Kawżi magħquda T‑30/19 u T‑72/19

China Rubber Industry Association (CRIA)
et
China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal‑4 ta’ Mejju 2022

“Dumping – Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Dazju kumpensatorju definittiv – Rikors għal annullament – Locus standi – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni – Interess ġuridiku – Dannu għall-industrija tal-Unjoni – Eżami oġġettiv – Rabta kawżali – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu – Paragun ekwu tal-prezzijiet – Prezzijiet tal-importazzjoni maħduma – Prezzijiet iffatturati għall-ewwel xerrejja indipendenti – Differenza fil-livell kummerċjali – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Indikaturi tal-ħsara – Ibbilanċjar tad-data – Aċċess għad-data mhux kunfidenzjali – Drittijiet tad-difiża”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Regolamenti li jimponu dazji antidumping u dazji kumpensatorji – Rikors ta’ esportatur tal-prodott milqut minn dawn id-drittijiet, imsemmi espliċitament fir-regolamenti – Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni 2018/1579; Regolament tal-Kummissjoni 2018/1690)

    (ara l-punti 44, 47, 49, 50, 74)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 45)

  3. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi – Regolamenti li jimponu dazji antidumping u dazji kumpensatorji – Inklużjoni – Regolamenti li fihom miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-importaturi iżda mhux fir-rigward tal-produtturi-esportaturi – Rikorsi ppreżentati minn impriżi produttriċi u esportatriċi – Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 56, 57, 65-70)

  4. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolamenti li jimponu dazji antidumping u dazji kumpensatorji – Inċidenza diretta tal-produtturi-esportaturi tal-prodott ikkonċernat

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 58-64)

  5. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta' dumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (ara l-punti 102, 103, 115)

  6. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Stabbiliment tar-rabta kawżali – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni – Obbligu ta’ paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni – Paragun ekwu bejn il-prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti – Ksur – Konsegwenza – Annullament tar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping u dazji kumpensatorji – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(1) u (3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 8(1) u (2)

    (ara l-punti 114, 116-155, 164-171, 173-176, 179, 180, 184-192, 194-200)

  7. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni billi jirrikonċiljaw dawn l-obbligi – Ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni – Kundizzjonijiet – Rifjut li tingħata informazzjoni li jista’ jkollha utilità għad-difiża tal-impriża

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 6(7) Artikoli 19 u 20; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1037, Artikolu 11(7), Artikoli 20 u 30)

    (ara l-punti 236-271)

Sunt

Adita b’diversi lmenti, il-Kummissjoni Ewropea adottat, wara investigazzjoni, żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni ( 1 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti kkontestati”) li jimponu, rispettivament, dazju antidumping definittiv u dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

L-assoċjazzjonijiet China Rubber Industry Association (CRIA) u Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC, iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), li jaġixxu f’isem uħud mill-membri tagħhom, ippreżentaw żewġ rikorsi intiżi għall-annullament parzjali tar-regolamenti kkontestati.

Billi laqgħet dawn ir-rikorsi, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, għall-ewwel darba, il-locus standi ta’ produtturi-esportaturi mhux identifikati b’isimhom f’regolamenti antidumping u antisussidji koperti minn rikors għal annullament. Barra minn hekk, hija tapplika u tippreċiża l-ġurisprudenza dwar l-obbligu għall-Kummissjoni li twettaq, waqt il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, għal paragun ġust bejn il-prezzijiet li jinsabu fl-istess stadju kummerċjali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dannu subit mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward, qabelxejn, tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti, bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, għandhom locus standi, abbażi tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra d-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati mill-kumpanniji Weifang Yuelong Rubber u Hefei Wanli Tire (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji inkwistjoni”), anki jekk dawn tal-aħħar ma humiex identifikati b’isimhom fir-regolamenti kkontestati.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex rikors ikun ammissibbli skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi l-att ikkontestat għandu, l-ewwel, ikollu natura regolatorja, it-tieni, għandu jaffettwa direttament lir-rikorrent u, it-tielet nett, ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

Fir-rigward tar-regolamenti kkontestati, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fl-ewwel lok, li dawn huma atti regolatorji sa fejn, minn naħa, dawn għandhom portata ġenerali u, min-naħa l-oħra, ma ġewx adottati skont proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali.

Fit-tieni lok, dawn ir-regolamenti jaffettwaw direttament lill-kumpanniji inkwistjoni bħala produtturi-esportaturi tal-prodott ikkonċernat, sa fejn jistabbilixxu dazji antidumping u kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati mill-“kumpaniji l-oħra kollha” mhux identifikati b’isimhom fi ħdanhom, fosthom il-kumpanniji inkwistjoni, u b’hekk jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-imsemmija regolamenti ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kumpanniji inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-importaturi, fil-forma ta’ atti tal-awtoritajiet nazzjonali li jistabbilixxu l-ammont tad-dazji antidumping u kumpensatorji għall-irkupru tagħhom, ma jeżistux, min-naħa l-oħra, miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-produtturi-esportaturi.

Sussegwentement, fir-rigward tal-mertu tal-kawża, ir-rikorrenti kienu ppreżentaw diversi motivi bbażati fuq diversi ksur tar-Regolament bażiku antidumping ( 2 ) u tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji ( 3 ), fosthom motiv ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-effetti fuq il-prezz u fuq il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-eżistenza ta’ dannu subit mill-industrija tal-Unjoni minħabba l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji, previst, rispettivament, fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, jimponi li jsir paragun ġust, u għalhekk fl-istess stadju kummerċjali, bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni waqt il-bejgħ imwettaq fit-territorju tal-Unjoni.

Issa, mill-istruttorja tal-kawża jirriżulta li, fil-preżenza tal-istess mudell ta’ kummerċjalizzazzjoni kkaratterizzat mir-rikors għal entitajiet ta’ bejgħ konnessi, il-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni u dak tal-produtturi esportaturi Ċiniżi billi kkunsidrat, fir-rigward tal-ewwel, prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel xerrejja indipendenti u, għat-tieni, prezzijiet ta’ bejgħ ikkostruwiti fuq il-livell tal-fruntiera tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u filwaqt li ma ntweriex li l-entitajiet ta’ bejgħ marbuta rispettivament mal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u mal-produtturi tal-Unjoni għandhom rwoli ekonomiċi differenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku kontra s-sussidji sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkalkolat it-twaqqigħ tal-prezz billi qabblet il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat fi stadji kummerċjali differenti.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-iżball ikkonstatat fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz jista’ jikkontesta l-legalità tar-regolamenti kkontestati. Fil-fatt, dan l-iżball kellu effett, minn naħa, fuq l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali u, min-naħa l-oħra, fuq il-kalkoli tagħha relatati mal-ammont tad-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li r-regolamenti kkontestati jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lill-kumpanniji inkwistjoni.


( 1 ) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 tat‑18 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU 2008, L 263, p. 3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad‑9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (UE) 2018/163 (ĠU 2018, L 283, p. 1).

( 2 ) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU2016, L 176, p. 21).

( 3 ) Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55).