SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
22 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019 – Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 – Kunċett ta’ ‘bidla fl-istatus’ – Sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali – Eċċezzjoni ta’ illegalità”
Fil-Kawża T-498/19,
Banco Cooperativo Español, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero u J. Beltrán de Lubiano Sáez de Urabain, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn M. Rius Riu u C. De Falco, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, F. B. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, P. Němečková u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, G. Hesse, D. Petrlík (Relatur) u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Banco Cooperativo Español, SA, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/47 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tat-8 ta’ Awwissu 2022 li tirtira d-Deċiżjoni tas-SRB/ES/SRF/2019/10 tas-SRB, tas-16 ta’ April 2019, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2019 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) sa fejn din tikkonċerna l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Anness I tagħha u li tikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2019 ta’ dawn l-istituzzjonijiet lis-SRF (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors
|
2 |
Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Spanja. Hija membru tal-iskema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”) tal-Banco Cooperativo SPI, li ġiet awtorizzata f’Marzu 2018 mill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja, Spanja) skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifika fil-ĠU L 208, 2013, p. 68, ĠU L 321, 2013, p. 6, fil-ĠU L 20, 2017, p. 2, u fil-ĠU L 92, 2023, p. 29). |
|
3 |
Permezz tad-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2019/10, tas-16 ta’ April 2019, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2019 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), is-SRB iffissa, f’konformità mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”), għas-sena 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-Regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti. |
|
4 |
Permezz ta’ avviż għall-ħlas tad-29 ta’ April 2019, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond għar-ristrutturazzjoni ordnata mingħand l-istabbilimenti bankarji, Spanja), fil-kapaċità tagħha bħala l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni skont it-tifsira tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, kif kienet ġiet stabbilita mis-SRB. |
|
5 |
Fit-8 ta’ Awwissu 2022, is-SRB adotta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha rtira u ssostitwixxa d-deċiżjoni inizjali. Skont il-premessi 15 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet intiża sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali li s-SRB kien ikkonstata wara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C-584/20 P u C-621/20 P, EU:C:2021:601), u d-digrieti tat-3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Portigon u Il-Kummissjoni (C-664/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:161), u tat-3 ta’ Marzu 2022, SRB vs Hypo Vorarlberg Bank (C-663/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:162). |
|
6 |
Fid-19 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti rċeviet in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
7 |
Ir-rikorrenti u s-SRB ma jaqblux dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI matul is-sena 2018, ħaġa li huwa ma għamilx. |
Id-deċiżjoni kkontestata
|
8 |
Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha test ewlieni akkumpanjat, fir-rigward tar-rikorrenti, minn erba’ annessi. |
|
9 |
It-test ewlieni tad-deċiżjoni kkontestata jiddeskrivi l-proċess għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, li japplika għall-istituzzjonijiet kollha. |
|
10 |
B’mod partikolari, fit-Taqsima 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina l-livell annwali fil-mira, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81, tad-19 ta’ Diċembru 2014, li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019 (iktar ’il quddiem il-“livell annwali fil-mira”). |
|
11 |
Barra minn hekk, is-SRB spjega li kien stabbilixxa dan il-livell annwali fil-mira għal wieħed minn tmienja ta’ 1.15 % tal-ammont medju ta’ depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha fl-2018, kif miksub mid-data rrapportata mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44). |
|
12 |
Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodoloġija li għandha tiġi segwita għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
13 |
Fit-Taqsima 7 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega wkoll li l-istituzzjonijiet, minbarra dawk li kienu jħallsu kontribuzzjoni f’daqqa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, kellhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, li huwa kien stabbilixxa billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin. |
|
14 |
Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem l-“obbligazzjonijiet netti”), fir-rigward tal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri kollha parteċipanti fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mill-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni. |
|
15 |
Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB għamel aġġustament għall-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, f’konformità mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. |
|
16 |
Fl-aħħar nett, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi qassam il-livell annwali fil-mira bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju. |
Talbiet tal-partijiet
|
17 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, fl-aħħar stadju tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
19 |
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fid-dritt
|
20 |
Fir-rikors promotur, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, sa fejn is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019 u, it-tieni wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 minħabba ksur tal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). |
|
21 |
Fin-nota ta’ adattament tar-rikors, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2022 skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tindika li hija żżomm l-argumenti kollha tagħha esposti fir-rikors promotur tagħha, filwaqt li tippreċiża li, wara l-irtirar u s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali bid-deċiżjoni kkontestata, it-talbiet tagħha għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata. |
|
22 |
Jeħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv, li bih ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, imbagħad l-ewwel motiv relatat mal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63
Fuq l-ammissibbiltà
|
23 |
Is-SRB isostni li t-tieni motiv huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni, sa fejn ir-rikorrenti ma ppreċiżatx liema dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kellhom jiġu ddikjarati inapplikabbli minħabba li kienu jiksru l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59. Barra minn hekk, il-legalità tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament delegat ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli. |
|
24 |
Ir-rikorrenti tqis li t-tieni aggravju huwa ammissibbli. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas b’mod sommarju, iżda koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, u dan sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dejjem skont il-ġurisprudenza, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il-Kunsill, T-455/17, EU:T:2021:411, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2021, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-265/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:392, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza tat-tieni motiv allegat mis-SRB, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti tippreċiża li hija tqajjem l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 biss fil-każ li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, tinterpreta dawn l-artikoli bħala li ma jippermettux li tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI fl-2018, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
27 |
Permezz tal-ewwel motiv, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li d-data ta’ referenza għall-provvista ta’ informazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, li hija ffissata għall-31 ta’ Diċembru 2017 mill-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, ma tipprekludix lis-SRB milli jieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-perijodu, il-parteċipazzjoni tagħha f’SPI li seħħet fl-2018. |
|
28 |
Konsegwentement, minn qari globali tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti qajmet l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat ukoll li, permezz tat-tieni motiv, hija kienet qiegħda tirreferi għall-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tieni argument tas-SRB, li jgħid li l-legalità tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, għandu jitfakkar li eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss meta tkun teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita (sentenzi tat-30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il-Parlament, T-737/17, EU:T:2019:273, punt 56, u tas-16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il-Kummissjoni, T-126/19, EU:T:2021:360, punt 33). |
|
30 |
Madankollu, l-Artikolu 277 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex jiġi żgurat stħarriġ tal-legalità effettiv tal-atti tal-istituzzjonijiet ta’ natura ġenerali favur persuni esklużi minn azzjoni diretta kontra atti bħal dawn. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE għandu jestendi għall-atti tal-istituzzjonijiet li kienu rilevanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament, fis-sens li l-imsemmija deċiżjoni hija essenzjalment ibbażata fuqhom, anki jekk ma jikkostitwixxux formalment il-bażi legali tagħha. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-eżami ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-regoli tal-istess sistema waħda ma jistgħux jiġu diviżi artifiċjalment (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il-Kummissjoni, T-126/19, EU:T:2021:360, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019 abbażi tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, fatt li dan irrifjuta abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, peress li huwa interpretaha b’mod differenti. |
|
32 |
Permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 adottata mis-SRB fid-deċiżjoni kkontestata kienet korretta, din id-dispożizzjoni tkun għalhekk illegali minħabba li tikser l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiżgura ruħha, meta tadotta dan ir-regolament ta’ delega, li l-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi jiġu aġġustati, b’mod xieraq, għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u li l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI tittieħed inkunsiderazzjoni waqt dan l-aġġustament. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
|
34 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-argument tas-SRB, espost fil-punt 29 iktar ’il fuq, iwassal, jekk jiġi segwit, sabiex ir-regoli tal-iskema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilita mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jinqasmu artifiċjalment, u sabiex l-Artikolu 277 TFUE jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu. |
|
35 |
Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB kontra t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il-mertu
|
36 |
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li jekk l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-parteċipazzjoni tagħha f’SPI fl-2018 ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk kuntrarji għall-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59. |
|
37 |
Peress li r-rikorrenti qajmet din l-eċċezzjoni ta’ illegalità biss fl-ipoteżi msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jippermettux lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi evalwat, fit-tieni lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex konformi mal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59. |
– Fuq il-portata tal-Artikolu 12(2) u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63
|
38 |
L-Artikolu 12(2) ta ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi li “[b]idla fl-istatus ta’ istituzzjoni, inkluża istituzzjoni żgħira, matul il-perjodu kontributorju ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni annwali li trid titħallas f’dik is-sena partikolari”. |
|
39 |
Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, “[l]-istituzzjonijiet jipprovdu lill-awtorità tar-riżoluzzjoni bl-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perjodu kontributorju, flimkien mal-opinjoni sottomessa mill-awditur statutorju jew mill-kumpannija tal-awditjar”. |
|
40 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI tikkostitwixxi bidla fl-istatus fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li tali bidla għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-perijodu ta’ kontribuzzjoni wara dak li matulu seħħet din il-bidla, jiġifieri li matulu l-imsemmija istituzzjoni integrat is-SPI. Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti bdiet tipparteċipa f’SPI fl-2018, is-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
41 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jipprekludihx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI li seħħet fl-2018 sabiex tikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, anki jekk din il-parteċipazzjoni ma kinitx effettiva fil-31 ta’ Diċembru 2017. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma tistax tintuża sabiex tikkomprometti l-osservanza tar-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, jiġifieri li l-kontribuzzjonijiet ex ante jiġu adattati għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’SPI. |
|
42 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument. |
|
43 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament ta’ delega. |
|
44 |
Qabel kollox, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lis-SRB l-aħħar rapporti finanzjarji annwali approvati disponibbli sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni (iktar ’il quddiem is-“sena N-1”). Dawk ir-rapporti finanzjarji għandhom ikunu akkumpanjati mill-opinjoni tal-awditur statutorju jew tal-kumpannija tal-awditjar. |
|
45 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tat-tul tal-finalizzazzjoni ta’ tali rapporti finanzjarji, l-informazzjoni li abbażi tagħha s-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni hija relatata, bħala regola ġenerali, mas-sena ta’ qabel tal-aħħar qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma’ sena finanzjarja li bdiet matul din is-sena ta’ qabel tal-aħħar u ngħalqet matul is-sena N-1 (iktar ’il quddiem, għal dawn iż-żewġ perijodi, is-“sena ta’ referenza N-2”). |
|
46 |
Sussegwentement, mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lis-SRB mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament ta’ delega, li tinkludi l-obbligazzjonijiet maħluqa minn istituzzjoni li hija membru ta’ SPI, li huma esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament ta’ delega. |
|
47 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi li l-informazzjoni msemmija fl-Anness II tiegħu, li taqa’ taħt ir-rekwiżiti ta’ rapportar prudenzjali, għandha tiġi pprovduta lis-SRB kif ġiet iddikjarata mill-istituzzjoni kkonċernata fl-aħħar rapport prudenzjali rilevanti tagħha li hija ppreżentat lill-awtorità kompetenti għas-sena ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega. |
|
48 |
Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirriżulta li huwa s-SRB li għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tal-informazzjoni dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali approvati u ċċertifikati (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet finanzjarji”) li huma disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C-255/18, EU:C:2019:967, punt 42), peress li din l-informazzjoni hija għalhekk relatata mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jirreferu għas-sena ta’ referenza N-2. |
|
49 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ istituzzjoni, l-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’SPI hija marbuta mill-qrib ma’ informazzjoni oħra inkluża fir-rapporti finanzjarji tagħha. Fil-fatt, meta s-SRB japplika, pereżempju, l-indikatur tar-riskju tas-SPI, kif previst fl-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, huwa għandu b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni – konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament ta’ delega – il-ponderazzjoni relattiva tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” previst fl-Artikolu 6(5)(a) tal-imsemmi regolament ta’ delega. Issa, kif sostna s-SRB mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, l-informazzjoni dwar dan l-aħħar indikatur tar-riskju tinsab, bħala regola ġenerali, fir-rapporti finanzjarji tal-istituzzjoni kkonċernata. |
|
50 |
Għalhekk, meta tali istituzzjoni tipparteċipa f’SPI matul is-sena N-1, din il-parteċipazzjoni sseħħ wara l-għeluq tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw is-sena ta’ referenza N-2, li huma determinanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ din l-istituzzjoni, kif jirriżulta mill-punt 45 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija parteċipazzjoni f’SPI ma tistax titqies bħala informazzjoni li hija relatata ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji. F’tali każ, ma huwiex is-SRB li għandu jieħu inkunsiderazzjoni din il-parteċipazzjoni meta jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tal-imsemmija istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat. |
|
51 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-rikorrenti. |
|
52 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB għandu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI matul is-sena N-1 abbażi tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, peress li tali parteċipazzjoni tikkostitwixxi bidla fl-istatus fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
53 |
Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI tikkostitwixxix “bidla fl-istatus” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma timponix fuq is-SRB l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni tali bidla li seħħet matul is-sena N-1 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat. |
|
54 |
Fil-fatt, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jillimita ruħu sabiex jistipula li bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni “ma jkollha l-ebda effett fuq il-kontribuzzjoni [ex ante] li trid titħallas f’dik is-sena partikolari”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża għalhekk li bidla fl-istatus ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta għall-istess sena li matulha seħħet l-imsemmija bidla, mingħajr madankollu ma jiġi impost li l-imsemmija bidla għandha neċessarjament tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta għas-sena sussegwenti. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-użu tal-kliem “is-sena inkwistjoni” jimplika trattament differenti tas-sena li matulha seħħet il-bidla fl-istatus u tas-sena ta’ wara. |
|
56 |
Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jippreċiża li l-bidla fl-istatus matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni ma għandhiex effett fuq il-kontribuzzjoni ex ante dovuta għal dan l-istess perijodu ma jfissirx li, a contrario, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-perijodu sussegwenti. |
|
57 |
Sussegwentement, u jekk jitqies li l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI tikkostitwixxi “bidla fl-istatus” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, minn qari konġunt tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, kif ġie rrilevat fil-punti 48 sa 50 iktar ’il fuq, jirriżulta li tali parteċipazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni jekk din tirriżulta mill-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw is-sena ta’ referenza N-2. |
|
58 |
Issa, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 li jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tagħti deroga minn din ir-regola. |
|
59 |
B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li, kif tirrileva r-rikorrenti, l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jifforma parti mit-Taqsima 3 tiegħu, intitolata “Aspetti amministrattivi u penali”, minn dan ma jistax jirriżulta li l-portata tiegħu għandha tkun limitata għall-aspetti purament amministrattivi tas-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għall-kuntrarju, peress li l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi espliċitament li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet “skont l-Artikolu 14 [tar-Regolament ta’ Delega 2015/63]”, din id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-kalkolu ta’ tali kontribuzzjonijiet. |
|
60 |
Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni bidla fl-istatus waqt il-perijodu ta’ kontribuzzjoni li jsegwi dak li matulu seħħet din il-bidla, din id-dispożizzjoni ssir superfluwa. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandu b’mod partikolari l-għan li jevita kull inċertezza dwar il-portata tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, sa fejn dan jipprevedi deroga mill-prinċipju li jgħid li l-kontribuzzjonijiet ex ante huma kkalkolati abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB, C-202/21 P, EU:C:2022:734, punt 61). |
|
62 |
Għalhekk, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 iżomm l-iskop tiegħu sa fejn jiċċara, f’termini espliċiti, il-konsegwenza li tista’ diġà tiġi dedotta b’mod impliċitu mill-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, jiġifieri li “bidla fl-istatus” ta’ istituzzjoni ma jistax ikollha effett fuq il-kontribuzzjoni ex ante dovuta għas-sena inkwistjoni. |
|
63 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jimponix fuq is-SRB li jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI li seħħet matul is-sena N-1 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante. |
|
64 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni li tali obbligu jirriżulta mill-Artikolu 14(5) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li jipprovdi li, “[m]eta l-informazzjoni jew id-dejta preżentata lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tkun soġġetta għal aġġornamenti jew korrezzjonijiet, dawn l-aġġornamenti jew il-korrezzjoni jiġu sottomessi lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni mingħajr dewmien bla bżonn”. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-aġġornamenti msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jikkonċernaw l-informazzjoni jew id-data pprovduta mill-istabbiliment ikkonċernat skont l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, peress li dawn huma għalhekk relatati mas-sena ta’ referenza N-2. Għalhekk, xejn fl-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament ta’ delega ma jindika li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tawtorizza lil istituzzjoni tippreżenta lis-SRB informazzjoni dwar perijodu differenti minn dak ikkonċernat mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ dan l-istess regolament delegat, jiġifieri s-sena ta’ referenza N-2. |
|
66 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 sabiex issostni li s-SRB huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li hija relatata mas-sena N-1. |
|
67 |
L-Artikolu 17(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi li, “[m]eta l-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun soġġetta għal rapporti mill-ġdid jew reviżjonijiet, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni taġġusta l-kontribuzzjoni [ex ante] skont l-informazzjoni aġġornata meta tikkalkula l-kontribuzzjoni [ex ante] ta’ dik l-istituzzjoni għall-perjodu ta’ kontribuzzjoni li jmiss”. |
|
68 |
Minn dan jirriżulta, kif isostni s-SRB, li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 sempliċement jiddefinixxi l-mument li minnu l-ipproċessar mill-ġdid jew ir-reviżjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jipproduċu effetti, jiġifieri matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni sussegwenti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tbiddel id-data ta’ referenza tal-informazzjoni li hija rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif stabbilita mill-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega. |
|
69 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandu jsir abbażi ta’ “ritratt tas-sitwazzjoni” tal-istituzzjonijiet fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena finanzjarja, billi tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża State Street Bank International (C-255/18, EU:C:2019:539, punt 71). Fil-fehma tagħha, il-parteċipazzjoni tagħha fis-SPI kkonċernata kellha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirreferi għal data waħda, li hija l-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1, dan ir-riferiment jikkonċerna d-disponibbiltà tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jintużaw għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Issa, huwa meħtieġ ukoll li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji disponibbli f’din id-data jkunu debitament approvati u ċċertifikati, li jfisser, kif ġie rrilevat fil-punt 45 iktar ’il fuq, li dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jirrigwardaw is-sena ta’ referenza N-2. |
|
71 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirriżulta, ċertament, li, kif issostni r-rikorrenti, l-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal perijodu ta’ kontribuzzjoni tista’ tiġi pprovduta mill-istituzzjoni kkonċernata sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni. Madankollu, dan lanqas ma jaffettwa l-konstatazzjoni, li tirriżulta mill-punti 42 sa 50 iktar ’il fuq, li tgħid li din l-informazzjoni għandha tkun relatata mar-rapporti finanzjarji disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 u għalhekk hija relatata mas-sena ta’ referenza N-2. |
|
72 |
Il-ħames nett, l-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI ma hijiex data kontabbli li tista’ tvarja. Fil-fatt, l-eventwali natura li tvarja jew statika tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, li minnu jirriżulta li l-informazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandha tkun relatata mar-rapporti finanzjarji disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1 u li għalhekk hija relatata, kif ġie rrilevat fil-punt 45 iktar ’il fuq, mas-sena ta’ referenza N-2. |
|
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jobbligax lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fil-perijodu ta’ kontribuzzjoni wara dak li matulu seħħet din il-parteċipazzjoni, u barra minn hekk ma jippermettilux jagħmel dan. |
|
74 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għan imfittex mis-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif stabbilita mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, u kif ippreċiżat mir-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
|
75 |
Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 48 iktar ’il fuq, huwa s-SRB li għandu jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tal-informazzjoni li hija relatata mar-rapporti finanzjarji disponibbli fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N-1, li huma relatati mas-sena ta’ referenza N-2. |
|
76 |
Issa, kieku s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-ishma kollha f’SPI tal-istituzzjonijiet ikkonċernati matul is-sena N-1, l-affidabbiltà tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li jsir matul is-sena segwenti tista’ tiġi kompromessa, peress li s-SRB ikun b’mod partikolari obbligat iwettaq l-imsemmi kalkolu abbażi ta’ informazzjoni oħra għajr dik relatata mal-imsemmija dikjarazzjonijiet finanzjarji debitament approvati. In-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-imsemmi kalkolu jirriskja għalhekk li jostakola t-twettiq tal-għan imfittex mis-sistema tal-kontribuzzjonijiet ex ante li jikkonsisti f’li jintlaħaq, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SRM (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C-255/18, EU:C:2019:967, punti 41 u 43). |
|
77 |
Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni f’SPI li seħħ matul is-sena N-1 jaffettwa l-koerenza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif ukoll il-paragunabbiltà tal-informazzjoni użata għal dan il-kalkolu. Fil-fatt, filwaqt li s-SRB jieħu inkunsiderazzjoni għal tali kalkolu, konformement mal-Artikoli 4 u 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, l-informazzjoni relatata mas-sena ta’ referenza N-2 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar perijodu ieħor, jiġifieri s-sena N-1, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI li seħħet matul is-sena N-1. |
|
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI li seħħet fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
– Fuq il-legalità tal-Artikolu 12(2) u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 fid-dawl tal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59
|
79 |
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li għalkemm l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI li seħħet fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59. |
|
80 |
It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 u li jgħid li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu adattati għall-profil tar-riskju ta’ kull istituzzjoni u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59, u li tgħid li d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li istituzzjoni tipparteċipa f’SPI. |
|
81 |
Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument. |
|
82 |
Peress li dawn iż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv huma marbuta mill-qrib, għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-preċiżjoni tar-regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, b’applikazzjoni tad-delega ta’ setgħa prevista fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tintalab twettaq evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB, T-389/21, EU:T:2023:827, punti 105 sa 111). |
|
84 |
Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tas-setgħa tal-Kummissjoni li tiddetermina d-dati ta’ referenza għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li hija rilevanti għall-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju, inkluża d-data ta’ referenza għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI. |
|
85 |
Fil-fatt, minn naħa, din id-determinazzjoni tifforma parti integrali mill-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju, li jimplika, fl-intier tiegħu, evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB, T-389/21, EU:T:2023:827, punti 105 sa 111). |
|
86 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59 sempliċement jindika li, meta l-Kummissjoni tadotta atti ddelegati sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li istituzzjoni tappartjeni għal SPI, mingħajr madankollu ma tippreċiża l-mument li fih tali fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
87 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tad-dati ta’ referenza tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u b’mod partikolari ta’ dik tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ stabbiliment f’SPI, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk qabiżx b’mod ċar il-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB, T-389/21, EU:T:2023:827, punt 112). |
|
88 |
Minn dan isegwi li hija r-rikorrenti li għandha turi li l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter jew ma josservawx manifestament il-limiti tas-setgħa tal-Kummissjoni. |
|
89 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li, fir-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-appartenenza tal-istituzzjonijiet f’SPI bħala element li kien rilevanti fil-kuntest tal-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet. |
|
90 |
B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, ċerti obbligazzjonijiet maħluqa minn istituzzjoni li hija membru ta’ SPI huma esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(5)(b) u l-Artikolu 7(4)(b) ta’ dan ir-regolament ta’ delega jieħdu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI sabiex tiġi aġġustata l-kontribuzzjoni annwali bażika għall-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. |
|
91 |
Sussegwentement, huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni f’SPI b’diskrepanza, li tikkorrispondi għall-perijodu bejn id-data ta’ referenza tar-rapporti finanzjarji msemmija f’din id-dispożizzjoni u d-data tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. |
|
92 |
Madankollu, dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi stabbilita data komuni għall-istituzzjonijiet kollha kkonċernati li tippermetti l-paragun tad-data u tal-informazzjoni li huma jipprovdu għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq jirriżulta li tali data hija intiża b’mod partikolari sabiex tippermetti lis-SRB jikkalkola b’mod affidabbli l-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji approvati u għalhekk li jilħaq l-għan invokat f’dan l-istess punt. |
|
93 |
Min-naħa l-oħra, id-differenza msemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq ma hijiex manifestament mhux xierqa peress li, konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, is-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar l-aħħar rapporti finanzjarji approvati u ċċertifikati, b’tali mod li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa bbażat fuq l-informazzjoni marbuta mal-ewwel sena li għaliha din hija disponibbli f’forma approvata u ċċertifikata (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). |
|
94 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċietx elementi oħra intiżi sabiex juru li l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter jew ma kinux josservaw manifestament il-limiti tas-setgħa tal-Kummissjoni meta kienu jiddeterminaw il-mument li fih il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni f’SPI kellha tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
95 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63
|
96 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha fis-SPI kkonċernata li seħħet fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019, is-SRB kiser l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. |
|
97 |
Is-SRB jikkontesta dan l-argument. |
|
98 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fis-SPI kkonċernata ma seħħitx matul is-sena ta’ referenza N-2, jiġifieri fl-2017, peress li din is-SPI nħolqot biss fl-2018. |
|
99 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 78 iktar ’il fuq, l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’SPI li seħħet fl-2018 għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
100 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha disponibbli fil-31 ta’ Diċembru 2017 jinkludu ċerta informazzjoni dwar il-ħolqien tas-SPI li hija membru tagħha u s-SRB kellu għalhekk jeħodha inkunsiderazzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
101 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(8) tad-Direttiva 2014/59, is-SRB jista’ biss jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, SPI li jkunu ġew approvati skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013. |
|
102 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kostituzzjoni tas-SPI inkwistjoni saret definittiva biss wara li l-Bank ta’ Spanja kkonferma, f’Marzu 2018, li l-ftehim dwar il-ħolqien ta’ din is-SPI kien jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013. |
|
103 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ma wettaqx żball ta’ liġi meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fis-SPI kkonċernata, li seħħet fl-2018, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2019. |
|
104 |
Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
105 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
106 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla) tiddikjara u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kornezov Buttigieg Hesse Petrlík Spangsberg Grønfeldt Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Jannar 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.