkludi, fl-anness tagħha, it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz li kienu tħallew barra mid-deċiżjoni tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2009 u li kienet tikkoreġi r-riferimenti nnumerati għall-imsemmija tabelli fi tmien noti ta’ qiegħ il-paġna.

14

Fid‑19 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Settembru 2009, kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2009”). Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il‑Kummissjoni, T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031). Il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal‑2009 fir-rigward ta’ wieħed mid-destinatarji tagħha, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq tnejn oħra mid-destinatarji tagħha u ċaħdet ir-rikorsi l-oħra ppreżentati.

15

Fid‑19 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell mis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031). Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-Deċiżjoni tal‑2009 fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rikorrenti.

16

Fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni tkun adottata abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, il-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni għandha tkun konformi mar-regoli proċedurali previsti f’dan ir-regolament kif ukoll fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċedura mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), anki jekk din il-proċedura tkun bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

17

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’dan il-każ, is-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002, l-unika seduta ta’ smigħ li kienet tikkonċerna l-mertu tal-proċedura, ma setgħetx titqies li kienet konformi mar-rekwiżiti proċedurali relatati mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, fl-assenza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

18

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2009, li torganizza seduta ta’ smigħ ġdida minħabba li l-impriżi kien diġà kellhom il-possibbiltà li jinstemgħu oralment matul is-seduti ta’ smigħ li nżammu fit‑13 ta’ Ġunju u fit‑30 ta’ Settembru 2002.

19

Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-importanza taż-żamma, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, ta’ seduta ta’ smigħ li għaliha jkunu mistiedna l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, peress li l-ommissjoni tagħha tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li dan id-dritt previst speċifikament fir-Regolament Nru 773/2004 ma kienx ġie rrispettat, ma kienx meħtieġ li l-impriża li d-dritt tagħha nkiser b’dan il-mod turi li dan il-ksur seta’ kellu influwenza, għad-detriment tagħha, fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll sentenzi oħra tal-Qorti Ġenerali adottati fid‑9 ta’ Diċembru 2014 dwar il-legalità tad-Deċiżjoni tal‑2009, kif ukoll din id-deċiżjoni, fir-rigward ta’ erba’ impriżi oħra, għall-istess raġunijiet. Għall-kuntrarju, id-Deċiżjoni tal‑2009 saret definittiva għall-impriżi destinatarji li ma ppreżentawx appell mill-imsemmija sentenzi.

C.   It‑tielet deċiżjoni tal‑Kummissjoni (2019)

22

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tkompli l-proċedura amministrattiva u li torganizza, f’dan il-kuntest, seduta ġdida għas-smigħ tal-partijiet fl-imsemmija proċedura fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

23

Fl‑20 ta’ Diċembru 2017 u fis‑16 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li tipparteċipa f’din is-seduta. Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2018, hija ppreżentat osservazzjonijiet li fihom hija kkontestat is-setgħa tal-Kummissjoni li tkompli l-proċedura amministrattiva u b’hekk stiednet lil din tal-aħħar sabiex ma tkomplix din il-proċedura.

24

Fit‑23 ta’ April 2018, il-Kummissjoni żammet seduta ta’ smigħ ġdida dwar il-mertu tal-proċedura, li fiha pparteċipaw, fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti kif ukoll tliet impriżi oħra destinatarji tad-Deċiżjoni tal‑2009.

25

Fis‑7 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub ġodda dwar il-kawża. Permezz ta’ ittri tad‑19 ta’ Novembru 2018 kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar u tas‑6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-istruttura tagħha u tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn it-talbiet għal informazzjoni, rispettivament, permezz ta’ ittri tas‑7 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar u tad‑9 ta’ Mejju 2019.

26

Fl‑4 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 4969 final, dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ AT.37956 – Vireg li jirrinforzaw il-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), indirizzata lil ħames impriżi li fir-rigward tagħhom id-Deċiżjoni tal‑2009 kienet ġiet annullata, jiġifieri, minbarra r-rikorrenti, Alfa Acciai SpA, Partecipazioni Industriali SpA (li qabel kienet Riva Acciaio SpA u sussegwentement Riva Fire SpA, iktar ’il quddiem “Riva”), Valsabbia Investimenti SpA, Ferriera Valsabbia SpA u Ferriere Nord SpA.

27

Permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 65(1) FA fis-settur tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit fl-Italja, bejn is‑6 ta’ Diċembru 1989 u l‑4 ta’ Lulju 2000, li fih kienu pparteċipaw ir-rikorrenti u dawn l-erba’ impriżi l-oħra. Il-ksur ikkonsista fi ftehim kontinwu u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit.

28

Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sas‑27 ta’ Ġunju 2000. Permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk imponiet fuq ir-rikorrenti multa fl-ammont ta’ EUR 5.125 miljuni, wara l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 50 % minħabba t-tul tal-proċedura.

29

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit‑18 ta’ Lulju 2019.

II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

30

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

31

Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

32

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu numru ta’ dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet u għal dawn it-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti fit-terminu mogħti.

33

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021. Matul is-seduta, wara mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti aċċettat li l-motivi mqajma fir-rikors insostenn ta’ dan ir-rikors jingħataw numri ġodda għall-finijiet tat-tfassil tas-sentenza, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

34

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

u/jew tħassar jew, minn tal-inqas, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fl-imsemmija deċiżjoni;

jekk ikun il-każ, “tiddikjara illegali u inapplikabbli l-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003”;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid‑dritt

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti titlob, fit-tielet kap tat-talbiet tagħha, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tiddikjara illegali u inapplikabbli l-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003”.

37

Issa, mir-rikors jirriżulta li, permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrenti tqajjem, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tal-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003 insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew tat-talba għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa.

38

B’hekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ser tiġi eżaminata, bħala motiv, flimkien ma’ dawk imressqa insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew tat-talba għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa.

39

Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew tat-talba għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multa, ir-rikorrenti tqajjem tmien motivi:

l-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli proċedurali waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018;

it-tieni motiv huwa bbażat fuq ir-rifjut illegali tal-Kummissjoni li tivverifika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura;

it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura.

ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali;

is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sistema ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003;

is-seba’ motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bejn l‑1989 u l‑1995;

it-tmien motiv huwa bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu fir-rigward tagħha bejn is‑6 ta’ Diċembru 1989 u s‑27 ta’ Ġunju 2000 u fuq assenza ta’ prova tan-natura unika u kontinwa ta’ dan il-ksur.

[omissis]

A.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ir-rifjut illegali tal-Kummissjoni li tivverifika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura

[omissis]

1. Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi

156

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41 tal-Karta billi rrifjutat li tevalwa, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

157

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tindika r-rikorrenti, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli rrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 179, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 285).

158

Għalhekk, il-mogħdija taż-żmien għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta, filwaqt li tagħmel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tevalwa jekk, b’applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandhomx jinbdew proċeduri u jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni.

159

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-mogħdija taż-żmien meta tevalwa jekk għandhomx jinbdew tali proċeduri u jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ sanzjoni ma ġiex miksur mill-Kummissjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tindika li din l-istituzzjoni eżaminat, qabel ma tat deċiżjoni, jekk, f’dan il-każ, il-proċedura setgħetx titkompla u jekk din setgħetx twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, li timponi multa.

[omissis]

170

B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni vverifikat, qabel ma adottat din id-deċiżjoni, jekk il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli kienx ġie osservat, billi analizzat it-tul tal-proċedura amministrattiva, inklużi l-fażijiet amministrattivi u l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, il-kawżi li jistgħu jispjegaw it-tul tal-proċedura u l-konsegwenzi li jistgħu jinstiltu minn dan.

171

Din il-konklużjoni hija kkontestata mir-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrifjutat li tagħti deċiżjoni dwar it-tul irraġonevoli tal-proċedura minħabba li din l-evalwazzjoni kellha tiġi rriżervata lill-qorti tal-Unjoni mingħajr ma hija tista’ tagħti deċiżjoni dwar dan.

172

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita bi kwistjonijiet dwar it-tul tal-proċeduri. Fil-kontenzjuż dwar ir-responsabbiltà, hija għandha tikkundanna lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni meta dawn tal-aħħar ikunu kkawżaw dannu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 94, u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Italmobiliare et vs Il‑Kummissjoni, T‑523/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:499, punt 159). Fil-kontenzjuż dwar l-annullament, it-tul ta’ proċedura jista’ jkollu bħala konsegwenza l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv, fejn l-ewwel kundizzjoni hija li dan it-tul ikun jidher li huwa irraġonevoli u t-tieni waħda hija li l-fatt li jkun għadda iktar minn żmien raġonevoli jkun ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 4748; tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 8485; u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punti 74 sa 76).

173

Kif tindika r-rikorrenti, il-kompetenza hekk fdata lill-qorti tal-Unjoni ma tistax teħles lill-Kummissjoni mill-evalwazzjoni li hija għandha twettaq fil-mument li tiddetermina l-passi li għandhom jittieħdu wara sentenza ta’ annullament skont l-Artikolu 266 TFUE.

174

Kif ġie indikat, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta twettaq tali evalwazzjoni, l-elementi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-opportunità li tadotta deċiżjoni ġdida, l-opportunità li timponi sanzjoni u l-opportunità, jekk ikun il-każ, li tnaqqas is-sanzjoni prevista jekk ikun jidher, b’mod partikolari, li, mingħajr ma jikkostitwixxi fih innifsu nuqqas illegali, it-tul tal-proċedura, sa fejn din tkun inkludiet fażijiet amministrattivi iżda wkoll, jekk ikun il-każ, interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, seta’ kellu effett fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, u b’mod partikolari fuq in-natura eventwalment dissważiva tagħha meta tiġi imposta ħafna żmien wara l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

175

Din l-evalwazzjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari t-tul globali tal-proċedura, inklużi l-fażijiet ġudizzjarji, saret prinċipalment fil-premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata.

176

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni vverifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk it-tul tal-proċedura setax jostakola t-tkomplija tal-proċedura filwaqt li rrikonoxxiet li tali evalwazzjoni kienet suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fil-kontenzjuż dwar il-legalità u, jekk ikun il-każ, dwar ir-responsabbiltà.

[omissis]

180

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

[omissis]

B.   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ tul raġonevoli tal‑proċedura

185

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li ġiet adottata fi tmiem proċedura li kienet qabżet żmien raġonevoli. Fil-fehma tagħha, it-tul eċċessiv tal-proċedura għandu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar setgħa ta’ sanzjoni. L-argumenti żviluppati insostenn tat-tielet motiv jinkludu, essenzjalment, erba’ lmenti, li huma kollha kkontestati mill-Kummissjoni.

186

Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-ilmenti, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tul ta’ proċedura jista’ jkollu bħala konsegwenza l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv, fejn l-ewwel kundizzjoni hija li dan it-tul ikun jidher li huwa irraġonevoli u t-tieni waħda hija li l-fatt li jkun għadda iktar minn żmien raġonevoli ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

187

Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li jkun jinqabeż żmien raġonevoli jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma jkunux ġew affettwati minn dan il-qbiż.

[omissis]

1. Fuq l‑ewwel ilment, dwar it‑tul tal‑fażijiet amministrattivi

189

Ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-fażijiet amministrattivi tal-proċedura dejjem saru “malajr u mingħajr interruzzjonijiet inġustifikati” ma tiħux inkunsiderazzjoni r-realtà tal-fatti u l-iktar l-iktar tista’ titqies li hija korretta biss għall-fażi ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2002, fażi din li globalment kienet damet sentejn u xahrejn.

190

Skont ir-rikorrenti, il-fażijiet proċedurali amministrattivi l-oħra li wasslu għall-adozzjoni, rispettivament, tad-Deċiżjoni tal‑2009 u tad-deċiżjoni kkontestata, kienu kkaratterizzati minn perijodi ta’ inattività min-naħa tal-Kummissjoni li kienu manifestament irraġonevoli.

191

It-tul tal-proċedura amministrattiva kollha huwa wkoll fih innifsu irraġonevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑250/99 P, C‑247/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582).

192

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-istituzzjonijiet jittrattaw fi żmien raġonevoli l-każijiet fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi mmexxija minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 284).

193

Fil-fatt, l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt irrikonoxxut, b’mod partikolari, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 167; tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162; u tas‑7 ta’ Ġunju 2013, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑267/07, EU:T:2013:305, punt 61).

194

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li matul it-trattament tal-każ kien hemm erba’ fażijiet suċċessivi quddiem il-Kummissjoni, li damu total ta’ sitt snin u xahar:

l-ewwel fażi, li damet sena u ħames xhur, isseparat l-ewwel miżuri investigattivi u t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-Federacciai u lill-impriżi kkonċernati;

it-tliet fażijiet segwenti huma dawk li wasslu, rispettivament, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2002, għal dik tal‑2009 u għad-deċiżjoni kkontestata u li damu, rispettivament, disa’ xhur, sentejn u xahar, u sena u disa’ xhur.

195

Skont il-ġurisprudenza, in-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, l-interess tat-tilwima għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-każ kif ukoll l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 187188).

196

Għalhekk, anki jekk jitqies li, f’każijiet oħra, il-fażi amministrattiva li segwiet l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura li tkompliet sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida, kienet iqsar milli fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, dan ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

197

Fil-fatt, in-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi eżaminata billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji msemmija fil-punt 195 iktar ’il fuq.

198

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interess tat-tilwima għall-parti kkonċernata, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ tilwima dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li minnha għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u għall-kompetituri tiegħu iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u ta’ interessi finanzjarji inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea, T‑725/14, EU:T:2017:47, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 65(1) FA billi pparteċipat, mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sas‑27 ta’ Ġunju 2000, fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma li jikkonċernaw il-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit, li kellhom bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq intern.

200

Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 5.125 miljuni.

201

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-interess tal-każ kien importanti għar-rikorrenti.

202

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kumplessità tal-każ, għandu jiġi rrilevat li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni jikkonċernaw il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu, għall-proċedura, mill-iskadenza tat-Trattat KEFA.

203

Issa, għandu jitfakkar li l-kwistjonijiet marbuta mar-regoli applikabbli għall-fatti tal-każ, kemm għal dak li jirrigwarda l-mertu kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-proċedura, minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, kienu jippreżentaw, kif indikat il-Kummissjoni, ċerta kumplessità.

204

Barra minn hekk, l-akkordju kien ikopri perijodu relattivament twil (10 snin u 7 xhur), kien jikkonċerna numru sinjifikattiv ta’ atturi (8 impriżi, li jinkludu total ta’ 11-il kumpannija u assoċjazzjoni professjonali) u kien jimplika volum kbir ta’ dokumenti pprovduti jew miksuba matul l-ispezzjonijiet (madwar 20000 paġna).

205

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-każ għandu jitqies li kien kumpless.

206

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wettqet attività kontinwa minħabba t-talbiet abbundanti li kienu jaslulha mill-partijiet fil-proċedura amministrattiva.

207

Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tittratta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, diversi ittri, fl-istess ħin li hija kellha tipprepara s-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 u teżamina proposta ta’ soluzzjoni għat-tilwima ppreżentata minn ċerti partijiet fil-proċedura amministrattiva fl‑4 ta’ Diċembru 2018.

208

Minn dawn l-elementi kkunsidrati flimkien jirriżulta li t-tul tal-fażijiet amministrattivi tal-proċedura ma jidhirx li huwa irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, tal-kumplessità tiegħu, f’kuntest fejn il-Kummissjoni ma tista’ tiġi kkritikata dwar ebda perijodu ta’ inattività mhux spjegata matul l-istadji li kkaratterizzaw l-imsemmija fażijiet amministrattivi.

209

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

2. Fuq it‑tieni lment, dwar it‑tul tal‑fażijiet ġudizzjarji

210

Ir-rikorrenti tikkritika n-natura irraġonevoli, fil-fehma tagħha, tat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji. Minn naħa, it-tul totali ta’ dawn il-proċeduri kien ta’ tnax-il sena. Min-naħa l-oħra, kull proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑77/03 u T‑70/10) damet kważi ħames snin.

211

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt irrikonoxxut b’mod partikolari fl-Artikolu 41(1) tal-Karta.

212

Fl-istess sens, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi irregolarità proċedurali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 191).

213

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 6 tal-KEDB, kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi jew dwar il-kontestazzjonijiet marbuta mad-drittijiet u mal-obbligi ta’ natura ċivili tagħha, jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża fil-qasam kriminali mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 177 sa 179, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punti 282283).

214

Skont il-ġurisprudenza, ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni fi żmien raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat, mhux permezz ta’ rikors għal annullament jew għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, iżda permezz ta’ rikors għad-danni, rikors dan li jikkostitwixxi rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 89, u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni, C‑85/15 P, EU:C:2017:709, punt 54).

215

Din il-ġurisprudenza hija spjegata mit-tħassib, li huwa ta’ interess għall-qorti tal-Unjoni, li l-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni ma tkunx tiddependi mill-kundizzjonijiet li fihom proċedura ġudizzjarja tkun tmexxiet mill-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 203).

216

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

3. Fuq it‑tielet ilment, dwar it‑tul globali tal‑proċedura

217

Ir-rikorrenti tikkontesta t-tul globali li kien meħtieġ għat-trattament tal-fajl, sa mill-ewwel atti ta’ investigazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, il-fatt li, fil-mument ta’ din l-adozzjoni, dan it-tul kien jammonta għal kważi 19-il sena u kien jikkonċerna aġir li ċerti elementi tiegħu kienu seħħew iktar minn 30 sena ilu jfisser li dan it-tul imur kontra l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

218

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli japplika għal kull stadju li jagħmel parti minn proċedura kif ukoll għal din il-proċedura fl-intier tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 230231, u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 239).

219

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu li matulu żvolġiet il-proċedura amministrattiva kollha kien eċċezzjonalment twil, fatt li barra minn hekk wassal lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas il-multa finalment imposta fuq ir-rikorrenti (ara l-punt 169 iktar ’il fuq).

220

Madankollu, it-tul globali tal-proċedura amministrattiva jista’ jiġi spjegat, f’dan il-każ, mill-kumplessità tal-fajl, filwaqt li, fir-rigward ta’ ċerti aspetti, dan it-tul huwa dovut għal elementi relatati mal-każ fih innifsu, filwaqt li, fir-rigward ta’ aspetti oħra, l-istess tul huwa marbut mal-kuntest li fih jaqa’ l-fajl, jiġifieri l-iskadenza tat-Trattat KEFA (ara l-punti 202 sa 205 iktar ’il fuq).

221

Huwa minnu li twettqu żbalji mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li kellhom jinstiltu mill-iskadenza tat-Trattat KEFA u li dawn l-iżbalji taw lok għal annullamenti deċiżi mill-Qorti Ġenerali u sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

222

Madankollu, dawn l-iżbalji kif ukoll l-impatt li seta’ kellhom fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma.

223

Barra minn hekk, it-tul globali tal-proċedura amministrattiva huwa parzjalment imputabbli għall-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju u għalhekk huwa marbut man-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni fuq aspetti differenti tal-każ.

224

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-impriżi, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti, li jaraw il-każijiet tagħhom eżaminati iktar minn darba mill-awtoritajiet amministrattivi u, jekk ikun il-każ, mill-qrati tal-Unjoni hija inerenti għas-sistema implimentata prevista mill-awturi tat-Trattati għall-kontroll tal-aġir u tal-operazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni.

225

B’hekk, l-obbligu għall-awtorità amministrattiva li twettaq diversi formalitajiet u passi qabel ma tkun tista’ tadotta deċiżjoni finali fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-possibbiltà li dawn il-formalitajiet jew dawn il-passi jistgħu jagħtu lok għal rikors ma jistgħux jintużaw minn impriża bħala argumenti fi tmiem il-proċess sabiex issostni li jkun inqabeż żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi Feralpi et vs Il‑Kummissjoni, C‑85/15 P, C‑86/15 P u C‑87/15 P, C‑88/15 P u C‑89/15 P, EU:C:2016:940, punt 70).

226

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li, evalwat fl-intier tiegħu, it-tul tal-proċedura amministrattiva kien eċċessiv u, għalhekk, li dan it-tul seta’ jostakola l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni ġdida li timponi multa.

227

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

4. Fuq ir-raba’ lment, dwar l-effett, fuq id-drittijiet tad-difiża, tat-tul tal-proċedura

228

Ir-rikorrenti ssostni li t-tul irraġonevoli tal-proċedura amministrattiva affettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha matul it-tielet fażi ta’ din il-proċedura, inkluż bejn is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709) u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

229

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 186 iktar ’il fuq, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex il-qorti tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Peress li l-ewwel waħda (tul irraġonevoli tal-proċedura) ma hijiex issodisfatta, ma huwiex neċessarju, bħala prinċipju, li jiġi vverifikat, bi tweġiba għar-raba’ ilment, jekk it-tul tal-proċedura amministrattiva ostakolax l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Madankollu, dan l-eżami għandu jsir, għal finijiet ta’ kompletezza, sabiex tingħata tweġiba sħiħa għall-preokkupazzjonijiet espressi mir-rikorrenti.

230

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura kkunsidrata fl-intier tagħha, ir-rikorrenti kellha, minn tal-inqas seba’ darbiet, l-opportunità li tesprimi l-perspettiva tagħha u li tressaq l-argumenti tagħha (ara l-punti 3 sa 6, 10, 23 u 24 iktar ’il fuq).

231

B’mod partikolari, ir-rikorrenti setgħet tesprimi l-opinjoni tagħha, matul it-tielet fażi amministrattiva, fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑1 ta’ Frar 2018, waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 u fl-osservazzjonijiet tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2018 (ara l-punti 23 sa 25 iktar ’il fuq).

232

Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-ewwel motiv ippermetta li jiġi stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma kinux ġew affettwati la mill-fatt li l-atturi kollha li pparteċipaw fis-seduti ta’ smigħ preċedenti ma kinux preżenti waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, u lanqas mill-fatt li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri kienu jafu, fil-mument li esprimew l-opinjoni tagħhom fi ħdan il-kumitat konsultattiv, li żewġ deċiżjonijiet, li waħda minnhom kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, kienu ġew adottati preċedentement fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (ara l-punti 55 sa 149 iktar ’il fuq).

233

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, anki jekk jitqies li t-tul tal-proċedura amministrattiva jista’ jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex issodisfatti, peress li r-rikorrenti ma rnexxielha tistabbilixxi ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-imsemmi tul.

234

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ma ġie ssodisfatt.

235

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud u, miegħu, it-tielet motiv ikkunsidrat kollu kemm hu.

C.   Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

[omissis]

1. Fuq l‑ewwel ilment, dwar id‑deċiżjoni żbaljata tal‑Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multa

237

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni eżerċitat b’mod żbaljat is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi tat preċedenza lill-applikazzjoni effettiva u lill-effett dissważiv tar-regoli tal-kompetizzjoni fuq il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata wkoll minn motivazzjoni insuffiċjenti fuq dan il-punt.

238

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha, permezz tal-Artikolu 105(1) TFUE, il-missjoni li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

239

B’hekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiddefinixxi u timplimenta, skont il-ġurisprudenza, il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il‑Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

240

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, kif joħroġ mir-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li, jekk tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, hija “tista’”, minn naħa, tobbliga lill-impriżi kkonċernati jtemmu dan il-ksur (Artikolu 7(1)) u, min-naħa l-oħra, timponi multi fuq l-impriżi li jkunu wettqu dan il-ksur (Artikolu 23(2)).

241

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni b’hekk ingħatat, indipendentement mill-mod segwit sabiex il-fajl jitressaq quddiemha, jiġifieri b’mod partikolari fil-kuntest ta’ lment jew fuq inizjattiva tagħha stess, is-setgħa li tiddeċiedi jekk aġir għandux ikun is-suġġett ta’ proċeduri, ta’ deċiżjoni u ta’ multa, skont il-prijoritajiet li hija tiddefinixxi fil-kuntest tal-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni.

242

Madankollu, l-eżistenza ta’ din is-setgħa ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, LL-Carpenter vs Il‑Kummissjoni, T‑531/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:91, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243

F’kuntest fejn, bħal f’dan il-każ, minn naħa, deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ġiet annullata darbtejn u fejn, min-naħa l-oħra, iż-żmien li għadda bejn l-ewwel atti ta’ investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kien eċċezzjonalment twil, hija din l-istituzzjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura u l-konsegwenzi li dan it-tul seta’ kellu fuq id-deċiżjoni tagħha li tmexxi proċeduri kontra l-impriżi kkonċernati, evalwazzjoni din li għandha għalhekk tidher fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

244

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-tweġiba mogħtija għat-tielet motiv, il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ma ġiex miksur fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

245

Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni eżerċitat b’mod inkorrett is-setgħa diskrezzjonali tagħha peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-proċedura kien qabeż żmien raġonevoli, għandu jiġi miċħud mill-ewwel.

246

Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li din indikat fid-dettall, minn naħa, fil-premessi 526 sa 529 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fil-premessi 536 sa 573 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat li kellha tiġi adottata deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u li timponi multa fuq l-impriżi kkonċernati.

247

B’hekk, il-Kummissjoni, qabelxejn, indikat li t-tul tal-proċedura ma kien iwassal, fil-fehma tagħha, għal ebda ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli (premessi 528 u 555 tad-deċiżjoni kkontestata) u li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi ma kinux ġew miksura peress li, minn naħa, dawn tal-aħħar setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tkomplija tal-proċedura u peress li, min-naħa l-oħra, huma kienu ppreżentaw ukoll l-argumenti tagħhom matul is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li r-rikorrenti ma kienet ipprovdiet ebda element konkret insostenn tal-allegazzjoni tagħha li hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (premessi 556 u 557 tal-imsemmija deċiżjoni).

248

Madankollu, il-Kummissjoni ammettiet li wettqet żbalji proċedurali u rrikonoxxiet li dawn l-iżbalji setgħu kkontribwixxew sabiex itawlu t-tul tal-proċedura.

249

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni wettqet ibbilanċjar, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-interess ġenerali li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u tax-xewqa li ttaffi l-konsegwenzi possibbli tal-iżbalji proċedurali mwettqa (premessa 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

250

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-impriżi inkwistjoni kienu pparteċipaw, matul ħdax-il sena, fi ksur ikkunsidrat bħala waħda mill-iktar restrizzjonijiet serji fil-qasam tal-kompetizzjoni. Hija indikat li, f’tali kuntest, in-nuqqas ta’ adozzjoni mill-ġdid ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni tal-impriżi fl-imsemmi ksur kien ser imur kontra l-interess ġenerali li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u kien ser imur lil hinn mill-interess li jittaffew il-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali mġarrab mill-impriżi destinatarji (premessi 560 u 561 tad-deċiżjoni kkontestata).

251

Wara dan l-ibbilanċjar, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, peress li kien twettaq ksur, kien biss billi tadotta d-deċiżjoni kkontestata li hija setgħet tiżgura ruħha li l-awturi tal-ksur ma jgawdux minn impunità u jkunu effettivament dissważi milli jadottaw aġir simili fil-futur (premessi 563 sa 569 tad-deċiżjoni kkontestata).

252

Fi tmiem l-analiżi, il-Kummissjoni ppreċiżat li, sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi li setgħu ġew ikkawżati mit-tul tal-proċedura, li kien intiż sabiex jiġu rrimedjati d-difetti proċedurali li seħħew matul l-investigazzjoni u li ma setgħux jiġu attribwiti lill-impriżi inkwistjoni, hija kienet iddeċidiet li tnaqqas b’50 % l-ammont tal-multi imposti (premessi 570 sa 573 tad-deċiżjoni kkontestata).

253

B’hekk jidher li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni ddettaljata li turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament li hija kienet segwiet sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida minkejja ż-żewġ annullamenti li seħħew fil-passat.

254

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

[omissis]

2. Fuq ir‑raba’ lment, dwar ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

268

Ir-rikorrenti sostniet, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li, minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tqajjem, f’dan ir-rigward, tliet argumenti. L-ewwel, il-proċedura amministrattiva ma kellhiex titkompla. It-tieni, ladarba l-imsemmija proċedura tkompliet, il-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjoni mingħajr ma timponi sanzjoni. It-tielet, peress li l-Kummissjoni imponiet b’mod żbaljat multa, il-Qorti Ġenerali għandha tbiddel l-ammont tagħha.

269

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża l-miżura l-inqas oneruża u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13, u tal‑14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑180/00, EU:C:2005:451, punt 103).

270

Fir-rigward tal-ewwel argument imqajjem mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kompliet il-proċedura amministrattiva, kif tippermettilha tagħmel il-ġurisprudenza fil-każ ta’ annullament ta’ att li joriġina minnha (ara l-punti 49 u 51 iktar ’il fuq).

271

Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel u tat-tielet motiv, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva ma tistax tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li t-tul tal-imsemmija proċedura kien eċċessiv u lanqas li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew affettwati konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 172 iktar ’il fuq. Issa, f’dan il-każ, mill-analiżi tal-ewwel u tat-tielet motiv jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka tali ksur.

272

Minkejja dan, il-Kummissjoni qagħdet attenta li tiġġustifika, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha t-tkomplija tal-proċedura amministrattiva kif ukoll l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kienu ġġustifikati, jiġifieri:

sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi evitata impunità tal-impriżi inkwistjoni;

sabiex l-impriżi involuti jiġu dissważi milli jwettqu ksur ġdid tad-dritt tal-kompetizzjoni;

sabiex jiġu ffaċilitati l-azzjonijiet għal kumpens imressqa mill-eventwali vittmi tal-akkordju.

273

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

274

Fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ħadet ħsieb li ttaffi l-konsegwenzi tat-tul tal-proċedura amministrattiva, għall-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, billi tathom tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa.

275

Skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika madankollu li, f’dan il-każ, jekk tiġi adottata t-tielet deċiżjoni, ebda multa ma tiġi imposta fuqha.

276

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 172 iktar ’il fuq, qbiż ta’ żmien raġonevoli, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li tali annullament huwa rriżervat għas-sitwazzjonijiet fejn tali qbiż ikun ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

277

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 172 iktar ’il fuq, meta l-qbiż ta’ żmien raġonevoli ma jostakolax l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, il-kumpens għad-dannu kkawżat jista’ jintalab fil-kuntest ta’ rikors għad-danni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

278

Din il-pożizzjoni hija kkritikata mir-rikorrenti, li ssostni li l-preżentata ta’ rikors għad-danni ma hijiex “rimedju effettiv” għaliex dan joħloq iktar dewmien fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur tad-dritt tagħha għal żmien raġonevoli.

279

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv huwa stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta u jikkostitwixxi prerogattiva li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-osservanza tagħha. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat fi ħdan is-sistema kkostitwita mir-rimedji ġudizzjarji li huma organizzati fit-Trattat, fejn ir-rikors għal annullament iservi sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li r-rikors għad-danni huwa intiż li jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn aġir illegali adottat mill-istituzzjonijiet tagħha, mill-korpi tagħha jew mill-organi tagħha. F’din is-sistema, sabiex tikseb l-annullament ta’ att li jikkawża preġudizzju, ir-rikorrenti għandha tistabbilixxi li l-validità ta’ dan l-att kienet ivvizzjata mill-aġir illegali tal-awtur tiegħu.

280

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn xi illegalità bbażata fuq ksur tad-dritt għal żmien raġonevoli jew fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża li jista’ jwassal għall-annullament tagħha.

281

Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

282

Fit-tielet argument tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi tibdel l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

283

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 126).

284

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqet tali talba quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 158 tar-rikors, li fih, filwaqt li tiġbor fil-qosor it-talbiet tagħha, hija tindika li tixtieq tikseb, minn tal-inqas, tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 261 TFUE.

285

Meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud jew li l-att ikkontestat jiġi annullat (kompletament jew parzjalment), tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha sabiex, jekk ikun il-każ, tibdel l-ammont tas-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), T‑612/17, taħt appell, EU:T:2021:763, punt 605).

286

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni tista’ tħassar, tnaqqas jew anki żżid il-multa imposta (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

287

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tagħmel evalwazzjonijiet differenti minn dawk magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 75).

288

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, mingħajr ma kkonstatat ksur ta’ żmien raġonevoli u lanqas ksur tad-drittijiet tad-difiża, tat lir-rikorrenti tnaqqis tal-ammont tal-multa, li hija ġġustifikat bil-mod segwenti:

“fid-dawl […] tal-inċertezza maħluqa mit-tranżizzjoni bejn iż-żewġ Trattati, ċirkustanza eċċezzjonali li, dak iż-żmien, ma kinitx irregolata espliċitament fil-ġurisprudenza, […] il-Kummissjoni tqis li huwa opportun li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa” (premessa 570) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

dan it-tnaqqis ingħata “sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi għal dawn id-destinatarji li setgħu ġew ikkawżati mit-tul twil tal-proċedura li [kien] meħtieġ sabiex jiġu rrimedjati ċerti difetti proċedurali li seħħew matul din il-proċedura u li ma humiex attribwibbli lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni” (premessa 570) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

“l-għoti mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha, ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa […] għandu jitqies li huma suffiċjenti […] sabiex jittaffew l-eventwali effetti dannużi mġarrba mid-destinatarji minħabba t-tul twil tal-proċedura” (premessa 572) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

“[i]d-destinatarji ser ikunu jistgħu […] jibbenefikaw minn tnaqqis adegwat tal-multi […] sabiex jittaffew l-eventwali effetti dannużi kkawżati mill-iżbalji proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni” (premessa 573) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

“il-Kummissjoni tqis […] li l-iżbalji proċedurali li hija wettqet fil-kuntest tat-tranżizzjoni mit-Trattat KEFA għat-Trattat KE u t-tul itwal li seta’ rriżulta minn dawn l-iżbalji jistgħu jiġġustifikaw kumpens xieraq għad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni” (premessa 991) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

“fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar tal-multi, hija tista’ […] [tagħti] lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni tnaqqis tal-multa li għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li ma tippenalizzax lill-impriżi destinatarji għal żbalji proċedurali li ma twettqux minnhom iżda li, fl-istess ħin, ma humiex tant gravi li jirbħu fuq il-prinċipju li l-kartelli huma ksur gravi ħafna tad-dritt tal-kompetizzjoni” (premessa 992) [traduzzjoni mhux uffiċjali];

“[s]abiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi, il-Kummissjoni tikkonkludi li tnaqqis tal-multa b’50 % abbażi ta’ ċirkustanza attenwanti straordinarja għandu jiġi rrikonoxxut lid-destinatarji kollha ta’ din id-deċiżjoni” (premessa 994) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

289

Minn dan jirriżulta li, sabiex tat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq l-elementi segwenti:

il-każ ġie ttrattat fiż-żmien meta skada t-Trattat KEFA;

din is-sitwazzjoni kkawżat diffikultajiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli;

dawn id-diffikultajiet wasslu għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal‑2002 u tal‑2009 mill-qrati tal-Unjoni;

dawn l-annullamenti wasslu għal titwil tal-proċedura, b’mod li seta’ kellu impatt sfavorevoli fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati;

dawn iċ-ċirkustanzi setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

290

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tindika diversi drabi fil-premessi ċċitati fil-punt 288 iktar ’il fuq li, bl-għoti tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa inkwistjoni, hija kellha l-intenzjoni li “ttaffi” jew “tirrimedja” l-“effetti dannużi”, jiġifieri dannu li seta’ ġie kkawżat minn “żbalji” imputabbli lilha.

291

Għalkemm tali termini huma ġeneralment assoċjati ma’ proċeduri ta’ natura kumpensatorja, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li, bl-għoti tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa inkwistjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li tagħti kumpens għal dannu kkawżat minn aġir illegali. Il-Kummissjoni mkien fl-imsemmija deċiżjoni ma tirrikonoxxi li hija adottat aġir illegali, pereżempju billi qabżet żmien raġonevoli tal-proċedura jew billi kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. F’diversi siltiet ta’ din id-deċiżjoni, hija għall-kuntrarju tirreferi għall-ġurisprudenza li tipprovdi li r-rimedju, fil-każ ta’ lment dwar it-tul tal-proċedura, għandu jinstab fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (premessi 568 u 578).

292

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-diversi elementi, li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa inkwistjoni mogħti mill-Kummissjoni ma kienx intiż sabiex din tal-aħħar tirrimedja aġir illegali, iżda sempliċement sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lilha fir-rigward tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet b’mod partikolari bis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni (C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 82) (ara l-punt 288 iktar ’il fuq).

293

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, il-multa ma tistax titneħħa, minħabba, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-ksur partikolarment serju u ta’ tul sinjifikattivament twil ikkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti, sa fejn il-motivazzjoni u l-prova tal-imsemmi ksur, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ma ġewx ikkontestati b’mod validu (ara s-seba’ u t-tmien motiv iktar ’il fuq).

294

Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-multa ma ġietx imposta fuq ir-rikorrenti fi ftit snin wara t-twettiq tal-aħħar aġir antikompetittiv ikkonstatat mill-Kummissjoni, iżda ġiet imposta kważi 20 snin wara.

295

F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, in-natura dissważiva tagħha.

296

Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura dissważiva huwa intiż li jiġi żgurat li l-ammont tal-multa jinkoraġġixxi, b’mod suffiċjenti, lill-impriża kkonċernata u, b’mod ġenerali, lill-operaturi ekonomiċi kollha, josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 102).

297

F’dan il-każ, l-għan ta’ dissważjoni diġà ġie implimentat fir-rigward tar-rikorrenti, fi kwalunkwe każ parzjalment, minn naħa, permezz tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni tal‑2002, imbagħad f’dik tal‑2009, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-perspettiva li din is-sanzjoni tista’ tinżamm fi tmiem il-proċedura, jekk l-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa mir-rikorrenti kontra dawn id-deċiżjonijiet jiġu miċħuda jew jekk, fil-każ li jiġu annullati l-imsemmija deċiżjoni, tiġi adottata deċiżjoni ġdida li timponi mill-ġdid sanzjoni (ara l-punt 257 iktar ’il fuq).

298

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, li, fid-dawl taż-żmien li għadda bejn l-aħħar aġir antikompetittiv u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-iffissar tal-ammont tal-multa f’livell inqas mill-ammont bażiku ta’ EUR 10.25 miljuni ddeterminat mill-Kummissjoni, fl-imsemmija deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-Linji ta’ gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), li jistgħu jservu ta’ gwida għall-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw l-imsemmija ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80), jirriżulta li huwa suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jipproduċi l-effett dissważiv mixtieq.

299

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa minħabba ż-żmien li għadda bejn l-aħħar aġir antikompetittiv u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa xieraq.

300

Bħala konklużjoni:

l-ilment għandu jiġi miċħud u, miegħu, ir-raba’ motiv sa fejn huma intiżi li jinkiseb annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata;

l-ilment għandu jiġi miċħud u, miegħu, ir-raba’ motiv sa fejn huma intiżi li jiksbu t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, filwaqt li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 50 % mogħti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien xieraq fid-dawl tal-mitigazzjoni tal-effett dissważiv meħtieġ tas-sanzjoni minħabba ż-żmien li għadda bejn it-tmiem tal-ksur u l-impożizzjoni tal-multa.

D.   Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem u tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

301

Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali li fuqu huwa bbażat kienu jipprekludu l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

302

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

303

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa espress:

minn naħa, fl-Artikolu 50 tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”;

min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.

304

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li huwa korollarju tal-awtorità ta’ res judicata, jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, meta tkun ġiet suġġetta għal proċedura u jekk ikun il-każ ikkundannata, il-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċertezza li ma hijiex ser terġa’ tkun suġġetta għal proċedura ġdida fir-rigward tal-istess ksur (sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 33).

305

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi, bħala prinċipju, li impriża terġa’ tiġi kkundannata jew terġa’ tkun suġġetta għal proċedura minħabba aġir antikompetittiv li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma kinitx responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tkunx għadha tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punt 178).

306

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem teħtieġ b’mod partikolari li tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-materjalità tal-ksur jew li l-legalità tal-evalwazzjoni magħmula dwarha tkun ġiet mistħarrġa (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 60).

307

Jekk dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi evalwazzjoni ġdida fil-mertu tal-materjalità tal-ksur meta din l-evalwazzjoni ġdida jkollha bħala konsegwenza:

jew l-impożizzjoni ta’ sanzjoni oħra, li tiżdied mal-ewwel waħda, fil-każ li r-responsabbiltà terġa’ tiġi kkonstatata;

jew l-impożizzjoni tal-ewwel sanzjoni, fil-każ li r-responsabbiltà, li tkun ġiet eskluża fl-ewwel deċiżjoni, tiġi kkonstatata mit-tieni waħda (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑247/99 P, C‑245/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 61).

308

Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix it-tkomplija tal-proċeduri li jkollhom bħala suġġett l-istess aġir antikompetittiv meta l-ewwel deċiżjoni tkun ġiet annullata għal raġunijiet formali mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni fuq il-mertu tal-fatti invokati, peress li f’dan il-każ id-deċiżjoni ta’ annullament ma tgħoddx bħala “ħelsien” fis-sens mogħti lil din il-kelma fil-materji kriminali (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:T:2002:582, punt 62, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punt 190).

309

F’tali każ, is-sanzjonijiet imposti mid-deċiżjoni l-ġdida ma għandhomx jiżdiedu, fil-fatt, ma’ dawk mogħtija bid-deċiżjoni annullata, iżda jissostitwixxuhom (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 62, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punt 190).

310

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, sal-lum, l-ebda deċiżjoni ma ddeċidiet b’mod definittiv fuq il-mertu tal-każ fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur li bih hija akkużata. Id-Deċiżjoni tal‑2002 ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba l-bażi legali użata mill-Kummissjoni u d-Deċiżjoni tal‑2009 ġiet annullata minħabba ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, mingħajr ma ġiet adottata, fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, pożizzjoni definittiva fuq il-motivi fuq il-mertu invokati mir-rikorrenti, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-fatti li hija akkużata bihom. Is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (T‑70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031) hija l-unika waħda li ddeċidiet fuq tali motivi, iżda din ġiet kompletament annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonat lir-rikorrenti darbtejn jew mexxiet proċeduri kontriha darbtejn għall-istess fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 63).

311

Fir-rigward tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, din tissostitwixxi dik mogħtija fid-Deċiżjoni tal‑2009, li, min-naħa tagħha, kienet issostitwixxiet is-sanzjoni imposta fid-Deċiżjoni tal‑2002. L-ammonti mħallsa mir-rikorrenti abbażi tal-multa imposta fid-Deċiżjoni tal‑2002, imbagħad f’dik tal‑2009, ġew irrimborsati lilha wara l-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

312

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ġie miksur.

313

Il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu għalhekk jiġi eskluż ukoll u, għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

E.   Fuq is‑sitt motiv, ibbażat fuq l‑illegalità tas‑sistema ta’ preskrizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 25(3) sa (6) tar‑Regolament Nru 1/2003

314

Ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra s-sistema ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fehma tagħha, din is-sistema għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli f’din il-proċedura. Fil-fatt, din is-sistema twassal għal sitwazzjonijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjonijiet ġodda wara l-annullament, mingħajr ma jiġi impost limitu temporali għal din il-possibbiltà. Tali riżultat imur kontra, minn naħa, l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tal-KEDB, li, kollha kemm huma jistabbilixxu l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli fil-proċeduri.

315

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

316

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kompetizzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa rregolat mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 bil-mod segwenti:

dan it-terminu huwa ta’ ħames snin (paragrafu 1(b), moqri flimkien mal-Artikolu 23(2)(a) tal-imsemmi regolament);

dan it-terminu jista’ jiġi interrott permezz ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ksur (paragrafu 3); fit-tali każ, l-interruzzjoni tħassar b’mod retroattiv it-terminu li jkun diġà ddekorra u timmarka l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ġdid; fil-każ ta’ interruzzjoni, il-preskrizzjoni tagħlaq mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxar snin mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagamenti ta’ penalità (paragrafu 5);

it-terminu huwa sospiż matul il-proċeduri ta’ rikors ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, f’liema każ dan it-terminu jiġi estiż bil-perijodu li matulu kienet fis-seħħ is-sospensjoni (paragrafu 6).

317

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, dan iż-żmien ma huwiex iffissat jew iddeterminat minn qabel b’mod astratt fir-rigward tal-proċeduri kollha li jistgħu jkunu kkonċernati, iżda għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, b’mod partikolari l-interess tat-tilwima, il-kumplessità tal-każ, l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 187188).

318

Ir-rikorrenti tikkritika lil-leġiżlatur tal-Unjoni li ma pprevediex, fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, terminu massimu li lil hinn minnu kull intervent tal-Kummissjoni jkun eskluż anki jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni kien is-suġġett ta’ sospensjonijiet.

319

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bil-mod kif huwa mfassal, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta minn konċiljazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, bejn żewġ għanijiet li jistgħu jeħtieġu miżuri li jmorru fid-direzzjoni opposta, jiġifieri, minn naħa, il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali billi jiġi evitat li sitwazzjonijiet ikkonsolidati bil-mogħdija taż-żmien ikunu jistgħu jkunu kkontestati b’mod indefinit kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt billi jitmexxew proċeduri kontra, billi jiġi kkonstatat u billi jiġi ssanzjonat ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 82).

320

Issa, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx, f’dan il-każ, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qabeż, fil-konċiljazzjoni li huwa għamel bejn dawn l-għanijiet distinti, il-marġni li għandu jiġi rrikonoxxut lilu f’dan il-kuntest. Fil-fatt, is-setgħa li jsiru verifiki u li jiġu imposti sanzjonijiet hija rregolata permezz ta’ limiti stretti. Huwa minnu li t-terminu ta’ preskrizzjoni huwa sospiż fil-każ ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni. Madankollu, din il-possibbiltà teħtieġ, sabiex tiġi implimentata, pass li għandu jitwettaq mill-impriżi stess. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat bil-fatt li, wara l-preżentata ta’ diversi rikorsi, fejn kull wieħed minn dawn tal-aħħar ikun ġie ppreżentat mill-impriżi kkonċernati, id-deċiżjoni li tingħata fi tmiem il-proċedura tiġi adottata wara ċertu żmien.

321

Il-konċiljazzjoni hekk imwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni tidher iktar u iktar xierqa meta jitqies li l-indivdwi li jilmentaw dwar proċedura ta’ tul irraġonevoli jistgħu jikkontestaw dan it-tul billi jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura, liema annullament huwa rriżervat għas-sitwazzjonijiet fejn il-qbiż ta’ żmien raġonevoli jkun ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, jew, meta l-qbiż ta’ żmien raġonevoli ma jagħtix lok għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, billi jippreżentaw rikors għad-danni quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

322

Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Feralpi Holding SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Novembru 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.