SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Artikolu 9 – Talba għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi – Artikolu 23 – Konsultazzjoni ma’ tabib ieħor – Rifjut ta’ riferiment lill-Kumitat Mediku abbażi tal-Artikolu 22 – Assenza ta’ applikazzjoni, b’analoġija, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) – Regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment – Applikazzjoni tal-liġi ratione temporis

Fil-Kawża T‑316/19,

Arnaldo Lucaccioni, residenti f’San Benedetto del Tronto (l-Italja), irrappreżentat minn E. Bonanni, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u L. Vernier, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2018 li tiċħad it-talbiet tar-rikorrent tat‑23 ta’ Marzu u tat‑8 ta’ Ġunju 2018 għal riferiment lill-Kumitat Mediku skont l-Artikolu 22 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskju ta’ inċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni li r-rikorrent allegatament issubixxa minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il‑kuntest ġuridiku u l‑fatti li wasslu għall‑kawża

Il‑kuntest ġuridiku

[omissis]

3

L-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, taħt it-titolu “Deċiżjonijiet”, jipprevedi:

“Deċiżjonijiet li jagħrfu l-kawża aċċidentali ta’ avveniment, kemm jekk huwa attribwit għal riskji ta’ fuq il-post tax-xogħol jew le, u deċiżjonijiet konnessi ma’ dan, li jagħrfu n-natura ta’ marda bħala waħda li tiġi minn fuq il-post tax-xogħol jew li jistmaw il-grad ta’ invalidità permanenti għandhom jittieħdu mill-awtorità li taħtar skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20:

fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtur(a) mill-istituzzjoni u

fejn il-parti assigurata titlob dan, wara li tikkonsulta l-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22.”

4

F’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni u x-xogħol tal-Kumitat Mediku, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, bit-titolu “Il-Kumitat Mediku”, jipprevedi kif ġej:

“1.   Il-Kumitat Mediku għandu jikkonsisti fi tliet tobba:

Wieħed maħtur mill-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha,

Wieħed maħtur mill-awtorità li taħtar,

Wieħed maħtur bi ftehim bejn l-ewwel żewġ tobba.

Meta ma jistax jintlaħaq ftehim dwar il-ħatra tat-tielet tabib fi żmien xahrejn wara l-ħatra tat-tieni tabib, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] għandu jaħtar lit-tielet tabib fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet.”

5

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, bit-titolu “Konsultazzjoni ma’ tabib ieħor”, jipprovdi:

“1.   F’każijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 18, fejn għandha tittieħed deċiżjoni wara konsultazzjoni mat-tabib maħtur mill-awtorità li taħtar, din ta’ l-aħħar, qabel ma tieħu din id-deċiżjoni, għandha tinnotifika lill-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha dwar l-abbozz tad-deċiżjoni kif ukoll dwar il-konklużjonijiet tat-tabib. Fi żmien tletin jum il-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha jistgħu jitolbu konsultazzjoni ma’ tabib ieħor, li għandu jintgħażel bi ftehim bejn it-tabib maħtur mill-awtorità li taħtar u t-tabib maħtur mill-parti assigurata jew dawk li għandhom dritt taħtha. Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, ma tkun saret l-ebda talba għall-konsultazzjoni bħal din, l-awtorità li taħtar għandha tieħu deċiżjoni skond l-abbożż li jkun ġie nnotifikat qabel.”

[omissis]

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

29

Fis‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

30

Fit‑3 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent ippreżenta r-replika

31

Permezz ta’ deċiżjoni adottata fil‑25 ta’ Ottubru 2019, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lir-Raba’ Awla.

32

Fit‑18 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

33

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Novembru 2019, il-partijiet ġew informati dwar l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u dwar il-possibbiltà tagħhom li jitolbu li tinżamm seduta fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta fit-terminu previst.

34

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċeduri, il-Qorti Ġenerali, fil‑15 ta’ Ġunju 2020, talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet u jipproduċu verżjoni li tista’ tinqara ta’ ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għall-mistoqsijiet u r-rikorrent laqa’ t-talba għal produzzjoni ta’ dokumenti fit-terminu mogħti.

35

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir‑Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Madankollu, peress li r-rikorrent, wara talba tal-Qorti Ġenerali, essenzjalment indika, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Lulju 2020, li finalment ma kienx ser jassisti għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġenerali (Ir‑Raba’ Awla) iddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħlaq il-fażi orali tal-proċedura.

36

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adatta r-rikors b’mod li dan isemmi, essenzjalment, it-teħid inkunsiderazzjoni, wara li r-rikorrent sar jaf bih, “ta’ att, li jikkostitwixxi element ġdid, li għandu l-effett li jnaqqas b’mod awtomatiku t-talbiet inizjali tar-rikors, sabiex ‘jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element il-ġdid’, bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2018”. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda tan-nota ta’ adattament tar-rikorrent bħala inammissibbli.

37

Fl‑14 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent ippreżenta nota li tinkludi motiv ġdid. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija nota fit‑30 ta’ Settembru 2020.

38

Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

“[tannulla] d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkluża fil-posta elettronika, tat‑2 ta’ Awwissu 2018, fl-ewwel paragrafu tat-tieni paġna, li permezz tagħha ‘sabiex tmexxi l-fajl, [l-Awtorità tal-Ħatra] iddeċidiet li tispira ruħa mir-regola espressament prevista [fit-tieni subparagrafu tal]-Artikolu 22[(1)] tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-każijiet fejn ma jintlaħaq ebda ftehim, fir-rigward tal-ħatra tat-tielet tabib, bejn it-tabib li jirrappreżenta lill-persuna assigurata u dak li jirrappreżenta lill-istituzzjoni u li tapplikaha, b’analoġija, għall-finijiet ta’ nomina ta’ tabib ieħor f’[din] il-kawża’;

tikkundanna, jekk is-setgħat tal-Qorti Ġenerali jippermettu dan, lill-Kummissjoni [tħallas lir-rikorrent] is-somma ta’ EUR 21440, li tikkorrispondi għar-rimbors tal-ispejjeż […] għat-‘trattamenti meħtieġa minħabba l-leżjonijiet subiti u s-sintomi tagħhom, u jekk ikun hemm lok, tal-ispejjeż meħtieġa minħabba r-riabilitazzjoni funzjonali’ u neċessarji għal ‘korrezzjoni b’urgenza, peress li l-ispazju seta’ jaggrava sitwazzjoni klinika diġà kompromessa mill-marda b’episodji kontinwi u ripetuti ta’ infezzjonijiet tal-passaġġi respiratorji ta’ fuq’;

sussidjarjament, timponi[,] tawtorizza jew tadotta kwalunkwe miżura oħra sabiex il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ, fil-każ speċifiku tar-rikorrent u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-passat tiegħu marbut mal-marda kkaġunata mix-xogħol, jaqgħu manifestament taħt il-każ deskritt fl-Artikolu 10 [tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni preċedenti], u tipproċedi għar-rimbors tas-somma mitluba prinċipalment;

iktar sussidjarjament, timponi lill-Kummissjoni, konformement mal-approċċ indikat fid-deċiżjoni [kontenzjuża] li jikkonsisti f’li ‘tispira ruħa mir-regola espressament prevista fl-Artikolu 22 tar-Regoli [dwar l-assigurazzjoni]’ fil-każ speċifiku tar-rikorrent u f’li ‘tapplikaha, b’analoġija’, titlob lill-Kumitat Mediku jagħti l-opinjoni tiegħu, skont l-Artikolu 20 tar-Regoli [dwar l-assigurazzjoni];

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas interess moratorji mit‑23 ta’ Jannar 2017, data tar-rifjut tar-rimbors tal-ispejjeż għat-trattamenti mwettqa, sal-ħlas, skont il-kalkolu Nru 238 (anness A.04);

tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa [lir-rikorrent] għad-dannu subit għal ammont ta’ EUR 500000 jew għal kull ammont ieħor […] iddeterminat ex aequo et bono; minħabba n-natura volontarja jew vessatorja tal-atti u tal-ommissjonijiet illegali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għall-aġir anormali tat-tliet tobba kkonsultati, li fost oħrajn ċaħdu l-funzjonijiet l-iktar elementari tal-imnieħer, billi allegaw fil-prattika li, fil-każ speċifiku tar-rikorrent, it-teħid tan-nifs mill-ħalq huwa daqstant tajjeb għas-saħħa daqs it-teħid tan-nifs mill-imnieħer;

tikkundanna, fi kwalunkwe każ, lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.”

39

Fir-risposta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

40

Fir-replika, ir-rikorrent jitlob, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tiddikjara li [huwa] għandu dritt, provviżorjament, inkluż permezz ta’ digriet separat, għas-somma ta’ EUR 7754, li tirrappreżenta r-rimbors previst mill-[Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet] u li dak iż-żmien ġie awtorizzat, abbażi ta’ dokumenti prodotti darbtejn, li huma fil-pussess tal-Kummissjoni”.

41

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ukoll it-talba mressqa mir-rikorrent fir-replika.

Fid‑dritt

[omissis]

Fuq il‑mertu

L-ewwel kap ta’ talbiet huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha, skont ir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra tispira ruħha, b’mod żbaljat, mir-regola espressament prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, applikabbli għall-każijiet fejn “ma jintlaħaq ebda ftehim bejn it-tabib li jirrappreżenta lill-persuna assigurata u dak li jirrappreżenta lill-istituzzjoni għall-ħatra tat-tielet tabib”, sabiex tapplikaha, b’analoġija, għall-finijiet ta’ nomina ta’ “tabib ieħor”.

42

Ir-raba’ kap ta’ talbiet, imqajjem b’mod iktar sussidjarju, huwa intiż, essenzjalment, sabiex il-Kummissjoni tiġi imposta tispira ruħha mir-regola espressament prevista fl-Artikolu 22 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, kif indikata fid-deċiżjoni kkontestata, fil-każ speċifiku tar-rikorrent u tapplikaha b’analoġija, billi titlob lill-Kumitat Mediku jagħti l-opinjoni tiegħu, skont l-Artikolu 20 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

43

Għalhekk, permezz tal-formulazzjoni tal-ewwel u tar-raba’ kap ta’ talbiet, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni, minn naħa, jikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tiffavorixxi applikazzjoni selettiva, billi tirrikorri biss għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni fil-każ inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirrikorrix għall-proċedura kollha prevista fl-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kapijiet ta’ talbiet għandhom jiġu analizzati flimkien.

[omissis]

106

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrent fil-kuntest tar-raba’ kap ta’ talbiet, li jikkonsisti, essenzjalment, fl-ispirazzjoni mir-regola proċedurali intiża għar-riferiment lill-Kumitat Mediku sabiex dan jeżamina mill-ġdid it-talba tiegħu għar-rimbors tal-ispejjeż, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni jiddistingwu b’mod ċar bejn żewġ sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l-eżami mill-ġdid ta’ abbozz ta’ deċiżjoni.

107

Fl-ewwel sitwazzjoni, jekk il-persuna assigurata titlob dan, id-deċiżjoni tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Mediku skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni. Fit-tieni sitwazzjoni, il-persuna assigurata tista’ titlob il-konsultazzjoni għal opinjoni ma’ “tabib ieħor” fil-każijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 18 tal-imsemmija regoli. Wara n-notifika ta’ dawn l-abbozzi ta’ deċiżjoni, iż-żewġ proċeduri jistabbilixxu rispettivament terminu ta’ 60 jum u ta’ 30 jum li fihom il-persuna assigurata tista’ titlob l-eżami mill-ġdid tal-imsemmija abbozzi. Jekk, fl-iskadenza tat-terminu, ma tkun tressqet ebda talba għal konsultazzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tadotta d-deċiżjoni hekk kif din tkun ġiet innotifikata fl-abbozz.

108

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ talba għar-rimbors tal-ispejjeż, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, ma jaqgħux, hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu jirrigwarda “[d]eċiżjonijiet li jagħrfu l-kawża aċċidentali ta’ avveniment, kemm jekk huwa attribwit għal riskji ta’ fuq il-post tax-xogħol jew le, u deċiżjonijiet konnessi ma’ dan, li jagħrfu n-natura ta’ marda bħala waħda li tiġi minn fuq il-post tax-xogħol jew li jistmaw il-grad ta’ invalidità permanenti”. Peress li dan il-kliem huwa ċar, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jiġu inklużi d-deċiżjonijiet dwar talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

109

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi r-rikorrent, ma huwiex il-każ li jiġi ddeterminat xi dritt ta’ użu tal-proċedura kollha applikabbli għal talba għal rimbors, iżda pjuttost li tiġi ddeterminata l-proċedura għan-nomina tat-“tabib [l-]ieħor” applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar l-imsemmija nomina. Fil-fatt, fuq dan il-punt, l-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ma fih ebda lakuna li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-proċedura kollha prevista fl-Artikolu 22 tal-imsemmija regoli.

110

Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jirrigwardaw ipoteżijiet differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 18 tagħhom u huma rregolati mill-proċedura deskritta fl-Artikolu 23 tagħhom.

111

Mill-konklużjoni fformulata fil-punt 110 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra, f’dan il-każ, iddeċidiet li tirrikorri parzjalment u b’analoġija, għal dak li jirrigwarda n-nomina tat-“tabib [l-]ieħor” prevista fl-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, għall-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni sabiex minn dan jiddeduċi li, a fortiori, il-proċedura kollha prevista fl-imsemmi Artikolu 22 għandha tapplika għat-talba tiegħu għal rimbors. Bl-istess mod, mir-rifjut tar-rimbors ta’ spejjeż minn naħa tat-tabib innominat mill-Awtorità tal-Ħatra huwa ma jista’ jislet ebda dritt ta’ riferiment lill-Kumitat Mediku. Konsegwentement, l-ewwel motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa fondat inkwantu l-Artikolu 22 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ma jkoprix id-deċiżjonijiet dwar rimbors ta’ spejjeż mediċi.

112

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-konklużjoni milħuqa fil-punt 110 iktar ’il fuq, għandha tiġi evalwata l-legalità tal-użu, b’analoġija, tal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, hekk kif ikkontestata mir-rikorrent u difiża mill-Kummissjoni, sabiex jiġi nnominat it-“tabib [l-]ieħor” fis-sens tal-Artikolu 23 tal-imsemmija regoli.

113

Mill-kliem tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, bit-titolu “Rimborż ta’ l-ispejjez”, jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi dritt għar-rimbors tal-“ispejjez kollha neċessarji […] sabiex iħallsu għall-kura u trattament meħtieġ bħala riżultat tal-leżjonijiet li soffrew u s-sintomi tagħhom, kif ukoll, fejn ikun jixraq, l-ispejjez imġarrba fir-rijabilitazzjoni funzjonali u ta’ fuq il-post tax-xogħol tal-vittma”. Għall-kuntrarju, dan ma jinkludi ebda preċiżazzjoni dwar il-proċedura applikabbli għat-talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi.

114

F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 23(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, li, b’mod konformi mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae residwu tiegħu, jiddefinixxi l-proċedura applikabbli għad-deċiżjonijiet dwar il-każijiet mhux previsti fl-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, sitwazzjoni li taħtha taqa’ d-deċiżjoni kontenzjuża.

115

Huwa minnu li, hekk kif jindikaw il-partijiet, l-Artikolu 23(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, bit-titolu “Konsultazzjoni ma’ tabib ieħor”, ma jippreċiżax b’mod espliċitu l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi nnominat it-“tabib [l-]ieħor” sabiex jiġi rrimedjat, jekk ikun il-każ, nuqqas ta’ qbil bejn it-tabib innominat mill-Awtorità tal-Ħatra u t-tabib innominat mill-persuna assigurata.

116

Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġġustifika interpretazzjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 32 u 33). Sabiex tiġi żgurata tali prevedibbiltà, huwa importanti li wieħed jibqa’, sa fejn dan ikun possibbli, fidil għall-kliem tad-dispożizzjonijiet interpretati.

117

Il-fatt li jiġi aċċettat li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn it-tabib innominat mill-Awtorità tal-Ħatra u t-tabib innominat mill-persuna assigurata għall-ħatra tat-“tabib [l‑]ieħor”, għandha tintuża il-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni joħloq ir-riskju li jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni hekk kif din kienet inizjalment prevista mill-awturi tagħha. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-preambolu tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, huma l-istituzzjonijiet, u mhux il-Qorti Ġenerali, li għandhom jadottaw, bi ftehim komuni, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni u, konsegwentement, li jipprevedu, jekk ikun il-każ, tali proċedura jew li jagħmlu riferiment espliċitu għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

118

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, minkejja li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni “fid-dawl” tal-kuntest ġuridiku li minnu din tagħmel parti jew tal-iskop tagħha tkun bħala prinċipju possibbli sabiex tiġi riżolta ambigwità ta’ redazzjoni, tali interpretazzjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni taħt piena li tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BCE vs Il‑Ġermanja, C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31; tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑582/08, EU:C:2010:429, punti 46, 4951 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑14/15 u C‑116/15, EU:C:2016:715, punt 70).

119

Peress li l-istituzzjonijiet ma pprevedewx espliċitament in-nomina ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-“tabib [l-]ieħor”, u lanqas ma qablu dwar din l-applikazzjoni b’analoġija, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li timponiha permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora l-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dispożizzjoni li tipprevedi biss il-possibbiltà li jiġi nnominat “tabib ieħor” magħżul bi ftehim komuni mit-tabib innominat mill-Awtorità tal-Ħatra u minn dak innominat mill-persuna assigurata. Konsegwentement, il-Kummissjoni, ma setgħetx tapplika, b’analoġija għas-sitwazzjoni inkwistjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

120

Fit-tielet lok, il-konklużjoni milħuqa fil-punt preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar tiġġustifika l-użu tal-applikazzjoni b’analoġija tar-regola ta’ nomina tat-“tielet tabib” prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni minħabba l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ staġnar ikkawżata mill-impossibbiltà li jinħatar “tabib ieħor” fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni u l-assenza, fl-artikolu inkwistjoni, ta’ regoli speċifiċi applikabbli f’tali każ. Barra minn hekk, l-għażla ta’ dan l-użu hija skont il-Kummissjoni bbilanċjata u tippermetti li jiġu rrikonċiljati b’mod ekwu l-interessi tal-ex uffiċjal u dawk tal-amministrazzjoni. Din l-għażla hija bbażata fuq id-dmir ta’ premura u fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-istituzzjoni għandha.

121

F’dan ir-rigward, qabelxejn, l-argument tal-Kummissjoni li, minħabba n-neċessità li tinsab soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ staġnar li tikkaratterizza l-każ inkwistjoni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għandha, fil-preżenza ta’ nuqqas ta’ qbil fuq in-nomina ta’ “tabib ieħor”, tinqara bħala li tipprevedi l-użu b’analoġija tal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni huwa inkompatibbli mal-formulazzjoni ċara tal-imsemmija dispożizzjoni u, barra minn hekk, ma huwiex sostnut minn elementi oħra tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

122

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-għażla ta’ użu tar-regola ta’ nomina tat-tielet tabib prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni hija bbilanċjata u tippermetti li jiġu rrikonċiljati b’mod ekwu l-interessi tal-ex uffiċjal u dawk tal-amministrazzjoni hija kkontestata mir-rikorrent. B’mod partikolari, l-argumenti mressqa dwar il-kontenut inċert tal-mandat ta’ dan it-“tabib [l-]ieħor” innominat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dokumentazzjoni li tintbagħat lil dan tal-aħħar mingħajr dritt ta’ verifika tar-rikorrent u n-natura definittiva tad-deċiżjoni ta’ din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ad hoc juru, tal-inqas, li r-rikorrent jikkontesta li din l-għażla hija bbilanċjata u tirrikonċilja l-interessi tal-partijiet preżenti. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ proċedura ad hoc bħal din inkwistjoni, l-argumenti tar-rikorrent jistgħu jiġu interpretati bħala li jsostnu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma huwiex osservat minħabba n-nuqqas ta’ prevedibbiltà ta’ din il-proċedura.

123

Barra minn hekk, il-fatt li dispożizzjonijiet oħra tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprevedu proċedura simili, jew li din hija ġġustifikata mid-dmir ta’ premura u mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-istituzzjoni għandha, ma jistax jiġġustifika li tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża.

124

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u r-regoli applikabbli għall-persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, fatt li b’mod partikolari jimplika li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel dan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tas-servizz, iżda wkoll dawk tal-uffiċjal ikkonċernat. Dan l-aħħar obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjoni mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Arango Jaramillo et vs BEI, T‑482/16 RENV, EU:T:2017:901, punt 131 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Barra minn hekk, l-obbligi li jirriżultaw għall-amministrazzjoni mid-dmir ta’ premura huma sostanzjalment imsaħħa meta tkun inkwistjoni s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkun irriżulta li s-saħħa, fiżika jew mentali tiegħu, hija affettwata (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, F‑156/12, EU:F:2014:247, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 106).

126

Madankollu, fil-kuntest tad-dmir ta’ premura, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-uffiċjali għandha dejjem tkun limitata għall-osservanza tar-regoli fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, dan tal-aħħar ma jistax iwassal lill-amministrazzjoni tagħti lil dispożizzjoni Komunitarja effett li jkun imur kontra l-kliem ċar u preċiż ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, EU:T:2000:169, punt 68, u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Teeäär vs BĊE, T‑547/18, EU:T:2020:119, punti 87 sa 89).

127

F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kontenzjuża taqa’ taħt il-kuntest iktar ġenerali ta’ talba għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi li hija marbuta mal-marda kkaġunata mix-xogħol tar-rikorrent, il-fatt li l-obbligi tal-amministrazzjoni li jirriżultaw mid-dmir ta’ premura huma sostanzjalment imsaħħa ma jfissirx li l-Kummissjoni tista’ tmur kontra l-kliem ċar u preċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni. Għalkemm, bis-saħħa tad-dmir ta’ premura, il-Kummissjoni hija effettivament marbuta ssib soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ mblukkar eżistenti, din is-soluzzjoni għandha tosserva l-qafas regolatorju impost fuqha.

128

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-dmir ta’ premura sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni b’analoġija tar-regola ta’ nomina tat-tielet tabib prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni peress li d-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija regoli tipprekludi tali applikazzjoni u barra minn hekk ma hija inkompatibbli ma’ ebda prinċipju ġenerali tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑81/09, EU:F:2011:13, punt 55).

129

Fir-raba’ lok, il-konklużjoni milħuqa fil-punt 119 iktar ’il fuq lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrent. L-ewwel, dan tal-aħħar isostni, essenzjalment, li huwa għandu d-dritt li tiġi applikata fir-rigward tiegħu l-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat Mediku prevista fl-Artikolu 22 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni sa fejn l-opinjoni ta’ korp kolleġġjali toffri iktar garanziji minn dik ta’ tabib wieħed fil-kuntest ta’ fajl u ta’ mandat prattikament sigrieti. F’dan ir-rigward, huwa jidher li qiegħed jirreferi, b’mod partikolari, għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, fil-kuntest tal-Artikolu 23 tal-imsemmija regoli, kemm matul il-proċedura ta’ eżami li wasslet għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 kif ukoll matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid attwalment pendenti. B’mod iktar partikolari, huwa jsemmi, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fajl mediku personali tiegħu u tal-passat tiegħu marbut mal-marda kkaġunata mix-xogħol u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid għad-dispożizzjoni fir-rigward tat-“tabib [l-]ieħor”, mit-tabib tal-persuna assigurata, ta’ dokumenti adatti għall-każ inkwistjoni.

130

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami konkret u ddettaljat tagħhom tas-sitwazzjoni sottomessa lilhom, it-tobba nnominati mill-Awtorità tal-Ħatra għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi tal-letteratura xjentifika, iżda ma jistgħux jinjoraw l-istat ta’ saħħa effettiv u komplet tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, dan l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna assigurata huwa impost mid-dmir ta’ premura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punt 88, u tal‑25 ta’ Mejju 2016, GW vs Il‑Kummissjoni, F‑111/15, EU:F:2016:122, punt 40).

131

Ukoll, it-“tabib [l-]ieħor” responsabbli mill-eżami mill-ġdid tar-rilevanza tar-rimbors tas-servizz mediku fir-rigward tal-marda kkaġunata mix-xogħol tar-rikorrent għandu jkun jaf dwar il-portata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha u għandu jkollu aċċess għall-kontenut tad-deċiżjonijiet.

132

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tingħata opinjoni medika b’mod validu, it-tabib għandu jkun jista’ jsir jaf bid-dokumenti kollha li jistgħu jkunu utli għall-evalwazzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1997, R vs Il-Kummissjoni, T‑187/95, EU:T:1997:119, punt 49, u tad‑29 ta’ Frar 2012, AM vs Il‑Parlament, F‑100/10, EU:F:2012:24, punt 92). B’hekk, hekk kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, it-tabib innominat mill-persuna assigurata għandu l-possibbiltà li jippreżenta u li jiddefendi l-opinjoni tiegħu billi jissottometti dokumenti addizzjonali.

133

Sussegwentement, l-argument tar-rikorrent intiż li juri li t-tobba tal-Kummissjoni ma humiex imparzjali, fid-dawl tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Kummissjoni vs Royale belge (C‑76/95, EU:C:1996:406), huwa infondat u ma jikkontestax il-konklużjoni milħuqa fil-punt 119 iktar ’il fuq. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument ifformulat b’mod ġenerali u ta’ dan ir-riferiment ġurisprudenzjali qasir, ir-rikorrent ma jiżviluppax kif fis-sitwazzjoni inkwistjoni, u fir-rigward ta’ liema entità preċiżament, it-tobba nnominati mill-istituzzjoni naqsu minn imparzjalità fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mitluba.

134

Konsegwentement, il-proċedura ta’ eżami u dik ta’ eżami mill-ġdid, kif irregolati mill-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, joffru garanziji suffiċjenti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-eżami tat-talba tiegħu għar-rimbors ta’ spejjeż, b’tali mod li huwa ma jistax jitlob il-ħatra ta’ Kumitat Mediku sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet.

135

Għaldaqstant, it-tieni motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħid li l-amministrazzjoni ddeċidiet li tispira ruħha mir-regola prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni sabiex titlob lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jinnomina ex officio“tabib ieħor”, huwa żbaljat fid-dritt.

136

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikawha b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-vizzji li jistgħu jkollhom motivi oħra tal-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, meta d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun ibbażat fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom ikun waħdu suffiċjenti sabiex jifforma l-bażi għal dan id-dispożittiv, dan l-att jista’, bħala prinċipju, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi jkun ivvizzjat b’illegalità. F’tali każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwaw biss wieħed mill-elementi tar-raġunament ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li dan l-iżball ma setax ikollu effett determinanti fir-rigward tad-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (ara, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

F’dan il-każ, l-iżball ta’ liġi li jivvizzja t-tieni motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan ma setax ikollu effett fuq l-eżitu tagħha. Fil-fatt, konformement mal-konklużjoni milħuqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jindika li l-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni ma tkoprix id-deċiżjonijiet dwar rimbors ta’ spejjeż mediċi, huwa fondat u huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-rifjut ta’ riferiment lill-Kumitat Mediku fid-deċiżjoni kontenzjuża.

138

Għaldaqstant, l-ewwel u r-raba’ kap ta’ talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

[omissis]

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Arnaldo Lucaccioni huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Frendo

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Ġunju 2021.

E. Coulon

Reġistratur

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.