Kawża T‑27/19

Pilatus Bank plc
u
Pilatus Holding Ltd.

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tat‑2 ta’ Frar 2022

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Akkuża tal-azzjonarju prinċipali f’pajjiż terz – Kriterju ta’ reputazzjoni tajba – Perċezzjoni tar-reputazzjoni tajba mis-suq – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Proporzjonalità – Drittijiet tad-difiża”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Assenza ta’ inċidenza diretta tal-azzjonarji tal-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu – Inammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 33)

  2. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali – Deċiżjoni tal-BĊE ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Assenza tal-inċidenza tal-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni – Superviżjoni diretta ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-BĊE – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1)(a), 6(5)(b), u 14(5))

    (ara l-punti 43, 45 sa 47, 50 sa 53)

  3. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Motiv tal-irtirar ibbażat fuq l-akkuża tal-azzjonarju prinċipali f’pajjiż terz – Kriterju ta’ reputazzjoni tajba – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ dan l-azzjonarju mis-suq – Assenza ta’ reputazzjoni tajba li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, Artikoli 4(1) u (3), 14(5); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36, Artikoli 14(2), 18 u 23(1))

    (ara l-punti 71 sa 80, 97 sa 102, 113)

  4. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Superviżjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Motiv tal-irtirar ibbażat fuq l-akkuża tal-azzjonarju prinċipali f’pajjiż terz – Assenza tal-obbligu tal-BĊE li jeżamina l-fondatezza tal-proċeduri li jinsabu fl-att ta’ akkuża – Evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-proċeduri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013, Artikoli 4(1)(a) u 14(5); Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2013/36, Artikoli 14(2) u 23)

    (ara l-punti 114, 116 sa 120)

  5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Motiv tal-irtirar ibbażat fuq l-akkuża tal-azzjonarju prinċipali f’pajjiż terz – Assenza ta’ eżami mill-ġdid, mill-BĊE, tal-fatti dwar l-att ta’ akkuża – Ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Assenza

    (Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1))

    (ara l-punti 196 sa 198, 200 sa 205)

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Konsegwenzi fuq id-drittijiet ta’ difiża li jirriżultaw mill-att adottat mill-awtoritajiet nazzjonali – Assenza tar-responsabbiltà tal-BĊE

    (Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41, 47 u 48; Regolament tal-Kunsill Nru 1024/2013)

    (ara l-punti 235 sa 238, 242 sa 250)

Sunt

Pilatus Bank plc hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Malti, suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali tal-Malta Financial Services Authority (MFSA, l-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji). Wara l-akkuża, fl-Istati Uniti, għal ksur finanzjarju, tal-azzjonist prinċipali tagħha, li indirettament għandu l-kontroll sħiħ tagħha, din l-istituzzjoni rċeviet diversi talbiet għall-irtirar ta’ depożiti, li jirrappreżentaw madwar 40 % tad-depożiti li jidhru fil-bilanċ tagħha.

B’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-MFSA adottat tliet deċiżjonijiet, li jirrigwardaw rispettivament is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonist akkużat, il-moratorju li permezz tiegħu ordnat lil Pilatus Bank plc ma tawtorizza ebda tranżazzjoni bankarja u l-ħatra ta’ persuna kompetenti responsabbli għall-eżerċizzju tal-parti l-kbira tas-setgħat normalment fdati lill-korpi ta’ tmexxija ta’ din l-istituzzjoni fir-rigward tal-attivitajiet speċifiċi u tal-assi tagħha. Sussegwentement, hija ssottomettiet lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) proposta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Pilatus Bank plc li topera bħala istituzzjoni ta’ kreditu ( 1 ), li abbażi tagħha l-BĊE adotta deċiżjoni f’dan is-sens.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Pilatus Bank plc kontra din id-deċiżjoni tal-BĊE. Din il-kawża ppermettiet b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali, għall-ewwel darba, tiddeċiedi dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu minħabba nuqqas ta’ reputazzjoni tajba tal-azzjonist tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kriterji li l-azzjonisti kandidati għandhom josservaw għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, fosthom il-kriterju ta’ reputazzjoni tajba, japplikaw għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-azzjonarji li ssir għall-finijiet tal-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ( 2 ). Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni u li tiġi żgurata s-salvagwardja u s-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, dawn l-awtoritajiet ma jkunux issodisfatti bil-kwalità tal-azzjonisti, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ reputazzjoni tajba tagħhom.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “reputazzjoni tajba”, filwaqt li tirrileva li dan huwa kunċett ġuridiku indeterminat u li l-awtoritajiet kompetenti jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ reputazzjoni tajba. Fis-sens normali, ir-reputazzjoni tajba tirreferi għall-kwalità ta’ persuna li tikkonforma ruħha mal-istandards u mar-regoli ta’ użu kif ukoll għar-reputazzjoni li din il-persuna tgawdi fost il-pubbliku fir-rigward ta’ din il-kapaċità u tal-aġir tagħha. Għalhekk, ir-reputazzjoni tajba tiddependi mhux biss mill-aġir ta’ persuna, iżda wkoll mill-perċezzjoni ta’ dan l-aġir minn ħaddieħor. Fl-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-azzjonarji ta’ istituzzjonijiet ta’ krediu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-konformità tal-aġir tagħhom mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni ta’ dan l-aġir u r-reputazzjoni tagħhom mill-pubbliku u mill-parteċipanti tas-swieq finanzjarji.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-każ ineżami, il-BĊE ġustament ikkunsidra li, minħabba l-akkuża tal-azzjonist prinċipali ta’ Pilatus Bank plc u l-perċezzjoni korrelattiva tar-reputazzjoni tajba tiegħu mill-parteċipanti tas-swieq finanzjarji, li rriżultat f’konsegwenzi negattivi sinjifikattivi għas-sitwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, l-assenza ta’ reputazzjoni tajba ta’ dan l-azzjonist kienet tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Pilatus Bank plc għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ rtirar kienet immotivata mill-effetti negattivi konkreti li kellu l-att ta’ akkuża fuq ir-reputazzjoni tal-azzjonist akkużat u ta’ Pilatus Bank plc, fuq il-fiduċja tal-pubbliku fir-rigward tagħha u, konsegwentement, fuq is-solidità tal-ġestjoni tagħha u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru. Fost dawn l-effetti ġew identifikati t-talbiet sinjifikattivi għall-irtirar ta’ depożiti, il-waqfien tar-relazzjonijiet bankarji korrispondenti, ix-xoljiment ta’ kuntratti kif ukoll id-degradazzjoni tal-proporzjon ta’ riskju ta’ Pilatus Bank plc.

Fid-dawl ta’ dawn l-effetti negattivi konkreti, il-BĊE ma kienx obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir inkriminat tal-azzjonist prinċipali ta’ Pilatus Bank plc jista’ ma jkunx illegali skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-iktar fattur importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex il-fondatezza tal-proċeduri fl-att ta’ akkuża skont id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat terz ikkonċernat, iżda l-konsegwenzi ta’ dawn il-proċeduri fuq ir-reputazzjoni tal-azzjonist akkużat, fuq is-sitwazzjoni ta’ Pilatus Bank plc u fuq is-suq bankarju kollu kemm hu. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull prova prodotta fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tista’ turi l-assenza ta’ effett ta’ tali proċeduri fuq ir-reputazzjoni jew il-ġestjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u li jista’ jirriżulta, eventwalment, min-natura abbużiva jew manifestament infondata ta’ tali proċeduri.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-każ ineżami, il-BĊE la kiser il-preżunzjoni ta’ innoċenza ta’ Pilatus Bank plc u lanqas id-drittijiet tad-difiża.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-assenza ta’ eżami mill-ġdid tal-fatti relatati mal-att ta’ akkuża tal-azzjonist ma tistabbilixxix ksur ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE indika b’mod ċar li l-att ta’ akkuża kien jinkludi allegazzjonijiet. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma kinitx timplika akkuża ta’ natura kriminali u ma kinitx tikkostitwixxi konstatazzjoni tar-reat. Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li s-superviżjoni prudenzjali, li hija intiża li tiżgura l-ġestjoni soda tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-salvagwardja tas-solidità tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru, tfittex għanijiet differenti mill-għanijiet ta’ proċeduri kriminali, li huma intiżi li jissanzjonaw aġir punibbli mil-liġi.

Fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża ta’ Pilatus Bank plc, li ġew allegatament miksura b’mod partikolari minħabba l-impossibbiltà, għad-diretturi tagħha, li jħallsu lill-konsulent tagħha u li jaċċedu għar-riżorsi u għall-informazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-fatti jirriżultaw esklużivament mid-deċiżjoni tal-MFSA li taħtar persuna kompetenti inkarigata bl-eżerċizzju tal-parti l-kbira tas-setgħat normalment fdati lill-korpi ta’ tmexxija ta’ din l-istituzzjoni fir-rigward tal-attivitajiet speċifiċi tagħha u tal-assi tagħha. Madankollu, tali deċiżjoni ma għandhiex effett fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-adozzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali. Għalhekk, il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli għall-konsegwenzi li tat lok għalihom din id-deċiżjoni. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux ikunu vvizzjati b’illegalità għal raġunijiet marbuta mal-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom, u li ma għandhom ebda kontroll fuqhom. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, il-BĊE ma għandu ebda obbligu li jipprekludi awtorità nazzjonali milli tadotta tali deċiżjoni. Konsegwentement, il-fatti invokati minn Pilatus Bank plc ma humiex ta’ natura li jivvizzjaw b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.


( 1 ) Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

( 2 ) Konklużjoni bbażata fuq qari flimkien tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 4(1) u (3), tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 14(2), tal-Artikolu 18 tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).