Kawża T‑166/19
Marco Bronckers
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal‑25 ta’ Novembru 2020
“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni ta’ appellazzjonijiet fis-settur tal-ispirti alkoħoliċi – Dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi”
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata
(Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(c); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)
(ara l-punti 22 sa 25, 31)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li ġejjin minn terzi – Obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tat-terzi kkonċernati – Portata – Obbligu li tiġi milqugħa l-oppożizzjoni ta’ terzi għall-iżvelar tad-dokumenti – Assenza – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u (4))
(ara l-punti 42 sa 54)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interess pubbliku – Relazzjonijiet internazzjonali – Rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti fil-każ ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet – Ammissibbiltà
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))
(ara l-punti 58 sa 64)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interess pubbliku – Relazzjonijiet internazzjonali – Portata
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))
(ara l-punti 69 sa 71)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-interess pubbliku – Interess pubbliku superjuri jew interess privat li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Assenza ta’ effett
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1))
(ara l-punti 74, 75)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut ibbażat fuq diversi eċċezzjonijiet – Fondatezza ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet – Natura suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni ta’ rifjut
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)
(ara l-punt 78)
Sunt
Fit‑8 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrent talab, skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ( 1 ), lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħtih aċċess għall-minuti tal-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt ta’ Spirti Alkoħoliċi, stabbilit skont il-Ftehim tal-1997, konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Messiku ( 2 ), u li għandu bħala għan il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti. Wara li kiseb aċċess parzjali għal żewġ minuti, mogħti mill-Kummissjoni u li r-rikorrent ikkonferma li rċieva fit‑3 ta’ Lulju 2018, dan tal-aħħar, fl-istess ħin, talab li jingħata żewġ dokumenti addizzjonali maħruġa mill-awtoritajiet Messikani u ppreżentati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ( 3 ). Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti abbażi ta’ żewġ eċċezzjonijiet indikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, rispettivament relatati mal-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali ( 4 ) u l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika ( 5 ). Fil‑5 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta talba konfermattiva li permezz tagħha stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba konfermattiva għal aċċess.
Adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tiċħdu billi ddeċidiet b’mod partikolari li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet applikat b’mod korrett l-eċċezzjoni li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali. Din il-kawża tippermetti b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali li tagħmel preċiżazzjonijiet dwar problema li tidher biss rarament fil-ġurisprudenza, jiġifieri l-effetti tal-oppożizzjoni ta’ pajjiż terz fuq l-aċċess għal dokumenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod iddettaljat biżżejjed il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet kollha li wassluha sabiex tadotta din id-deċiżjoni.
Sussegwentement, bl-analiżi konkreta tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, tfakkar li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti ta’ terz, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta lit-terzi sabiex tiddetermina jekk għandhiex tapplika eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 jew 2 tal-imsemmi artikolu. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta l-awtoritajiet Messikani li minnhom joriġinaw id-dokumenti li għalihom ir-rikorrent talab l-aċċess. Madankollu, hija dejjem il-Kummissjoni li għandha tevalwa r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar tad-dokumenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żżid b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-oppożizzjoni ta’ terz bħala li tfisser awtomatikament li l-iżvelar ma jistax iseħħ minħabba riskju għar-relazzjonijiet internazzjonali, iżda għandha tanalizza b’mod indipendenti ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u tieħu deċiżjoni fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha. Barra minn hekk, tali deċiżjoni hija ta’ natura kumplessa u delikata li titlob eżerċizzju ta’ attenzjoni partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura eċċezzjonalment sensittiva u essenzjali tal-interess protett. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li jafferma r-rikorrent, f’dan il-każ il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss l-oppożizzjoni motivata tal-awtoritajiet Messikani għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba, iżda wkoll il-kontenut tagħhom, il-kuntest partikolari li fih hija kienet kisbithom u l-konsegwenzi negattivi possibbli marbuta mal-iżvelar tagħhom. Hija tippreċiża li r-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kien ibbażat b’mod partikolari fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tali żvelar seta’ jitqies mill-awtoritajiet Messikani bħala abbuż ta’ fiduċja u seta’ jwassal għal rifjut ta’ trażmissjoni ta’ ċerta informazzjoni, b’mod partikolari lill-Kumitat Konġunt, fil-futur, li jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ dan il-kumitat u fuq kull kooperazzjoni futura dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika waqt l-eżami tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, anki jekk l-awtoritajiet Messikani opponew għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba minħabba l-kontenut tagħhom.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tar-rikorrent, li r-riskju li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jista’ jippreġudika l-protezzjoni tar-relazzjonijiet mas-sieħeb kummerċjali internazzjonali, jiġifieri l-Messiku, huwa ipotetiku, jew saħansitra improbabbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju ċert ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, iżda biss l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-awtoritajiet tal-Messikani fil-qasam inkwistjoni. L-eżistenza ta’ dan ir-riskju prevedibbli hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, għad-dokumenti kollha mitluba.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex id-deċiżjoni kkontestata tkun fondata fid-dritt, huwa biżżejjed li waħda mill-eċċezzjonijiet li l-Kummissjoni tkun invokat sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba tkun ġiet ġustament invokata. Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet korrettament ibbażata fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari bbażati fuq il-ksur tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika.
( 1 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).
( 2 ) Ftehim tal‑1997 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku dwar il-għarfien bejn xulxin (xilxieni) u l-protezzjoni ta’ ismijiet għal xorb spirituż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 21, p. 107).
( 3 ) Dawn huma d-dokumenti “Tequila cases found by the Tequila Regulatory Council to be informed to the European Commission (Ares(2018) 4023479)” u “Verification Reports in the European Market (Reportes de Verificación en el Mercado Europeo) (Ares(2018) 4023509))”
( 4 ) It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.
( 5 ) Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.