Kawża T‑301/19

PNB Banka AS

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas‑7 ta’ Diċembru 2022

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Neċessità ta’ superviżjoni diretta mill-BĊE ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikanti – Talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali – Artikolu 68(5) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 – Deċiżjoni tal-BĊE li tikklassifika lil PNB Banka bħala entità sinjifikanti suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl amministrattiv – Rapport previst fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament Nru 468/2014 – Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura – Talba għal seduta nieqsa minn motivazzjoni”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Żamma ta’ seduta – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ talba għal seduta jew talba għal seduta nieqsa minn motivazzjoni – Fakultà tal-qorti li tiddeċiedi fuq ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura – Ammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 106; Dispożizzjonijiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, punti 142 u 143)

    (ara l-punti 64, 65)

  2. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew – Superviżjoni prudenzjali diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikanti – Kundizzjonijiet – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikklassifika din l-istituzzjoni bħala sinjifikanti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 6(5)(b); Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikoli 39(5) u 68(5))

    (ara l-punt 80)

  3. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Deċiżjoni li tikklassifika entità bħala sinjifikanti – Portata – Sempliċi determinazzjoni tal-awtorità kompetenti – Bidla tar-regoli prudenzjali applikabbli għall-entità – Assenza – Bidla tas-setgħat ta’ superviżjoni – Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 6(5)(b); Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 39(5))

    (ara l-punti 85 sa 87)

  4. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Proċeduri ta’ superviżjoni prudenzjali tal-Bank Ċentrali Ewropew – Drittijiet tad-difiża – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Kundizzjonijiet – Preżentata ta’ talba tal-parti kkonċernata – Obbligu li jingħata spontanjament aċċess għad-dokumenti tal-fajl – Assenza

    (Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 32)

    (ara l-punti 126, 127)

  5. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Superviżjoni prudenzjali diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikanti – Kundizzjonijiet – Talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali – Rapport li għandu jiġi anness li juri l-istorja tas-superviżjoni prudenzjali u tal-profil ta’ riskju tal-entità inqas sinjifikanti – Portata – Garanzija ta’ proċedura – Assenza – Forma essenzjali – Assenza

    (Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 468/2014, Artikolu 68(3))

    (ara l-punt 136)

  6. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Deċiżjoni li tikklassifika entità bħala sinjifikanti – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikolu 6(5)(b))

    (ara l-punt 168)

Sunt

Ir-rikorrenti, PNB Banka AS, hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Latvjan li, qabel l‑1 ta’ Marzu 2019, kienet ikkunsidrata bħala istituzzjoni ta’ kreditu “inqas sinjifikanti” ( 1 ) u, minħabba f’hekk, kienet suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”). Fl‑2017, hija kienet ikklassifikat bħala “istituzzjoni inqas sinjifikanti fi kriżi”, li kien jimplika s-superviżjoni speċifika tagħha minn grupp ta’ ġestjoni ta’ kriżi kompost mill-KSFK u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, il-KSFK talbet lill-BĊE sabiex ikompli s-superviżjoni prudenzjali diretta tar-rikorrent. Fl‑1 ta’ Marzu 2019, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE nnotifika lir-rikorrent id-deċiżjoni tal-BĊE li tikklassifikah bħala entità “sinjifikanti” suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tiegħu ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Adita b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq diversi kwistjonijiet ġodda. Qabelxejn, din tiddetermina l-għan u l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BĊE intiża sabiex jeżerċita huwa stess direttament superviżjoni prudenzjali fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikanti sabiex jiżgura applikazzjoni koerenti ta’ standards għolja ta’ superviżjoni. Sussegwentement, din teżamina l-kwistjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali. Fl-aħħar, din tippreċiża l-għan tar-rapport li jakkumpanja talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali indirizzata lill-BĊE sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta. Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita huwa stess superviżjoni prudenzjali diretta fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikanti, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli ( 3 ), sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tikklassifika lil din l-istituzzjoni bħala sinjifikanti.

Huwa tippreċiża li deċiżjoni li entità tiġi kklassifikata bħala sinjifikanti, meta l-BĊE jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta fil-konfront tagħha, tirrigwarda biss id-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti u la temenda r-regoli prudenzjali applikabbli għall-imsemmija istituzzjoni u lanqas is-setgħat ta’ superviżjoni li għandha l-awtorità kompetenti fir-rigward tagħha għall-finijiet tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU).

Hija żżid li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet normattivi ( 4 ) li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-deċiżjoni ma hijiex suġġetta għall-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

It-tieni, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess ta’ parti kkonċernata għall-fajl fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li dan l-aċċess jippreżumi t-tressiq ta’ talba mill-imsemmija parti. Fil-fatt, meta informazzjoni preċiża biżżejjed, li tippermetti lill-entità kkonċernata tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-miżura prevista, tkun ġiet ikkomunikata lilha, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-BĊE għandu l-obbligu li jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl.

It-tielet, fir-rigward tal-għan tar-rapport ( 5 ) li jakkumpanja talba tal-awtorità kompetenti nazzjonali indirizzata lill-BĊE sabiex dan tal-aħħar jiddeċiedi li jeżerċita superviżjoni prudenzjali diretta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, minkejja n-natura obbligatorja tiegħu, dan ir-rapport għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura trażmissjoni tajba tal-informazzjoni bejn l-awtorità kompetenti nazzjonali u l-BĊE. B’mod iktar preċiż, dan jippermetti lill-BĊE jevalwa t-talba għal teħid ta’ responsabbiltà ta’ superviżjoni prudenzjali mressqa mill-awtorità kompetenti nazzjonali u jikkontribwixxi sabiex jiżgura, jekk il-BĊE jilqa’ din it-talba, trasferiment armonjuż tal-kompetenzi relatati ma’ din is-superviżjoni. Dan ir-rapport għalhekk ma jikkostitwixxix garanzija proċedurali intiża sabiex tipproteġi l-interessi tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u lanqas, a fortiori, forma sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.


( 1 ) Fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”).

( 2 ) Skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU u tat-Taqsima IV tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-“Regolament Qafas tal-MSU”) (ĠU 2014, L 141, p. 1).

( 3 ) Skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU u tal-Artikolu 68(5) tar-Regolament-Qafas tal-MSU.

( 4 ) Jiġifieri l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU.

( 5 ) Fis-sens tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament-Qafas tal-MSU.