22.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/25


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2023 – Tazzetti vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-825/19 u T 826/19) (1)

(“Ambjent - Regolament (UE) Nru 517/2014 - Gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra - Reġistru elettroniku għall-kwoti għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi - Impriżi li għandhom l-istess sid benefiċjarju - Produttur jew importatur uniku - Att li jikkawża preġudizzju - Interess ġuridiku - Ammissibbiltà - Talba għall-adattament tar-rikors - Inammissibbiltà - Eċċezzjoni ta’ illegalità - Interpretazzjoni ta’ regolament ta’ implimentazzjoni konformi mar-regolament bażiku - Setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni”)

(2023/C 179/35)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent fil-kawża T-825/19: Tazzetti SpA (Volpiano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Condinanzi, E. Ferrero u C. Vivani, avukati)

Rikorrent fil-kawża T-826/19: Tazzetti SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: M. Condinanzi, E. Ferrero u C. Vivani, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni (rappreżentanti: G. Gattinara u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikorsi tagħhom ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2019 abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, minn naħa, ta’ deċiżjonijiet li jinsabu fi tliet ittri tas-27 u tat-30 ta’ Settembru 2019 u f’żewġ ittri elettroniċi tas-6 u tal-20 ta’ Novembru 2019, li ttieħdu skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/661 tal-25 ta’ April 2019 li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi (ĠU 2019, L 112, p. 11), u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1604 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, tiddetermina l-valuri ta’ referenza għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023 għal kull produttur jew importatur li jkun qiegħed legalment fis-suq l-idrofluworokarburi mill-1 ta’ Jannar 2015, kif irrapportati skont dak ir-Regolament (ĠU 2020, L 364, p. 1).

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T-825/19 u T-826/19 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Id-deċiżjonijiet li jinsabu fit-tieni waħda mill-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta’ Settembru 2019, fl-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2019, kif ukoll fl-ittra elettronika tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2019, sa fejn hija indirizzata lil Tazzetti SpA u Tazzetti SA, huma annullati.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess u kif ukoll dawk sostnuti minn Tazzetti SpA u Tazzetti SA.


(1)  ĠU C 45, 10.2.2020.