OPINJONI 1/19 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2021

Werrej

 

I. It-talba għal opinjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-direttivi rilevanti dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

 

B. Id-direttivi rilevanti dwar il-politika komuni ta’ ażil

 

C. Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea

 

III. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-iffirmar tagħha mill-Unjoni

 

A. Analiżi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

B. Il-proposti għal deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

C. Id-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar

 

D. Id-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar

 

IV. L-evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu

 

A. Fuq il-fatti u l-proċedura

 

B. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

C. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

D. Fuq il-prassi tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

 

V. Sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

 

A. Fuq il-fatti u l-proċedura

 

1. Fuq l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Istati Membri

 

2. Fuq il-proċedura għall-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fi ħdan il-Kunsill

 

3. Fuq il-proċedura għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fi ħdan il-Kunsill

 

B. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

 

1. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

2. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

3. Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

 

C. Fuq il-mertu tat-talba għal opinjoni

 

1. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

a) Fuq adeżjoni “wiesgħa” jew “limitata” tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

b) Fuq il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni

 

c) Fuq ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-acquis tal-Unjoni

 

d) Fuq l-Artikolu 82(2) TFUE

 

e) Fuq l-Artikolu 84 TFUE

 

f) Fuq l-Artikolu 78(2) TFUE

 

g) Fuq l-Artikolu 83(1) TFUE

 

2. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

3. Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

 

a) Preżentazzjoni tal-prassi ta’ “qbil komuni”

 

b) Fuq il-kompatibbiltà tal-prassi ta’ “qbil komuni” mal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll mal-Artikoli 2 sa 6 TFUE u mal-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE

 

c) Fuq il-kompatibbiltà tal-prassi ta’ “qbil komuni” mal-prinċipji ta’ kompetenzi attribwiti, ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, u mad-dritt internazzjonali pubbliku

 

VI. Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

 

A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

 

B. Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

 

C. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

D. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-att dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

VII. Risposta għat-talba għal opinjoni

“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Konvenzjoni dwar il Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) – Iffirmar mill-Unjoni Ewropea – Abbozz dwar il-konklużjoni mill-Unjoni – Kunċett ta’ ‘ftehim maħsub’, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE – Kompetenzi esterni tal-Unjoni – Bażi legali sostantiva – Artikolu 78(2) TFUE – Artikolu 82(2) TFUE – Artikolu 83(1) TFUE – Artikolu 84 TFUE – Artikolu 336 TFUE – Artikoli 1 sa 4a tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Parteċipazzjoni parzjali mill-Irlanda fil-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul – Possibbiltà li l-att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti skont il-bażijiet legali applikabbli – Prassi ta’ ‘qbil komuni’ – Kompatibbiltà mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE”

Fil-proċedura ta’ opinjoni 1/19,

li għandna bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fid-9 ta’ Lulju 2019 mill-Parlament Ewropew,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Parlament Ewropew, minn D. Warin, A. Neergaard u O. Hrstková Šolcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u J.‑C. Halleaux, bħala aġenti,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova, L. Zaharieva, T. Mitova u M. Georgieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, M. Švarc u K. Najmanová, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. P. Jespersen, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn P. McGarry u minn S. Kingston, SC,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn J.‑L. Carré, D. Dubois, T. Stéhelin u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u P. Csuhány, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, E. Samoilova u H. Tichy, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Miłkowska, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo u J. Heliskoski, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, B. Driessen u A. Norberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, T. Ramopoulos, C. Cattabriga u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

I. It-talba għal opinjoni

1

It-talba għal opinjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parlament Ewropew hija fformulata b’dan il-mod:

“[(1)]

[(a)]

L-Artikoli 82(2) u 84 TFUE jikkostitwixxu l-bażijiet legali xierqa għall-att tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni [Ewropea] tal-[Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul)] jew dan l-att għandu jiġi bbażat fuq l-Artikoli 78(2), 82(2) u 83(1) TFUE u

[(b)]

huwa neċessarju jew possibbli li d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] jinqasmu fi tnejn minħabba din l-għażla tal-bażi legali?

[(2)]

Il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, konformement mal-Artikolu 218(6) TFUE, hija kompatibbli mat-Trattati fl-assenza ta’ ftehim komuni tal-Istati Membri kollha dwar il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta bl-imsemmija konvenzjoni?”

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-direttivi rilevanti dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

2

Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka, tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni, filwaqt li tqis il-perspettiva tas-sess, biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dan ir-reat u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu.”

3

Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka, tispeċifika, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pedopornografija u solleċitazzjoni tat-tfal għal finijiet sesswali. Hija wkoll tintroduċi dispożizzjonijiet komuni biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dawk ir-reati u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom.”

4

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JAI (ĠU 2012, L 315, p. 57), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka, tiddikjara, fil-premessa 11 tagħha:

“Din id-Direttiva tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni.”

B.   Id-direttivi rilevanti dwar il-politika komuni ta’ ażil

5

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tispeċifika, fl-Artikolu 3(4)(a) u (5) tagħha:

“4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar favorevoli ta’:

(a)

ftehim bilaterali u multilaterali bejn [l-Unjoni] jew [l-Unjoni] u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra;

[...]

5.   Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli.”

6

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tipprovdi, fl-Artikolu 3(3) (a) u (b) tagħha:

“3. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)

patti ta’ ftehim bilaterali u multilaterali bejn [l-Unjoni] jew [l-Unjoni] u l-Istati membri tagħha, min-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;

(b)

patti ta’ ftehim diġà konklużi, bejn Stat membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva”.

7

Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li ikunu aktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta’ residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu [III] ta’ din id-Direttiva.”

8

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)

atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn [l-Unjoni] jew [l-Unjoni] u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar;

(b)

atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.   Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis [tal-Unjoni] fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.

3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

4.   Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2 (2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

9

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), li ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) u li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

10

Id-Direttiva 2004/83, li, minkejja li tħassret bid-Direttiva 2011/95, għadha torbot lill-Irlanda, tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva tal-Kunsill huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

11

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tipprevedi, fl-Artikolu 5 tagħha:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

12

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13), li, minkejja li tħassret bid-Direttiva 2013/32, għadha torbot lill-Irlanda, tispeċifika, fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat.”

13

Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), li tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għall-Irlanda, tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli fil-qasam ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti u qraba stretti oħra tal-applikant li huma preżenti fl-istess Stat Membru meta huma dipendenti fuqu jew fuqha, jew għal raġunijiet umanitarji sakemm dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

C.   Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea

14

Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1416/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 353, p. 24), jipprovdi b’mod partikolari, skont it-tieni premessa tiegħu, li r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea huma intiżi li “jippermettu [lill-uffiċjali u lill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni] iwettqu l-kompiti tagħhom f’kundizzjonijiet adegwati sabiex jiggarantixxu l-aħjar funzjonament tad-dipartimenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

III. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-iffirmar tagħha mill-Unjoni

A.   Analiżi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

15

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li t-test finali tagħha ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-7 ta’ April 2011, infetħet għall-iffirmar fil-11 ta’ Mejju 2011, matul il-121 sessjoni ta’ dan il-kumitat f’Istanbul (it-Turkija). Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014 u tinkludi preambolu, 81 artikolu maqsuma fi 12‑il kapitolu u Anness dwar il-privileġġi u l-immunitajiet li japplika għall-membri tal-“Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika” (Grevio) imsemmija fl-Artikolu 66 tal-imsemmija konvenzjoni.

16

Fil-preambolu tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul issemmi, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, p. 13) u d-dritt umanitarju nazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi żmien ta’ Gwerra, iffirmata f’Genève fit-12 ta’ Awwissu 1949 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 287).

17

Dan il-preambolu jirrikonoxxi li l-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni tar-relazzjonijiet storiċi tal-poter mhux ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li wasslu għal dominazzjoni fuq u diskriminazzjoni kontra n-nisa mill-irġiel, li n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-mekkaniżmi soċjali kruċjali li bihom in-nisa jinżammu f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni meta mqabbla mal-irġiel.

18

Skont l-Artikolu 1 tagħha, li jinsab fil-Kapitolu I tagħha, intitolat “Għanijiet, definizzjonijiet, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, obbligi ġenerali”, l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huma, b’mod partikolari, il-protezzjoni tan-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eliminazzjoni ta’ tali vjolenza, il-kontribuzzjoni għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfassil ta’ qafas komprensiv, ta’ politiki u ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-assistenza. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li din il-konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ.

19

Skont l-Artikolu 3(c) tal-imsemmija konvenzjoni, il-kelma “ġeneru” għandha tfisser ir-rwoli, l-imġiba, l-attivitajiet u l-attributi li huma mibnija soċjalment u li soċjetà tqis xierqa għan-nisa u l-irġiel. Skont il-punt (f) ta’ dan l-artikolu, il-kelma “mara” tinkludi wkoll il-bniet taħt l-età ta’ 18-il sena.

20

Skont l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Partijiet għal dan il-konvenzjoni jimpenjaw ruħhom li jaġixxu sabiex jipprevjenu, jinvestigaw, jikkastigaw u jipprovdu kumpens għall-atti ta’ vjolenza kopert mill-imsemmija konvenzjoni u li jinkludu perspettiva ta’ ġeneru fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess konvenzjoni.

21

Skont l-Artikoli 7, 8, 10 u 11 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Politiki integrati u ġbir ta’ dejta”, il-Partijiet għal din il-konvenzjoni jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari li jimplimentaw politiki nazzjonali effettivi, komprensivi u kkoordinati sabiex jevitaw u jiġġieldu l-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-imsemmija konvenzjoni, li jallokaw għal dan il-għan riżorsi finanzjarji u umani xierqa, li jidentifikaw l-entitajiet uffiċjali responsabbli għall-koordinazzjoni, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni ta’ politiki, li jiġbru data statistika diżaggregata rilevanti f’intervalli regolari dwar każijiet li jikkonċernaw il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess konvenzjoni u li jappoġġjaw ir-riċerka dwar l-għeruq tal-kawżi tal-forom ta’ vjolenza koperti minn din tal-aħħar u l-effetti tagħhom, in-numru ta’ drabi li jseħħu u r-rati ta’ kundanna.

22

Il-Kapitolu III, intitolat “Prevenzjoni”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 12 sa 16 tagħha, li jistabbilixxu l-obbligi tal-Partijiet għal din il-konvenzjoni intiżi li jippromwovu bidliet fil-mudelli soċjali u kulturali ta’ mġiba bil-għan li jeliminaw preġudizzji, drawwiet, tradizzjonijiet u kull prassi oħra li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità tan-nisa jew fuq ir-rwoli stereotipati tan-nisa u l-irġiel, sabiex jipprevjenu l-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-imsemmija konvenzjoni, sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli u tal-vittmi, sabiex jiżguraw li l-kultura, id-drawwiet, ir-reliġjon, it-tradizzjonijiet jew l-hekk imsejjaħ “unur” ma jitqisux li jkunu ġustifikazzjoni għal atti ta’ vjolenza, sabiex iwettqu, fuq bażi regolari u fil-livelli kollha, kampanji jew programmi ta’ sensibilizzazzjoni, sabiex jinkludu fil-materjal edukattiv, f’faċilitajiet sportivi, kulturali u ta’ divertiment u l-midja materjal ta’ edukazzjoni dwar suġġetti bħalma huma l‑ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rwoli tas-sessi li ma humiex stereotipi, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f’relazzjonijiet interpersonali, vjolenza sessista kontra n-nisa u d-dritt għall-integrità personali u sabiex jistabbilixxu programmi mmirati lejn it-tagħlim ta’ dawk li jwettqu atti ta’ vjolenza domestika sabiex jadottaw imġiba mhux vjolenti.

23

Il-Kapitolu IV, intitolat “Protezzjoni u appoġġ”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprevedi, fl-Artikoli 18 sa 28 tagħha, li l-Partijiet għal din il-konvenzjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-vittmi kollha minn kull att ulterjuri ta’ vjolenza, inklużi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji Statali rilevanti kollha, informazzjoni adegwata u f’waqtha dwar is-servizzi ta’ appoġġ u l-miżuri legali disponibbli, konsulenza legali u psikoloġika, assistenza finanzjarja, kura tas-saħħa u servizzi soċjali, informazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ lmenti individwali jew kollettivi, postijiet ta’ kenn adatti u faċilment aċċessibbli, f’għadd suffiċjenti, linji telefoniċi mingħajr ħlas, ċentri ta’ għajnuna fil-każijiet ta’ emerġenza għall-vittmi ta’ stupru jew ta’ vjolenza sesswali, servizz ta’ pariri psikosoċjali adatti skont l-età għal minuri li jkunu xhieda ta’ vjolenza, kif ukoll il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti fuq ċerti professjonisti ma jikkostitwixxux ostakolu għar-rappurtar lill‑awtoritajiet kompetenti ta’ att serju ta’ vjolenza mwettaq jew li hemm il-biża li jitwettaq.

24

Il-Kapitolu V, intitolat “Liġi Sostantiva”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinkludi, minn naħa, l-Artikoli 29 sa 32 tagħha, li jipprovdu li l-Partijiet jimpenjaw ruħhom sabiex il-vittmi jingħataw rimedji ċivili xierqa kontra l-awtur tar-reat u kontra l-awtoritajiet Statali li jkunu naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jieħdu l-miżuri preventivi jew protettivi neċessarji, sabiex jiksbu, bħala kumpens adegwat u fi żmien raġonevoli, kumpens mingħand l-awturi għal kull reat jew mill-Istat għal reati serji fuq il-persuna jew fuq is-saħħa, sa fejn id-dannu ma jkunx kopert minn sorsi oħra. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu wkoll li, fid-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess għal minuri, jitqiesu l-inċidenti ta’ vjolenza u li żwieġ konkluż bil-forza għandu jkun annullabbli, u għandu jiġi annullat jew maħlul mingħajr ebda piż finanzjarju jew amministrattiv eċċessiv fuq il-vittma.

25

Min-naħa l-oħra, dan il-Kapitolu V jinkludi l-Artikoli 33 sa 48 ta’ din il-konvenzjoni li permezz tagħhom il-Partijiet fl-imsemmija konvenzjoni jaċċettaw l-obbligu li jiġi kkriminalizzat u li jkun punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, b’mod partikolari, it-twettiq, it-tentattiv, il-kompliċità u l-għajnuna għat-twettiq ta’ mġiba intenzjonata li ddgħajjef b’mod serju l-integrità psikoloġika tal-persuna permezz ta’ sfurzar jew theddid, ta’ theddid lejn persuna oħra li jwassalha tibża’ għas-sigurtà tagħha, atti ta’ vjolenza fiżika, atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali fuq persuna oħra, il-fatt li adult jew minuri jiġi mġiegħel jidħol fi żwieġ, iċ-ċirkunċiżjoni, l-infibulazzjoni jew it-twettiq ta’ kull mutilazzjoni oħra tal-partijiet ġenitali tal-mara, abort fuq mara mingħajr il-kunsens minn qabel tagħha, kirurġija li ttemm il-kapaċità tal-mara li jkollha tfal b’mod naturali mingħajr il-kunsens tagħha, kif ukoll ta’ kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, li tmur kontra d-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

26

Fl-Artikolu 44(4) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa previst ukoll li l-kompetenza sabiex titmexxa prosekuzzjoni fir-rigward tar-reati stabbiliti konformement mal-Artikoli 36 sa 39 ta’ din il-konvenzjoni, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ imġiegħel, il-mutilazzjoni ġenitali, l-abort u l-isterilizzazzjonijiet furzati ma għandhiex tkun suġġetta għat-tressiq minn qabel ta’ lment min-naħa tal-vittma jew għad-denunzja minn qabel tal-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat. Skont l-Artikolu 46 tal-imsemmija konvenzjoni, jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti b’mod partikolari t-twettiq ta’ atti fil-konfront ta’ konjuġi jew sieħeb preċedenti jew attwali, ta’ persuni vulnerabbli jew ta’ minuri. L-Artikolu 48(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li l-Partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-metodi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti fir-rigward tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti minn din il-konvenzjoni.

27

Il-Kapitolu VI, intitolat “L-Investigazzjoni, prosekuzzjoni, id-dritt proċedurali u miżuri protettivi”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinkludi l-Artikoli 49 sa 58 tagħha, li jipprovdu li l-Partijiet għandhom jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi responsabbli jirrispondu fil-pront u b’mod xieraq billi joffru protezzjoni adegwata u immedjata lill-vittmi ta’ vjolenza, b’mod partikolari billi jmexxu l-investigazzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jieħdu miżuri operattivi u preventivi u filwaqt li jwettqu evalwazzjoni tar-riskju ta’ letalità, tas-serjetà tas-sitwazzjoni u tar-riskju ta’ vjolenza ripetuta.

28

Barra minn hekk, il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprevedu li ordnijiet ta’ inġunzjoni jew ta’ protezzjoni adegwati għandhom ikunu disponibbli mingħajr ebda piż finanzjarju jew amministrattiv eċċessiv fuq il-vittma, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ perikolu immedjat, u għandhom jordnaw lill-awtur ta’ vjolenza domestika joħroġ mir-residenza tal-vittma. Il-vittmi għandhom jingħataw protezzjoni minn ritaljazzjoni u għandhom jiġu informati meta l-awtur tar-reat jaħrab jew jiġi rrilaxxat. Il-vittmi għandhom jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom u għandhom jibbenefikaw minn assistenza xierqa, fosthom assistenza legali u għajnuna legali bla ħlas, għandhom ikollhom il-possibilità li jinstemgħu b’mod li jippermetti li l-kuntatt bejn il-vittmi u l-awturi jiġi evitat, b’mod partikolari billi jixhdu mingħajr ma jkunu preżenti. Skont l-Artikoli 54 u 56 ta’ din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproteġu l-ħajja privata u l-immaġni tal-vittmi, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-provi marbuta mal-imgħoddi sesswali u l-kondotta tal-vittma għandhom jiġu permessi biss meta jkunu rilevanti u meħtieġa.

29

L-Artikolu 56(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi li minuri li jkunu vittma u minuri li jkunu xhieda tal-vjolenza kontra n-nisa għandhom jibbenefikaw minn miżuri speċjali ta’ protezzjoni u l-Artikolu 58 tal-istess konvenzjoni jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex tinfetaħ prosekuzzjoni fir-rigward tar-reati stabbiliti konformement mal-Artikoli 36 sa 39 tagħha għandu jkompli jiddekorri għal perjodu ta’ żmien li huwa suffiċjenti u proporzjonat mal-gravità tar-reat ikkonċernat, sabiex ikun possibbli li proċeduri jinfetħu b’mod effettiv wara li l-vittma tkun laħqet l-età ta’ maġġorenni.

30

Fil-Kapitolu VII, intitolat “Migrazzjoni u ażil”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Artikolu 59 tagħha jipprevedi, qabel kollox, l-obbligu tal-Partijiet għal din il-konvenzjoni li jagħtu lill-vittmi li l-istatus ta’ residenza tagħhom jiddependi minn dik tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli, permess ta’ residenza awtonoma kif ukoll l-obbligu li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-vittmi jiksbu s-sospensjoni ta’ proċeduri ta’ tkeċċija marbuta ma’ dan l-istatus. Dan l-artikolu, imbagħad, jipprevedi l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza li jkun jista’ jiġġedded meta l-preżenza tal-vittmi tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom jew minħabba l-kooperazzjoni tagħhom f’investigazzjonijiet jew fi proċeduri kriminali. Fl-aħħar nett, skont l-imsemmi artikolu, il-vittmi ta’ żwieġ imġiegħel li jkunu twasslu f’pajjiż ieħor għal skopijiet ta’ tali żwieġ u li, b’riżultat ta’ dan, ikunu tilfu l-istatus ta’ residenza tagħhom għandhom ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu dan l-istatus.

31

Skont l-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-vjolenza sessista kontra n-nisa għandha tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1, A (2), tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u bħala forma ta’ perikolu serju li jagħti lok għal protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, skont dan l-Artikolu 60, il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandhom jiżguraw li tingħata interpretazzjoni li tkun sensittiva għad-differenza bejn is-sessi għal kull waħda mir-raġunijiet previsti f’din il-konvenzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li jittieħdu miżuri sabiex jiġu żviluppati proċeduri ta’ akkoljenza u servizzi ta’ appoġġ sensittivi għad-differenza bejn is-sessi għal dawk li jfittxu l-ażil kif ukoll linji gwida u proċeduri tal-ażil sensittivi għad-differenza bejn is-sessi.

32

Skont l-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom jintbagħtu lura lejn pajjiż fejn ħajjithom tkun f’riskju jew fejn jistgħu jkunu suġġetti għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

33

Il-Kapitolu VIII, intitolat “Il-kooperazzjoni internazzjonali”, ta’ din il-konvenzjoni jinkludi l-Artikoli 62 sa 65 tagħha, li jipprevedu li l-Partijiet għal din tal-aħħar jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari li jikkooperaw f’materji ċivili u kriminali għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-ġlieda u tal-prosekuzzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-imsemmija konvenzjoni, tal-protezzjoni u tal-għoti ta’ għajnuna lill-vittmi, tat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri dwar reati, tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi ċivili u kriminali, u bl-iskop li jiżguraw li l-vittmi ta’ reat stabbilit li twettaq fit-territorju ta’ Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul għajr dak fejn ikunu residenti jkunu jistgħu jressqu lment quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ residenza tagħhom u li jqisu l-Konvenzjoni ta’ Istanbul bħala l-bażi legali għall-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, għall-estradizzjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili jew kriminali.

34

L-Artikoli 63 u 64 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinkoraġġixxu lill-Partijiet għal din il-konvenzjoni jiskambjaw informazzjoni li tista’ tgħin fil-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew sabiex jinbdew jew jitmexxew investigazzjonijiet kif ukoll jibagħtu, mingħajr dewmien, informazzjoni li persuna li tkun qiegħda f’riskju immedjat li tiġi suġġetta għal atti ta’ vjolenza sabiex jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni, u dan b’osservanza tal-protezzjoni tad-data personali, kif previst fl-Artikolu 65 tal-imsemmija konvenzjoni.

35

Fil-Kapitolu IX, intitolat “Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Artikolu 66 tagħha jistabbilixxi l-Grevio u jagħtih l-inkarigu li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni. Konformement mal-Artikolu 68 tal-imsemmija konvenzjoni, il-Partijiet għaliha għandhom jibagħtu, fuq il-bażi ta’ kwestjonarju mħejji mill-Grevio, rapport dwar il-miżuri li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, għall-kunsiderazzjoni mill-Grevio, li għandu jeżamina kull rapport sottomess mar-rappreżentanti tal-Parti kkonċernata. Dan il-kumitat jista’ wkoll jirċievi informazzjoni dwar l-imsemmija implimentazzjoni minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili u għandu jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli minn strumenti u korpi oħra. Barra minn hekk, il-Grevio jista’ jorganizza żjarat fil-pajjiżi kkonċernati, jekk ikun il-każ bl-assistenza ta’ speċjalisti. Il-Grevio huwa meħtieġ iħejji rapport dwar il-Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul li tkun is-suġġett tal-evalwazzjoni, li għandu jkun intiż li jippermetti lill-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit fl-Artikolu 67 ta’ din il-konvenzjoni, jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lil din il-Parti.

36

Fil-Kapitolu X, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra”, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Artikolu 71 tagħha jispeċifika li din il-konvenzjoni ma għandhiex taffettwa l-obbligi li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali oħra u li l-Partijiet għall-imsemmija konvenzjoni jistgħu jikkonkludu ftehimiet bil-għan li jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha jew li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tħaddan.

37

Il-Kapitolu XII, intitolat “Klawżoli finali”, tal-istess konvenzjoni jinkludi l-Artikoli 73 sa 81 tagħha. Skont l-Artikolu 73 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma għandhomx jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet li b’applikazzjoni tagħhom huma jkunu jistgħu jingħataw drittijiet iktar favorevoli.

38

Skont l-Artikolu 75 tagħha, l-imsemmija konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, mill-Istati li ma humiex Membri li jkunu pparteċipaw fit-tfassil tagħha u mill-Unjoni u hija suġġetta għal ratifika.

39

Skont l-Artikolu 77 tal-istess konvenzjoni, kull Stat jew l-Unjoni jistgħu, fil-mument tal-iffirmar jew meta jiddepożitaw l-istrument tar-ratifika tagħhom, jispeċifikaw it-territorju jew it-territorji li għalihom tkun applikabbli l-Konvenzjoni ta’ Istanbul u kull Parti għaliha tista’, f’data iktar tard, testendi, b’dikjarazzjoni, l-applikazzjoni għal territorji oħrajn li tkun awtorizzata timpenja ruħha f’isimhom, u tista’ anki tirtira tali dikjarazzjonijiet.

40

L-Artikolu 78 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li ebda riżerva ma tista’ ssir fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni, ħlief għall-possibbiltà għal kull Stat jew għall-Unjoni li jiddikjaraw li qegħdin jirriżervaw id-dritt li ma japplikawx jew li japplikaw biss fil-każijiet jew fil-kundizzjonijiet speċifiċi d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(2), fl-Artikolu 44(1)(e), (3) u (4), fl-Artikolu 55(1) fir-rigward tal-Artikolu 35 dwar reati żgħar, fl-Artikolu 58 fir-rigward tal-Artikoli 37, 38 u 39 u fl‑Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul kif ukoll id-dritt li jipprevedu pieni mhux kriminali, minflok pieni kriminali, għall-imġiba msemmija fl-Artikoli 33 u 34 ta’ din il-konvenzjoni.

B.   Il-proposti għal deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

41

Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lill-Kunsill kemm il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni [l-iffirmar], mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM (2016) 111 final, iktar ’il quddiem il-“proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar”) kif ukoll il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM (2016) 109 final, iktar ’il quddiem il-“proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni”). Din il-proposta tal-aħħar, li l-kontenut tagħha huwa essenzjalment identiku għal dak tal-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar, hija fformulata kif ġej:

“2.1 Il-kompetenza tal-[Unjoni] biex tikkonkludi l-Konvenzjoni

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti għal partijiet sostanzjali tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul], u partikolarment għall-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt penali sostantiv u dispożizzjonijiet oħra fil-Kapitolu V [ta’ din il-konvenzjoni] sal-punt li jkunu anċillari, – l-[Unjoni] għandha kompetenza għal parti konsiderevoli tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul], u għalhekk għandha tirratifika [din i]l-Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri.

[...]

L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE sal-punt li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] taffettwa jew taltera l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli komuni. Dan hu, pereżempju, il-każ fir-rigward ta’ materji li jappartjenu għall-istatus ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi, inklużi benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm tkun koperta mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, u l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Anke jekk ħafna mid-dispożizzjonijiet eżistenti msemmija [fil-paragrafi preċedenti] huma regoli minimi, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti, xi wħud minnhom jistgħu jkunu affettwati wkoll jew il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun alterat.

2.2 Il-bażi ġuridika għad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill

[...]

Il-bażijiet ġuridiċi skont it-Trattat [FUE] li huma rilevanti hawnhekk huma: L-Artikolu 16 (protezzjoni tad-data), l-Artikolu 19(1) (diskriminazzjoni sesswali), l-Artikolu 23 (protezzjoni konsulari għal ċittadini ta’ Stat Membru ieħor), l-Artikoli 18, 21, 46, 50 (il-moviment liberu taċ-ċittadini, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà tal-istabiliment), l-Artikolu 78 (ażil u protezzjoni sussidjarja u temporanja), l-Artikolu 79 (immigrazzjoni), l-Artikolu 81 (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili), l-Artikolu 82 (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali), l-Artikolu 83 (definizzjoni ta’ reati kriminali mal-[Unjoni] kollha u sanzjonijiet għal delitti partikolarment serji b’dimensjoni transfruntiera), l-Artikolu 84 (miżuri li ma jarmonizzawx għall-prevenzjoni mid-delitti), u l-Artikolu 157 (opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f’oqsma tal-impjiegi u x-xogħol).

Jekk tittieħed b’mod kumplessiv, għalkemm il-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] fiha bosta komponenti, il-fini predominanti hija l-prevenzjoni ta’ delitti vjolenti kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ delitti bħal dawn. Għalhekk jidher li jkun xieraq li d-Deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Titolu V [tat-Trattat FUE] u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 tiegħu. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] dwar materji oħrajn huma anċillari jew, pereżempju għall-protezzjoni tad-data, inċidentali għall-miżuri li jikkostitwixxu l-fokus ta[’ din i]l-Konvenzjoni. Minħabba f’hekk, biex l-[Unjoni] teżerċita l-kompetenzi tagħha fuq [l-imsemmija ]Konvenzjoni kollha, ħlief l-elementi li ma jkollhiex kompetenza fuqhom, il-bażijiet ġuridiċi ewlenin huma l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 TFUE.”

C.   Id-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar

42

L-ewwel kunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2017, L 131, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar”), hija fformulata kif ġej:

“Wara li kkunsidra t-Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu”.

43

Il-premessi 1 sa 11 ta’ din id-deċiżjoni jiddikjaraw:

“(1)

L-Unjoni ħadet sehem flimkien mal-Istati Membri bħala osservatur fin-negozjati tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] [...].

(2)

F’konformità mal-Artikolu 75 [tagħha], il-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni.

(3)

Il-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] toħloq qafas ġuridiku komprensiv u pluridimensjonali għall-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta’ vjolenza. Hija għandha l-għan li tipprevjeni, tħarrek u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika. Hija tkopri firxa wiesgħa ta’ miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni għal miżuri legali dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ forom differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa. Hija tinkludi miżuri għall-protezzjoni ta’ vittmi u l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ, u tindirizza d-dimensjoni tal-vjolenza minħabba l-ġeneru f’materji ta’ asil u migrazzjoni. Il-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

(4)

L-iffirmar tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] f’isem l-Unjoni ser jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li hu objettiv u valur ċentrali tal-Unjoni li għandu jiġi mwettaq fl-attivitajiet kollha tagħha f’konformità mal-Artikoli 2 u 3 [TUE], l-Artikolu 8 [TFUE] u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vjolenza kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u forma estrema ta’ diskriminazzjoni, bl-għeruq f’inugwaljanzi bejn is-sessi u li tikkontribwixxi għaż-żamma u t-tisħiħ tagħhom. Billi timpenja ruħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul], l-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ssaħħaħ il-qafas ġuridiku sostanzjali eżistenti u l-azzjoni politika attwali tagħha fil-qasam tal-liġi proċedurali kriminali, li hu ta’ rilevanza partikolari għan-nisa u l-bniet.

(5)

Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni [ta’ Istanbul].

(6)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li [din i]l-Konvenzjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom. Dan japplika, b’mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-[imsemmija ]Konvenzjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u għad-dispożizzjonijiet tal-[istess ]Konvenzjoni relatati mal-asil u n-non-refoulement. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom.

(7)

L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi li jinsabu [f’din ]il-Konvenzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.

(8)

Minħabba li l-kompetenza tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Istati Membri huma interkonnessi, jenħtieġ li l-Unjoni ssir Parti għall-[imsemmija] Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, sabiex flimkien huma jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi stipulati fil-Konvenzjoni [ta’ Istanbul]u jeże rċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom b’mod koerenti.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta[‘ din i]l-Konvenzjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali sal-punt li dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-għan tagħhom. Hija ma tikkonċernax l-Artikoli 60 u 61 tal-[imsemmija] Konvenzjoni, li huma indirizzati permezz ta’ deċiżjoni separata tal-Kunsill dwar l-iffirmar li għandha tiġi adottata b’mod parallel ma’ din id-Deċiżjoni.

(10)

L-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bid-Direttivi [2011/36 u 2011/93] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-[Trattat UE] u mat-[Trattat FUE], id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.”

44

L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“L-iffirmar, f’isem l-Unjoni [...], tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija.”

D.   Id-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar

45

L-ewwel kunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement (ĠU 2017, L 131, p. 13, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar”) hija fformulata kif ġej:

“Wara li kkunsidra t-Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu”.

46

Il-premessi 1 sa 8 u 11 ta’ din id-deċiżjoni huma identiċi għal dawn l-istess premessi tad-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar. Min-naħa tagħhom, il-premessi 9 u 10 tad-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar jiddikjaraw:

“(9)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul]. Hija ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet ta[’ din i]l-Konvenzjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li huma indirizzati minn Deċiżjoni tal-Kunsill separata dwar l-iffirmar li għandha tiġi adottata b’mod parallel ma’ din id-Deċiżjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-[Trattat UE] u mat-[Trattat FUE], u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.”

47

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar jipprevedi:

“L-iffirmar, f’isem l-Unjoni [...], tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija.”

IV. L-evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu

A.   Fuq il-fatti u l-proċedura

48

Il-Parlament josserva li l-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ Marzu 2016, kemm il-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar, li għandha bħala bażi legali proċedurali l-Artikolu 218(5) TFUE u bħala bażi legali sostantiva l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 84 TFUE, kif ukoll il-proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni, li għandha bħala bażi legali proċedurali l-Artikolu 218(6) TFUE u l-istess bażi legali sostantiva bħal dik tal-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar.

49

Skont il-Parlament, sabiex jawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni, il-Kunsill issostitwixxa dawn il-bażijiet legali sostantivi bl-Artikolu 78(2) TFUE, bl-Artikolu 82(2) TFUE u bl-Artikolu 83(1) TFUE.

50

Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta, skont il-Parlament, żewġ deċiżjonijiet distinti għall-finijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni, jiġifieri, minn naħa, id-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar, ibbażata fuq l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 83(1) TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar, ibbażata fuq l-Artikolu 78(2) TFUE.

51

Għalkemm l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill għadu sal-lum ma adotta ebda deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni mill-Unjoni, peress li, skont il-Parlament, il-Kunsill jidher li qiegħed jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni għall-eżistenza minn qabel ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri kollha.

B.   Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

52

Fid-dawl tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, marbuta mal-protezzjoni tan-nisa vittmi ta’ vjolenza u mal-prevenzjoni ta’ din il-vjolenza, kif stabbiliti fl-Artikoli 1, 5 u 7 tagħha u kif speċifikati fil-Kapitoli III u IV tagħha, il-Parlament iqis li l-Kummissjoni ġustament qisithom li jikkostitwixxu ż-żewġ komponenti predominanti ta’ din il-konvenzjoni.

53

Il-Parlament jistaqsi għalhekk, fl-ewwel lok, dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-abbandun mill-Kunsill tal-bażi legali misluta mill-Artikolu 84 TFUE sabiex jadotta d-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar u ż-żieda tal-bażijiet legali misluta mill-Artikolu 78(2) TFUE u l-Artikolu 83(1) TFUE sabiex jibbaża, rispettivament, id-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar u d-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar.

54

Fir-rigward tal-Artikolu 78(2) TFUE, il-Parlament josserva li din il-bażi legali tirreferi biss għall-qasam tal-ażil, kopert mill-Artikoli 60 u 61 biss tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u għalhekk jistaqsi jekk huwiex possibbli li dawn l-artikoli tal-aħħar jitqiesu li jikkostitwixxu komponent awtonomu u predominanti ta’ din il-konvenzjoni, jew jekk l-imsemmija artikoli humiex pjuttost l-espressjoni, fil-qasam partikolari tal-ażil, tal-ħsieb ġenerali li tingħata protezzjoni lin-nisa kollha vittmi ta’ vjolenza, b’tali mod li dawn l-artikoli jikkostitwixxu biss dispożizzjonijiet anċillari li ma jeħtiġux l-użu tal-Artikolu 78(2) TFUE bħala komponent tal-bażi legali sostantiva tal-imsemmija deċiżjonijiet dwar l-iffirmar.

55

Fir-rigward tal-Artikolu 83(1) TFUE, il-Parlament josserva li din id-dispożizzjoni tillimita l-kompetenza tal-Unjoni għal ċerti oqsma marbuta mal-kriminalità biss, li ma jinkludux il-vjolenza kontra n-nisa. B’hekk, din il-vjolenza taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni biss fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin, tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tal-minuri jew tal-kriminalità organizzata.

56

Għaldaqstant, peress li l-Istati Membri żammew il-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-essenza tad-dritt kriminali sostantiv li huwa s-suġġett tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u peress li l-elementi ta’ din il-konvenzjoni dwar dan id-dritt li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni jidhru li huma sekondarji, dawn l-element jeħtiġux iż-żieda tal-Artikolu 83(1) TFUE bħala bażi għad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar.

C.   Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

57

Il-Parlament josserva li l-fatt li l-Irlanda tista’ tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 21”), fir-rigward tal-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ma jistax fih innifsu jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 78(2) TFUE bħala bażi legali tal-att dwar l-iffirmar ta’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, sa fejn l-imsemmija Artikoli 60 u 61 ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu komponent awtonomu u predominanti tal-imsemmija konvenzjoni, l-użu tal-Artikolu 78(2) TFUE jkun inutli u l-qsim tal-att dwar l-iffirmar tal-istess konvenzjoni f’żewġ deċiżjonijiet distinti jkun inġustifikat.

58

Barra minn hekk, il-Parlament ifakkar li l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huma, fi kwalunkwe każ, koperti, fil-parti l-kbira tagħhom, minn regoli komuni li għalihom hija suġġetta l-Irlanda, sa fejn id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 kienu tħassru biss fir-rigward tal-Istati Membri li huma marbuta mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li ż-żieda tal-bażi legali misluta mill-Artikolu 78(2) TFUE kienet iġġustifikata, tqum il-kwistjoni tal-ħtieġa li l-att dwar l-iffirmar ta’ din il-konvenzjoni jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti.

D.   Fuq il-prassi tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

59

Il-Parlament jenfasizza li n-natura ta’ ftehim “imħallat” tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li s-suġġett tagħha jaqa’, parzjalment, taħt il-kompetenzi tal-Unjoni u, parzjalment, taħt dawk tal-Istati Membri, ma hijiex ikkontestata. Madankollu, l-Artikolu 218(6) TFUE jipprevedi, għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni, l-intervent ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata wara l-approvazzjoni tal-Parlament. Il-Parlament jistaqsi għalhekk dwar l-approċċ adottat mill-Kunsill li jikkonsisti f’li jiżgura ruħu, qabel ma jikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, mill-kunsens tal-Istati Membri kollha li jkunu marbuta biha.

60

Il-Parlament jirrikonoxxi f’dan ir-rigward li għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-proċess ta’ negozjati, ta’ konklużjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-impenji meħuda, iżda jqis li l-istennija ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri kollha għall-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni tmur lil hinn minn tali kooperazzjoni u tammonta għall-applikazzjoni, fil-prattika, tar-regola tal-unanimità fi ħdan il-Kunsill minkejja r-regola li timponi biss il-maġġoranza kkwalifikata applikabbli skont it-Trattat FUE.

61

Barra minn hekk, il-Parlament iqis li din is-sitwazzjoni hija distinta minn dik li fiha l-Kunsill kien għaqqad f’att “ibridu” d-deċiżjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, sa fejn, f’dan il-każ, l-istennija tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri tipprekludi l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni. Il-Parlament jenfasizza, madankollu, li l-prassi ta’ “qbil komuni” tidher li tikkostitwixxi prassi ġġeneralizzata tal-Kunsill u mhux rekwiżit applikat għal dan il-każ biss.

V. Sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

62

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   Fuq il-fatti u l-proċedura

1. Fuq l-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Istati Membri

63

Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Kunsill, sa mill-ftuħ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-iffirmar, 21 Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Slovakka, irratifikaw din il-konvenzjoni, mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni eventwali interferenza ta’ dawn ir-ratifiki mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

64

Barra minn hekk, skont il-Kunsill, diversi Stati Membri esprimew riżervi u għamlu dikjarazzjonijiet waqt l-iffirmar jew ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, dwar b’mod partikolari l-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni mal-kostituzzjoni nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, ċerti Partijiet għal din il-konvenzjoni, inklużi erba’ Stati Membri tal-Unjoni, qajmu oġġezzjonijiet għal dawn ir-riżervi u għal dawn id-dikjarazzjonijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

65

Il-Kunsill jenfasizza wkoll li huwa magħruf pubblikament li ċerti elementi u definizzjonijiet li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul huma sors ta’ kawżi f’ċerti Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, peress li l-kompatibbiltà tal-obbligi stabbiliti f’din il-konvenzjoni mat-tradizzjonijiet, mal-liġijiet u mal-kostituzzjonijiet nazzjonali hija dubjuża. Għalhekk, ċerti delegazzjonijiet nazzjonali preżenti fi ħdan il-grupp “Drittijiet fundamentali, drittijiet taċ-ċittadini u moviment liberu tal-persuni” (iktar ’il quddiem il-“FREMP”), li huwa grupp ta’ ħidma tal-Kunsill inkarigat, b’mod partikolari, li jeżamina l-proposti relatati mal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, indikaw li kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet serji sabiex jirratifikaw din il-konvenzjoni. B’dan premess, ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma informa uffiċjalment lill-Kunsill dwar dawn id-diffikultajiet u lanqas dwar in-natura inkonfutabbli tad-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom.

2. Fuq il-proċedura għall-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fi ħdan il-Kunsill

66

Il-Kummissjoni tosserva li l-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar, li għandha bħala bażi legali sostantiva l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 84 TFUE, kienet tipprevedi l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul permezz ta’ deċiżjoni waħda u kienet tikkonstata l-eżistenza tal-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni, esklużivi jew kondiviżi, u tal-Istati Membri. Madankollu, il-Kunsill ma segwiex l-approċċ tal-Kummissjoni espost f’din il-proposta.

67

Il-Kunsill josserva li l-iskambji fi ħdan il-FREMP dwar il-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar kienu diffiċli taħt diversi aspetti. Fl-ewwel lok, il-FREMP ikkontesta, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab f’din il-proposta, li “l-[Unjoni] għandha kompetenza għal parti konsiderevoli tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul]”, fid-dawl tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, u talab li titwettaq, fi ħdan il-Kunsill, analiżi rigoruża tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fid-dawl tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Wara din l-analiżi, il-FREMP ikkonkluda li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kienet limitata għal ċerti kwistjonijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll mal-ażil u man-non-refoulement.

68

Fit-tieni lok, filwaqt li l-Kummissjoni u l-Parlament kienu favur adeżjoni “wiesgħa” tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fejn l-Unjoni tkun Parti għal din il-konvenzjoni fil-limiti tal-kompetenzi tagħha kollha, esklużivi jew kondiviżi, eżerċitati jew potenzjali, diversi delegazzjonijiet nazzjonali preżenti fi ħdan il-FREMP qiesu li tali adeżjoni setgħet twassal għal komplikazzjonijiet għall-Istati Membri li kienu diġà rratifikaw l-imsemmija konvenzjoni. Peress li l-adeżjoni “wiesgħa” ma rċevietx sostenn suffiċjenti, kien ċar li kien biss iffirmar limitat għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li seta’ jikseb maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill. Issa, l-għażla bejn adeżjoni “limitata” u adeżjoni “wiesgħa” mal-istess konvenzjoni hija għażla politika li tappartjeni lill-Kunsill.

69

Fit-tielet lok, il-Kunsill qies li d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul kellu jkollha bħala bażi legali sostantiva l-Artikolu 78(2) TFUE, l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 83(1) TFUE. Barra minn hekk, il-Kunsill qies li kien legalment neċessarju li d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21, il-kalkolu tal-maġġoranzi tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill fil-qasam tal-ażil u tan-non-refoulement kien differenti minn dak applikat fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. L-Irlanda taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill.

3. Fuq il-proċedura għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fi ħdan il-Kunsill

70

Il-Kummissjoni tosserva li l-proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni, li għandha bħala bażi legali sostantiva l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 84 TFUE, ilha s-suġġett ta’ dibattiti fi ħdan il-Kunsill mis-26 ta’ April 2016. B’hekk, il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ilha imblokkata għal diversi snin, mingħajr ma l-Kunsill beda l-proċeduri previsti fit-Trattati sabiex l-Unjoni tkun tista’ timpenja ruħha fuq livell internazzjonali. Din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza tal-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri, li b’applikazzjoni tagħha l-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 17(2) TUE u fl-Artikolu 218(6) TFUE jibqa’ “indisponibbli” sakemm jintlaħaq il-kunsens tal-Istati Membri.

71

Skont il-Kummissjoni, din il-prassi tapplika għall-ftehimiet li n-natura mħallta tagħhom titqies li hija neċessarja, fid-dawl tal-kompetenzi rriżervati għall-Istati Membri, iżda wkoll għall-ftehimiet konklużi abbażi ta’ kompetenzi kondiviżi. F’dan il-każ, huwa impossibbli għall-Kunsill li jikkonstata dan il-“qbil komuni” peress li minn tal-inqas wieħed mill-Istati Membri wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu minħabba kunflitt potenzjali bejn il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u d-dritt kostituzzjonali tiegħu.

72

Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-Artikolu 218 TFUE jipprevedi proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali għan-negozjati, l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni, l-approċċi tal-istituzzjonijiet tant huma diverġenti f’dak li jikkonċerna l-ftehimiet imħallta li dan iwassal għal imblokki li jaffettwaw il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi fuq livell internazzjonali. Huwa minħabba din is-sitwazzjoni ta’ imblokk li l-Parlament ressaq din it-talba għal opinjoni.

73

Il-Kunsill jispeċifika li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, il-FREMP wettaq diversi xogħlijiet dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, fosthom it-tfassil ta’ kodiċi ta’ kondotta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri intiż li jindirizza kwistjonijiet bħat-tfassil ta’ pożizzjonijiet, il-koordinazzjoni u l-istabbiliment ta’ rapporti skont il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ ta’ din il-konvenzjoni. Saru wkoll diskussjonijiet fid-dettall dwar il-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni mill-Unjoni, li ġew interrotti minn din it-talba għal opinjoni.

B.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

1. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

74

Skont il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni baqgħu ma kkontestawx, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar. L-Irlanda u l-Kunsill isostnu f’dan ir-rigward li l-kontestazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, fil-kuntest ta’ din it-talba għal opinjoni, iktar minn sentejn wara l-adozzjoni tagħhom, tqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ tali approċċ mar-ratio legis tal-Artikolu 218(10) TFUE, li huwa intiż li l-Parlament jiġi informat immedjatament, f’kull stadju tal-proċedura, sabiex b’mod partikolari jiżgura ruħu li jitqiegħed f’pożizzjoni li jivverifika jekk l-għażla tal-bażi legali tkunx saret b’osservanza tas-setgħat tiegħu u sabiex tippermettilu jirreaġixxi immedjatament fil-każ ta’ problema. Barra minn hekk, permezz ta’ din it-talba għal opinjoni, il-Parlament qiegħed, skont il-Kunsill, jippreġudika din ir-ratio legis, jevita t-termini stabbiliti għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, punt imqajjem ukoll mill-Ungerija, u eventwalment qiegħed jippreġudika l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll l-istatus internazzjonali tal-Unjoni.

75

Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ opinjoni, il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill li jikkonċerna l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, peress li bażi legali żbaljata tista’ twassal għall-invalidazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni.

76

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Parlament qiegħed jipprova jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul abbażi tal-kompetenzi esklużivi tagħha biss, bl-intenzjoni li terġa’ titqies adeżjoni ta’ portata wiesgħa. Issa, tali rikors ma jistax ikun is-suġġett tal-proċedura ta’ opinjoni, peress li din l-għażla hija ta’ natura politika u hija rriżervata għall-Kunsill. L-Ungerija taqbel ma’ din l-analiżi u żżid li, kif ifformulata, l-ewwel domanda ma tippermettix li jiġu ddeterminati l-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni.

77

Skont l-Ungerija, it-talba għal opinjoni ma tirrigwardax il-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mat-Trattati u tirrigwarda biss indirettament u marġinalment it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Għalhekk, l-iktar l-iktar, din it-talba tikkonċerna d-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Issa, anki jekk jitqies li l-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni tista’ tiġi ddeterminata, dan ma jiġġustifikax l-għoti ta’ opinjoni peress li din tal-aħħar ma tikkontribwixxix sabiex l-Istati Membri jew l-Unjoni jiġu preklużi milli jassumu obbligi internazzjonali inkompatibbli mat-tqassim tal-kompetenzi bejniethom, u dan sa fejn dawn l-Istati u l-Unjoni għandhom, fi kwalunkwe każ, iwettqu tali obbligi in solidum. Fid-dawl tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul diġà ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u rratifikata mill-maġġoranza tagħhom, huwa diffiċli li wieħed isostni li t-talba għal opinjoni hija ta’ natura li tevita komplikazzjonijiet legali futuri dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

78

Barra minn hekk, li kieku l-ewwel domanda kellha tikkonċerna deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Ungerija tqis li din id-domanda tkun ipotetika u prematura, peress li l-Kunsill għadu ma ddeċidiex dwar il-kontenut tagħha u peress li ma laħaqx l-istadju li fih huwa jkollu jitlob il-kunsens tal-Parlament, fejn dan tal-aħħar ikun jista’ jressaq l-oġġezzjonijiet eventwali tiegħu.

2. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

79

L-Ungerija tikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda mqajma mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu, sa fejn din id-domanda tirrigwarda l-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti rispettivament fil-punti 74 u 78 ta’ din l-opinjoni. L-istess jgħodd għall-Kunsill, li jenfasizza b’mod partikolari li f’dan l-istadju d-domanda dwar il-modalitajiet li permezz tagħhom huwa jista’ jipprevedi fil-futur il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni hija waħda prematura.

80

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-Protokoll Nru 21, huwiex neċessarju jew possibbli li l-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinqasmu f’żewġ deċiżjonijiet distinti skont il-bażi legali xierqa. Fil-fatt, tali qsim jista’ jdaħħal inkwistjoni mhux biss ir-regoli dwar il-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill, iżda wkoll l-effetti legali tad-deċiżjoni li tapprova l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Irlanda.

3. Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

81

Ir-Repubblika Ellenika tqis, sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda fformulata mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu, li din l-istituzzjoni ma kkjarifikatx b’mod suffiċjenti kif l-aġir tal-Kunsill jikkawża preġudizzju.

82

Ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Ungerija jikkontestaw ukoll din l-ammissibbiltà u josservaw, f’dan ir-rigward, li din it-tieni domanda la tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mat-Trattati, la tikkonċerna l-kompetenza tal-Unjoni jew ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha sabiex tikkonkludi din il-konvenzjoni, u lanqas ma tikkonċerna l-bażi legali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, iżda fil-fatt tikkonċerna r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35). Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-prassi ta’ “qbil komuni” ma tibdilx il-kompetenzi tal-Unjoni jew tal-istituzzjonijiet tagħha u lanqas ma tibdel il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(8) TFUE.

83

L-Ungerija żżid li, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix dwar il-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni, kull komplikazzjoni fid-dritt internazzjonali hija a priori eskluża, b’tali mod li t-talba għal opinjoni ma hijiex utli. Il-Kunsill isostni wkoll li l-imsemmija tieni domanda hija purament ipotetika għaliex tirriżulta minn spekulazzjoni fir-rigward tal-mod kif qiegħed jaġixxi l-Kunsill. Fl-istess sens, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta’ Spanja jispeċifikaw li l-Kunsill ma ħa ebda pass sabiex jeżiġi l-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

84

Filwaqt li jafu li l-proċedura ta’ opinjoni tippermetti li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni ta’ ftehim taqax jew le taħt il-kompetenzi tal-Unjoni, ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija u l-Kunsill jenfasizzaw, l-ewwel, li l-proċess deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill għadu fl-istadju preparatorju quddiem il-FREMP. Barra minn hekk, skont l-Ungerija u l-Kunsill, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul teħtieġ verifika minn qabel bil-għan li jiġu rriveduti u kkompletati r-regoli interni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, inklużi dawk tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Issa, tali miżuri għadhom ma ġewx proposti. Huwa fi tmiem l-iżvolġiment normali tal-proċedura li l-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni ser titressaq quddiem il-Kunsill għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 218(6) TFUE. L-Ungerija żżid li l-Kunsill ma huwa marbut b’ebda terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u li r-raġuni għaliex il-Kunsill ma jiħux tali deċiżjoni hija irrilevanti.

85

It-tieni, il-Kunsill iqis li l-Parlament kien imissu staqsa jekk il-konklużjoni mill-Unjoni tal-imsemmija konvenzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt internazzjonali u mad-drittijiet sovrani tal-Istati Membri fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri kollha. Issa, li kieku l-Kunsill kellu jiżgura ruħu li l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma kinitx ser tqajjem problemi fir-rigward tad-dritt internazzjonali, tali domanda ma kinitx tkun tista’, madankollu, tkun is-suġġett ta’ talba għal opinjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li t-tieni domanda magħmula mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu kellha tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk huwiex konformi mal-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti u mal-Artikolu 218(6) TFUE li l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkun suġġetta għall-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta biha f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

86

Fi kwalunkwe każ, skont il-Kunsill, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni ser isseħħ permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218(6) TFUE, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda votazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma hijiex ser tkun tista’ titqies li hija vvizzjata mill-fatt li l-Istati Membri esprimew, minn qabel, il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, tali espressjoni ta’ kunsens ma hijiex ser tkun tista’ titqies li hija komplikazzjoni li l-proċedura ta’ opinjoni għandha l-għan li tipprevjeni.

87

Ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u l-Kunsill iqisu li, jekk il-Parlament jikkunsidra li l-Kunsill għandu jaġixxi qabel ma l-Istati Membri jesprimu r-rieda tagħhom li jkunu marbuta bil-ftehim ikkonċernat, huwa seta’ jippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE. Il-proċedura ta’ opinjoni għandha għan differenti u ma tistax tintuża sabiex iġġiegħel lill-Kunsill jaġixxi.

88

It-tielet, għandha ssir distinzjoni bejn l-adozzjoni mill-Unjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u d-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni. Peress li, f’dan l-istadju, ebda wieħed minn dawn iż-żewġ atti ma ġie adottat mill-Kunsill u peress li l-proċedura għadha pendenti, it-talba għal opinjoni hija bbażata fuq suppożizzjonijiet żbaljati u hija prematura u ipotetika. Filwaqt li jammetti li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija “ftehim maħsub”, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, il-Kunsill jikkontesta li l-proċeduri interni tiegħu jew il-kalendarju intern tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ opinjoni skont din id-dispożizzjoni. L-Ungerija taqbel ma’ din il-pożizzjoni.

89

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika tal-Finlandja hija tal-fehma li l-prassi ta’ “qbil komuni” tista’ tkun is-suġġett ta’ din il-proċedura ta’ opinjoni peress li l-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni mingħajr “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri tkun tista’ tiġi invalidata jekk tali qbil ikun meħtieġ mit-Trattati. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura tista’ tiġi eżaminata mhux biss il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni hijiex kompetenti sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali speċifiku, iżda wkoll il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni taġixxix b’mod konformi mat-Trattati.

C.   Fuq il-mertu tat-talba għal opinjoni

1. Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

a) Fuq adeżjoni “wiesgħa” jew “limitata” tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

90

L-Irlanda u r-Repubblika tal-Finlandja josservaw li l-analiżi ppreżentata mill-Parlament dwar il-bażijiet legali xierqa għad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar tidher li tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-intier tagħha. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw biss l-oqsma ta’ din il-konvenzjoni li jaqgħu, skont l-analiżi tal-Kunsill, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa possibbli għall-Kunsill li jillimita l-adeżjoni tal-Unjoni għal dawn l-oqsma biss.

91

Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li, għaldaqstant, għandhom jiġu ddeterminati l-bażijiet legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, filwaqt li tgħid ukoll li ma huwiex eskluż li l-Kunsill ikun għadu jista’ jiddeċiedi li jeżerċita wkoll kompetenzi kondiviżi.

92

Issa, peress li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż ta’ att adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att, ikun għal kollox adegwat, skont l-Irlanda, li l-bażijiet legali tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar tal-imsemmi att jiġu indikati esklużivament fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-deċiżjonijiet u mhux fir-rigward tal-ftehim internazzjonali maħsub kollu, f’dan il-każ il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

93

Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza wkoll li l-portata tal-adeżjoni tiddetermina l-għan u l-kontenut tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-għażla tal-bażi legali ta’ dawn id-deċiżjonijiet tirriżulta għalhekk minn deċiżjoni politika tal-Kunsill, li l-Parlament qiegħed jipprova jikkontesta.

b) Fuq il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni

94

Skont il-Kummissjoni, il-konstatazzjoni ta’ kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE għandha tkun ibbażata fuq analiżi konkreta tar-relazzjoni eżistenti bejn il-ftehim internazzjonali maħsub u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. Din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti, il-prospetti tal-evoluzzjoni prevedibbli tagħhom fil-ġejjieni kif ukoll in-natura u l-kontenut tar-regoli u tad-dispożizzjonijiet tagħhom, sabiex jiġi vverifikat jekk tali ftehim jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-Unjoni. Tali riskju jeżisti meta qasam ikun fil-parti l-kbira tiegħu kopert minn regoli tal-Unjoni u minn dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, bħall-Artikolu 82(2)(d) tiegħu u l-aħħar parti tal-Artikolu 83(1) tiegħu, li jagħtu tali prospettivi ta’ evoluzzjoni sa fejn jipprevedu l-possibbiltà li jitkabbru l-kompetenzi tal-Unjoni.

95

Skont il-Kunsill, kompetenza esklużiva rrikonoxxuta lill-Unjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tista’ tkun ibbażata biss fuq it-tielet ipoteżi prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE, jiġifieri meta din il-konklużjoni tkun tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom. Madankollu, il-Kunsill jippreċiża li, fil-kuntest ta’ din it-tielet ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kompetenza interna tista’ tagħti lok għal kompetenza esterna esklużiva biss jekk tiġi eżerċitata. Jekk dan ma jkunx il-każ, ma jistax ikun hemm kompetenza esklużiva impliċita fil-kuntest tal-imsemmija tielet ipoteżi. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal deċiżjoni dwar l-iffirmar u fil-proposta tagħha għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni ma jistgħux ikunu l-bażi ta’ tali kompetenza. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-“regoli komuni” tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-istat tad-dritt tal-Unjoni kif jeżisti fil-mument tal-analiżi tal-kompetenzi tal-Unjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prospetti ta’ evoluzzjoni ta’ dan id-dritt, meta dawn il-prospetti jkunu prevedibbli fil-mument ta’ din l-analiżi, li jimplika li l-Kummissjoni tkun minn tal-inqas ippreżentat proposta lil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar li “ma jistax jiġi eskluż” li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ċerti partijiet ta’ din il-konvenzjoni, tmur kontra l-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti u hija insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita tali kompetenza.

96

Sa fejn il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni jinkludu biss rekwiżiti minimi, il-Kunsill jenfasizza li l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi din il-konvenzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tkun kompetenza esklużiva, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE. Il-Kunsill jiċċita f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ftehim internazzjonali li jinkludi rekwiżiti minimi ma jistax jagħti lok għal kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 82(2) TFUE u tal-Artikolu 83(1) TFUE jirriżulta li l-kompetenza tal-Unjoni hija limitata għall-adozzjoni ta’ rekwiżiti minimi.

97

Il-Kunsill iqis, madankollu, li din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi applikata b’mod mekkaniku, iżda għandu jiġi eżaminat b’mod konkret jekk il-ftehim internazzjonali maħsub u d-dritt tal-Unjoni jħallux lill-Istati Membri livell reali ta’ libertà. Huwa biss tali eżami li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ dan il-ftehim, il-fatt li l-Istati Membri biss jaderixxu mal-imsemmi ftehim jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni.

98

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Kunsill iqisu li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jaqgħu taħt il-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, taħt il-kompetenza ta’ appoġġ tal-Unjoni, taħt il-kompetenzi esklużivi tagħha u taħt il-kompetenzi rriżervati għall-Istati Membri. Fil-fatt, l-Unjoni kisbet kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li jinsabu fil-Kapitoli IV, V u VI tagħha, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-vittmi ta’ vjolenza koperta mid-Direttivi 2011/93 u 2011/36, kif ukoll fir-rigward ta’ tnejn mit-tliet dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tal-imsemmija konvenzjoni.

99

Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkontesta din l-analiżi filwaqt li tenfasizza li kien mingħajr ma eżaminat b’mod konkret il-portata tal-libertà mogħtija lill-Istati Membri li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement ikkonstatat, abbażi biss tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew tan-natura ta’ rekwiżiti minimi tal-leġiżlazzjoni sekondarja, li l-kundizzjonijiet għal kompetenza esklużiva tal-Unjoni ma kinux issodisfatti. Fi kwalunkwe każ, il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni tant hija limitata li huwa dubjuż kemm hija possibbli adeżjoni tant speċifika, b’tali mod li l-Unjoni ser ikollha taderixxi wkoll mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq il-bażi tal-kompetenzi kondiviżi tagħha.

c) Fuq ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-acquis tal-Unjoni

100

Skont il-Kummissjoni, l-għanijiet esposti fil-Kapitolu I tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 1(a) sa (e) tagħha, jikkorrispondu għall-għanijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll fl-Artikoli 8, 19 u 67 TFUE. Id-definizzjonijiet prinċipali li jinsabu fl-Artikolu 3(a) u (b) ta’ din il-konvenzjoni jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 22 u fil-premessi 17 u 18 tad-Direttiva 2012/29.

101

L-obbligi previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmija konvenzjoni, intiżi li jqiegħdu d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru tal-miżuri kollha adottati sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-istess konvenzjoni, jikkorrispondu għall-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 1, 8, 26 u 28 tad-Direttiva 2012/29 u fi programmi finanzjarji intiżi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari fil-premessi 7, 10, 15 u 17 kif ukoll fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU 2013, L 354, p. 62), fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU 2013, L 354, p. 73), u fil-premessi 2, 3 u 10 kif ukoll fl-Artikolu 2(1)(b)(ix) tar-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU 2014, L 77, p. 85).

102

Il-qasam li huwa s-suġġett tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, iddedikat għall-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza msemmija f’din il-konvenzjoni, huwa rregolat fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 84 TFUE, mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/36, mill-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2011/93, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI (ĠU 2009, L 321, p. 44), minn programmi finanzjarji, fosthom l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 1381/2013, l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 1382/2013 kif ukoll l-Artikolu 3(3)(c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU 2014, L 150, p. 93, rettifika fil-ĠU 2019, L 190, p. 18), u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2012/29.

103

Fir-rigward tal-miżuri previsti fil-Kapitolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza kontra kull att ġdid ta’ vjolenza, il-Kummissjoni tosserva li ġew adottati, abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE, id-Direttiva 2012/29 intiża li tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu, b’mod partikolari, sostenn u, abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE u tal-Artikolu 83(1) TFUE, id-Direttivi 2011/36 u 2011/93 intiżi li jipproteġu lill-vittmi ta’ tipi speċifiċi ta’ kriminalità.

104

Fir-rigward tal-Kapitolu V ta’ din il-konvenzjoni, li jinkludi d-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt ċivili u kriminali, l-Unjoni adottat, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE, id-Direttivi 2011/36 u 2011/93, li jipprevedu ċerti reati li huma koperti wkoll minn dan il-kapitolu. Barra minn hekk, peress li l-Unjoni għandha, skont l-aħħar parti tal-Artikolu 83(1) TFUE, kompetenza kondiviża f’dawn l-oqsma tad-dritt ċivili u tad-dritt kriminali, ma hemm xejn li jipprekludiha milli teżerċitaha billi tikkonkludi l-imsemmija konvenzjoni.

105

L-obbligi proċedurali fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet, imposti fil-Kapitolu VI tal-istess konvenzjoni, jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fid-Direttivi 2011/36 u 2011/93, fid-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni (ĠU 2011, L 338, p. 2), fid-Direttiva 2012/29 kif ukoll fir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (ĠU 2013, L 181, p. 4).

106

Fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil, li huwa s-suġġett tal-Kapitolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ġew adottati d-Direttivi 2011/95, 2013/32 u 2013/33, dwar il-protezzjoni internazzjonali, il-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ din il-protezzjoni u l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-imsemmija protezzjoni. Barra minn hekk, f’dan il-qasam, l-Irlanda għadha marbuta bid-Direttivi 2004/83 u 2005/85, li tagħhom id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 jikkostitwixxu riformulazzjoni.

107

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali f’materji ċivili u kriminali, imsemmija fil-Kapitolu VIII ta’ din il-konvenzjoni, l-Unjoni adottat firxa sħiħa ta’ strumenti ġuridiċi kemm f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni ċivili kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

108

Il-Kunsill josserva qabelxejn li ma teżistix leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tittratta b’mod globali l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fir-rigward tan-nisa u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu.

109

Fir-rigward tal-Kapitoli I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kunsill iqis li dawn jirrigwardaw, l-iktar l-iktar, kwistjonijiet li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża mhux eżerċitata mill-Unjoni. Fir-rigward tal-obbligi li jaqgħu taħt il-Kapitolu II ta’ din il-konvenzjoni, dwar ir-riċerka, il-kompetenza tal-Unjoni għandha tiġi eżerċitata, skont l-Artikolu 4(3) TFUE, b’mod parallel ma’ dik tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-obbligi marbuta mal-prevenzjoni ta’ reati, l-Unjoni hija kompetenti biss sabiex issostni l-azzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 2(6) TFUE u l-Artikolu 84 TFUE.

110

Il-Kunsill ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li l-Kapitolu IV tal-imsemmija konvenzjoni jinkludi regoli globalment paragunabbli ma’ dawk li jinsabu fil-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2012/29 u jqis li dan il-Kapitolu IV jaqa’, bi tliet eċċezzjonijiet, taħt kompetenza kondiviża mhux eżerċitata mill-Unjoni.

111

L-ewwel, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ristrett, sa fejn din tapplika biss għall-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jiżvolġu fit-territorju tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li jeżisti element transkonfinali intern għall-Unjoni.

112

It-tieni, skont il-Kunsill, id-Direttivi 2012/29 u 2011/93 jinkludu regoli minimi, kif jirriżulta mit-titolu, mill-premessi 11 u 67, mill-Artikolu 9(3) u mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2012/29 kif ukoll mill-premessi 25, 27, 38, 41 u 43 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/93, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jissodisfaw ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, mingħajr ebda ksur, la ta’ din il-konvenzjoni u lanqas tad-dritt tal-Unjoni, peress li analiżi fil-fond tagħhom tikkonferma li għad hemm libertà reali għall-Istati Membri fil-kuntest tal-imsemmi Kapitolu IV.

113

It-tielet, il-Kunsill iqis li konklużjoni differenti għandha madankollu tinsilet fir-rigward ta’ żewġ kategoriji speċifiċi ta’ vittmi, jiġifieri, minn naħa, il-minuri li jkunu vittmi ta’ reati sesswali, iddefiniti fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul bħala nisa ta’ inqas minn 18-il sena, li fir-rigward tagħhom l-Unjoni adottat regoli ddettaljati fid-Direttiva 2011/93, abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE u tal-Artikolu 83(1) TFUE. Huma rilevanti wkoll l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 22(4) u l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29.

114

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/36, b’mod partikolari l-Artikoli 12 sa 16 tagħha, tinkludi obbligi preċiżi ta’ assistenza u ta’ għajnuna għall-minuri li jkunu vittmi tat-traffikar. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet iddettaljati ta’ dawn id-direttivi jħallu lill-Istati Membri ftit libertà biss, b’tali mod li, minkejja n-natura ta’ rekwiżiti minimi, dawn huma żewġ oqsma koperti fil-parti l-kbira minn regoli tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE.

115

Ir-raba’, dejjem skont il-Kunsill, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat, fil-proposta għal deċiżjoni dwar l-iffirmar u fil-proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni, li d-Direttiva tal-Kunsill 2015/637/UE tal-20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU 2015, L 106, p. 1), li hija bbażata fuq l-Artikolu 23 TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji u għandhom jibdew negozjati internazzjonali sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, tagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva fir-rigward tal-aspetti ta’ protezzjoni konsolari previsti fl-Artikolu 18(5) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Barra minn hekk, skont il-premessa 13 tagħha, il-preżentazzjoni ta’ lmenti quddiem l-awtoritajiet kompetenti li jinsabu barra mill-Unjoni, bħalma huma ambaxxati, ma timplikax l-applikazzjoni tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2012/29.

116

Fir-rigward tal-Kapitolu V tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU 2006, L 153M, p. 294), u b’mod partikolari l-premessa 26 u l-Artikolu 7 tagħha, id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha, id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU 2010, L 180, p. 1), u b’mod partikolari l-premessi 18 u 23 tagħha, id-Direttiva 2011/36, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha, u d-Direttiva 2012/29 jinkludu, skont il-Kunsill, rekwiżiti minimi dwar l-oqsma msemmija fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 30(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ma jinvolvux il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/113, fl-Artikolu 3(3) tagħha, u d-Direttiva 2006/54, fl-Artikolu 8 tagħha, jipprevedu esklużjonijiet fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom. Barra minn hekk, ma hemm ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-imsemmi kapitolu. B’dan premess, l-Unjoni kisbet kompetenza esklużiva fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul sa fejn jikkonċernaw il-vittmi koperti mid-Direttivi 2011/93 u 2011/36.

117

Il-Kunsill iqis li l-Artikoli 49 sa 54 u 56 li jinsabu fil-Kapitolu VI ta’ din il-konvenzjoni jirrigwardaw obbligi li fil-parti l-kbira tagħhom jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fl-Artikoli 1, 3, 4, 6, 8, 9, 11, 18 sa 20 u 22 sa 24 tad-Direttiva 2012/29, filwaqt li huma rilevanti wkoll l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/93 kif ukoll l-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri fil-qasam ċivili u fil-qasam kriminali, jiġifieri r-Regolament Nru 606/2013, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 90, rettifika fil-ĠU 2012, L 188, p. 19), id-Direttivi 2004/80 u 2011/99, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32), id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU 2009, L 93, p. 23) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU 2009, L 93, p. 33). Issa, fir-rigward tar-rekwiżiti minimi, l-Unjoni ma kisbitx kompetenza esklużiva, bl-eċċezzjoni ta’ dik li hija rrikonoxxuta lilha f’oqsma koperti minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/93 u 2011/36.

118

Fir-rigward tat-tliet artikoli li jifformaw il-Kapitolu VII tal-imsemmija konvenzjoni, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p 96), l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, id-Direttiva 2003/109 u l-istrumenti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 59(1) sa (3) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jinkludu biss rekwiżiti minimi u li ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti ma għandha rabta mal-Artikolu 59(4) tagħha.

119

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 60(1) sa (3) u taħt l-Artikolu 61 ta’ din il-konvenzjoni, il-marġni tal-Istati Membri huwa biss teoretiku, fid-dawl tar-rekwiżiti preċiżi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-premessi 30 u 39 kif ukoll mill-Artikolu 4(3)(c) u (4), mill-Artikolu 9(2)(a) u (f), mill-Artikolu 10(1)(d) u mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2011/95, li madankollu ma jorbtux lill-Irlanda u lir-Renju tad-Danimarka, mill-Artikolu 10(3)(d), mill-Artikoli 18 u 24 kif ukoll mill-premessa 32 tad-Direttiva 2013/32, mill-Artikolu 11, mill-Artikolu 17(2), mill-Artikolu 18(3), (4) u (7), mill-Artikoli 19 u 21 sa 25 tad-Direttiva 2013/33, kif ukoll mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115.

120

Il-Kunsill għalhekk iqis li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul iżda mhux f’dak li jirrigwarda l-oqsma koperti mill-Artikolu 59 tagħha li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża mhux eżerċitata mill-Unjoni.

121

Fir-rigward tal-Kapitoli VIII, IX u XI tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, it-tqassim tal-kompetenzi jsegwi, skont il-ġurisprudenza, dak osservat għall-kapitoli preċedenti ta’ din il-konvenzjoni, b’tali mod li jaqgħu parzjalment taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni, parzjalment taħt il-kompetenza tagħha ta’ sostenn, parzjalment taħt il-kompetenza esklużiva tagħha u parzjalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, filwaqt li ebda analiżi distinta ma hija neċessarja għall-Kapitoli X u XII tal-imsemmija konvenzjoni.

122

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ifakkar li fi ħdanu kien hemm sostenn insuffiċjenti għal adeżjoni “wiesgħa” tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, b’tali mod li huwa ddeċieda, b’maġġoranza kkwalifikata, li jiffirmaha b’mod limitat għall-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

123

L-Irlanda taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill.

d) Fuq l-Artikolu 82(2) TFUE

124

Filwaqt li jikkonstataw li, skont il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikolu 82(2) TFUE jikkostitwixxi waħda mill-bażijiet legali xierqa għad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jqisu li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx eżami partikolari.

125

Il-Kunsill iqis li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ ċerti artikoli speċifiċi ta’ din il-konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, sa fejn dawn l-artikoli jikkonċernaw vittmi ta’ vjolenza koperti mid-Direttivi 2011/93 u 2011/36.

126

Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Repubblika tal-Polonja jqisu li l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 82(2) TFUE teskludi, sa fejn jagħti lill-Unjoni biss il-kompetenza sabiex tadotta regoli minimi, li l-Unjoni jista’ jkollha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

127

Jekk l-Unjoni tkun tixtieq, għall-kuntrarju, taderixxi ma’ din il-konvenzjoni anki fl-aspetti tagħha li jaqgħu taħt il-kompetenzi kondiviżi tagħha, din id-dispożizzjoni tkun, fil-fehma tar-Repubblika tal-Finlandja, waħda mill-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

e) Fuq l-Artikolu 84 TFUE

128

Il-Kummissjoni tqis li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha bħala għan il-prevenzjoni tal-vjolenza fir-rigward tan-nisa u l-protezzjoni tal-vittmi. Bil-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-Unjoni ser tkun qiegħda ssostni l-azzjoni ta’ prevenzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirregola l-miżuri individwali u speċifiċi tagħhom. Li kieku l-konklużjoni mill-Unjoni tkun limitata biss għall-protezzjoni tal-vittmi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jitqiesu li huma eżenti mill-obbligi ta’ prevenzjoni, ħaġa li tkun inkonsistenti.

129

Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2) TFUE ma jippermettix, waħdu, li jiġu koperti l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni li ma humiex marbuta ma’ proċeduri kriminali, fis-sens tal-Artikolu 82(2) TFUE. Issa, ħafna drabi tali miżuri ma jeżistux fil-kuntest speċifiku tal-vjolenza eżerċitata kontra n-nisa u l-imsemmija konvenzjoni tfittex li tirrimedja dan in-nuqqas.

130

Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li l-Artikolu 84 TFUE la jagħti lill-Unjoni kompetenza esklużiva u lanqas kompetenza kondiviża, iżda sempliċement jiddefinixxi l-azzjonijiet li jappoġġjaw l-azzjoni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tattribwixxi kompetenza esklużiva lill-Unjoni u adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jkollha l-konsegwenza li torbot lill-Istati Membri u mhux lill-Unjoni.

131

Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li, jekk l-Unjoni tixtieq taderixxi ma’ din il-konvenzjoni billi teżerċita l-kompetenzi kondiviżi tagħha, l-Artikolu 84 huwa bażi legali xierqa.

f) Fuq l-Artikolu 78(2) TFUE

132

Sa fejn l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ikopru oqsma li la jaqgħu taħt l-Artikolu 82(2) TFUE u lanqas taħt l-Artikolu 84 TFUE, il-Kummissjoni tqis li dawn l-oqsma huma ta’ natura anċillari, b’tali mod li hija eskluża ż-żieda ta’ bażijiet legali li jkopru dawn l-oqsma. Fil-fatt, l-Artikoli 60 u 61 ta’ din il-konvenzjoni, li huma intiżi li jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perspettiva sensittiva għall-“ġeneru” fid-deċiżjonijiet tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-vittmi ta’ vjolenza, huma biss l-espressjoni, fil-qasam tal-ażil, tal-għanijiet ġenerali tal-imsemmija konvenzjoni u ma jagħmlux mill-istess konvenzjoni att tad-dritt dwar l-ażil.

133

Il-Kunsill iqis li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Barra minn hekk, huwa tal-fehma, bħar-Repubblika Slovakka, li dawn l-oqsma ma jistgħux jitqiesu li huma anċillari meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

134

Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Repubblika tal-Polonja jqisu li, f’dan il-qasam, id-dritt sekondarju rilevanti jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi u għalhekk ma jistax ikun hemm kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward tal-Artikoli 60 u 61 tagħha. Jekk l-Unjoni tixtieq taderixxi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul billi teżerċita l-kompetenzi kondiviżi tagħha, l-Artikolu 78(2) TFUE jikkonċerna biss, skont ir-Repubblika tal-Finlandja, aspett anċillari tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tkunx bażi legali xierqa.

g) Fuq l-Artikolu 83(1) TFUE

135

Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tapplika wkoll għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tal-minuri, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha huwa ħafna iktar wiesa’. Barra minn hekk, dawn il-vittmi huma koperti minn konvenzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll, fil-livell tal-Unjoni, mid-Direttivi 2011/36 u 2011/93. Għaldaqstant, din il-konvenzjoni ma hijiex att li l-għan prinċipali tagħha huwa l-ġlieda kontra dawn il-forom speċifiċi ta’ kriminalità.

136

Il-Kunsill iqis li l-Unjoni għandha kompetenza ta’ appoġġ fl-oqsma koperti minn ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

137

Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Repubblika tal-Polonja jqisu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 83(1) TFUE teskludi, sa fejn jagħti lill-Unjoni biss il-kompetenza sabiex tadotta rekwiżiti minimi, li dan l-artikolu jitqies li jagħtiha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

2. Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-atti dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

138

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tfakkar li, jekk id-deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali ssegwi żewġ għanijiet li wieħed minnhom ikun l-għan prinċipali u l-ieħor dak anċillari, tali deċiżjoni għandha tkun ibbażata biss fuq il-bażi legali prinċipali. Jekk, għall-kuntrarju, ikollha żewġ għanijiet mingħajr ma wieħed ikun anċillari fil-konfront tal-ieħor, id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti. F’dan il-każ, jistgħu jirriżultaw neċessarji żewġ deċiżjonijiet jekk il-proċeduri applikabbli jkunu inkompatibbli ma’ xulxin.

139

Il-Kummissjoni tfakkar mill-ġdid li l-Artikolu 78(2) TFUE ma huwiex bażi legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda ta’ din id-dispożizzjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza neċessarja li tinqasam f’żewġ atti distinti d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni, peress li l-Irlanda hija marbuta bl-acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam. Huwa minnu li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-iktar acquis reċenti, iżda l-Protokoll Nru 21 ma huwiex ta’ natura li jeħles lil dan l-Istat Membru mill-obbligi tiegħu u lanqas ma jbiddel il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-bażi legali xierqa.

140

Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 jippermetti li l-Irlanda ma tipparteċipax fil-verżjoni emendata ta’ regola eżistenti huwa irrilevanti, peress li r-regoli fil-qasam tal-kompetenzi esklużivi esterni huma stabbiliti fl-Artikolu 3 TFUE u peress li l-possibbiltà li tiġi eżerċitata “opt-out” ma tistax tiġi analizzata bħala l-għoti tal-kompetenza lil Stat Membru li jikkonkludi ftehimiet internazzjonali bi ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE.

141

Ir-Repubblika tal-Finlandja tosserva li, għall-bażijiet legali kollha previsti, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill hija suġġetta għall-Protokoll Nru 21 u li l-Irlanda ma hijiex għaldaqstant marbuta li tipparteċipa f’tali deċiżjonijiet. Peress li l-proċedura deċiżjonali hija għaldaqstant identika, ma kienx neċessarju li d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet.

142

Il-Kunsill josserva li l-Artikolu 78(2) TFUE u l-Artikolu 82(2) TFUE jiskattaw l-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21 u tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 22”). Issa, peress li r-Renju tad-Danimarka ma huwa marbut b’ebda wieħed mill-atti tad-dritt sekondarju rilevanti għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-applikabbiltà tal-Protokoll Nru 22 ma hija ser twassal għal ebda diffikultà partikolari. Għall-kuntrarju, peress li l-Irlanda pparteċipat fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali stabbilita mid-Direttivi 2011/36 u 2011/93 iżda ma hijiex marbuta bid-Direttivi 2011/95, 2013/32 u 2013/33, dwar id-dritt għall-ażil, dan l-Istat Membru kellu jipparteċipa fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar iżda mhux, skont l-Artikoli 1, 3 u 4 tal-Protokoll Nru 21, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/866 dwar l-iffirmar, b’tali mod li kien neċessarju li jiġu adottati żewġ deċiżjonijiet distinti dwar l-iffirmar. Ir-Repubblika tal-Bulgarija, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Slovakka jaqblu ma’ din l-analiżi.

143

L-Irlanda hija tal-fehma li, għaldaqstant, hija biss l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti li tippermettilha teżerċita d-dritt tagħha, skont il-Protokoll Nru 21, li tkun marbuta biss bil-miżuri tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE u li tkun tixtieq tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Fil-fatt, li kieku l-Kunsill adotta deċiżjoni waħda, kien ikun impossibbli għal dan l-Istat Membru li jiddistingwi bejn l-aspetti tad-deċiżjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza tal-Unjoni hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni li torbtu u dawk l-aspetti li fir-rigward tagħhom din il-kompetenza hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni li ma torbtux.

144

Issa, tali approċċ imur kontra l-Protokoll Nru 21 u jikser il-prinċipju fundamentali ta’ paralelliżmu bejn il-kompetenzi interni u esterni tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-bażi tad-duttrina li tirriżulta mis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), imsejħa “duttrina AETR”, kif sanċita fl-Artikolu 3(2) TFUE. L-analiżi konkreta meħtieġa tirrigwarda, fil-fatt, ir-relazzjoni li teżisti bejn il-ftehim maħsub u d-dritt tal-Unjoni “fis-seħħ”, liema dritt madankollu ma huwiex fis-seħħ f’dan l-Istat Membru u b’hekk il-ftehim ma jistax, għaldaqstant, jaffettwah, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE. L-Irlanda żżid li, peress li setgħet tilleġiżla f’dan il-qasam, hija ser tkun tinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna jekk tkun marbuta wkoll, skont id-dritt tal-Unjoni, minn obbligi diverġenti.

145

L-Irlanda tosserva li l-Parlament ma staqsiex biss jekk l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti hijiex “neċessarja”, iżda staqsa wkoll jekk tali adozzjoni hijiex “possibbli”, mingħajr ma spjega għal liema raġuni dan jista’ ma jkunx il-każ. Issa, skont l-Irlanda, ma hemm ebda raġuni li tipprekludi l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti, li bl-ebda mod ma tippreġudika l-mertu ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis ukoll li l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet ma tiksirx il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE.

146

Il-Kunsill josserva li, peress li l-Irlanda ddeċidiet, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, li tipparteċipa fid-Direttiva 2013/33, huwa possibbli li s-sitwazzjoni tkun differenti fir-rigward tal-eventwali konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

147

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tosserva li huwa possibbli għar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 22, li ma jibqax jinvoka dan il-protokoll jew parti minnu, b’tali mod li ma huwiex eskluż li jsir neċessarju li l-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill issir, skont il-kontenut rispettiv tad-diversi partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kemm bil-parteċipazzjoni u kemm mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

3. Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

a) Preżentazzjoni tal-prassi ta’ “qbil komuni”

148

Ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li l-prassi ta’ “qbil komuni” żviluppat taħt it-Trattat KE u ġiet stabbilita, għal ċerti ftehimiet imħallta fil-qasam tal-politika kummerċjali, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, minħabba l-istruttura partikolari tal-kompetenzi f’dan il-qasam, li kienet teħtieġ eżerċizzju kumulattiv mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Skont din il-prassi, il-President tal-Kunsill jiżgura ruħu, billi jagħmlilhom mistoqsijiet, li l-Istati Membri kollha jaqblu li jkunu marbuta bil-ftehim imħallat ikkonċernat qabel ma l-Kunsill japprova l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

149

Ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li l-prassi ta’ “qbil komuni” sempliċement tikkonstata, f’data partikolari, qbil bejn l-Istati Membri dwar il-kunsens li jkunu marbuta bil-ftehim imħallat inkwistjoni, filwaqt li r-ratifika tista’ madankollu ma tirnexxix sussegwentement quddiem il-parlamenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi li ftehim imħallat isir asimetriku wara l-adeżjoni tal-Unjoni ma’ dan il-ftehim, peress li l-Istati Membri jistgħu jirtiraw f’kull mument minnu.

150

Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li l-imsemmija prassi hija intiża li tiżgura l-kunsens tal-Istati Membri li jkunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenzi nazzjonali tagħhom, meta adeżjoni konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri ma’ dan il-ftehim tkun indispensabbli, jiġifieri meta l-ftehim ma jkunx jista’ jiġi implimentat b’mod konsistenti mingħajr ma jiġi konkluż b’mod konġunt mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha. Dan ikun il-każ meta d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni u dawk li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri jkunu, bħal f’dan il-każ, marbuta b’mod inseparabbli.

151

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li ġie ċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja talli adotta “atti ibridi”, jiġifieri deċiżjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet, il-Kunsill kien bidel l-approċċ tiegħu mingħajr madankollu ma biddel l-għan tal-prassi preċedenti tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill qiegħed jipprova jintroduċi mill-ġdid natura “ibrida” biż-żieda ta’ stadju preċedenti għat-teħid ta’ deċiżjoni formali skont il-proċeduri stabbiliti mit-Trattati, stadju li matulu huwa jivverifika l-eżistenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri.

152

Din il-prassi għandha bħala konsegwenza li, f’numru kbir ta’ oqsma, il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet u ta’ ftehimiet jibqgħu imblokkati fi ħdan il-Kunsill, minkejja li l-maġġoranza kkwalifikata meħtieġa tintlaħaq b’mod ċar.

153

Il-Kunsill jenfasizza li huwa ma għadux juża l-“atti ibridi” u li l-prassi attwali tiegħu tirriżulta mill-preokkupazzjoni leġittima li jiġu evitati dubji dwar il-portata u l-validità fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tal-istrumenti tad-dritt internazzjonali adottati minnu. Għal dan il-għan, huwa jiżgura li l-Istati Membri kkonċernati kollha jaqblu li jkunu marbuta taħt il-kompetenzi nazzjonali tagħhom qabel ma jipproċedi għall-adozzjoni, bil-maġġoranza meħtieġa, tad-deċiżjoni tal-Kunsill.

154

Kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem il-Parlament, din il-prassi la hija regola dwar il-votazzjoni u lanqas ma hija proċedura partikolari, peress li l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar il-modalitajiet prattiċi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ qbil. B’hekk, kien hemm deċiżjonijiet meħuda mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet waqt sessjonijiet tal-Kunsill jew fil-marġni tagħhom, riferimenti li jinsabu fil-minuti tas-sessjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), osservazzjonijiet li jinsabu fin-noti tal-gruppi ta’ xogħol u kunsensi purament impliċiti. L-Irlanda tippreċiża li, f’dan il-każ, ma ttieħed ebda pass sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri.

b) Fuq il-kompatibbiltà tal-prassi ta’ “qbil komuni” mal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll mal-Artikoli 2 sa 6 TFUE u mal-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE

155

Ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni jsostnu li, meta jeżiġi l-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri, il-Kunsill qiegħed jikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll l-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, li jindikawh bħala l-istituzzjoni li għandha s-setgħa tawtorizza, fuq proposta u bi qbil mal-Parlament, il-konklużjoni, mill-Unjoni, ta’ ftehimiet internazzjonali. Fil-fatt, tali rekwiżit ma huwiex previst f’dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ir-regoli dwar il-formazzjoni tar-rieda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma stabbiliti fit-Trattati u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas ma huma għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet stess.

156

Għaldaqstant, għalkemm il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma jikkonkludix ftehim, pereżempju fil-każ ta’ minoranza ta’ veto kontra l-konklużjoni tiegħu, huwa ma jistax, għall-kuntrarju, mingħajr ma jikser l-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilha, iżid mal-proċedura applikabbli l-istadju tal-verifika preliminari tal-eżistenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri.

157

Barra minn hekk, peress li l-kompetenzi tal-Unjoni huma ddefiniti fl-Artikoli 2 sa 6 TFUE u huma distinti b’mod ċar minn dawk tal-Istati Membri, ma huwiex possibbli li ssir, permezz ta’ tali żieda, amalgamazzjoni de facto mal-proċess deċiżjonali intergovernattiv, anki jekk iż-żewġ strumenti jibqgħu formalment distinti. Din il-prassi tiżnatura l-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE.

158

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-att formalment adottat ikun “nonibridu”, il-proċess deċiżjonali jibqa’ “ibridu”, b’tali mod li l-pożizzjoni tal-Istati Membri, meħuda individwalment, tingħata prijorità fuq dik tal-Unjoni, u dan mingħajr ebda bażi fit-Trattati, jew saħansitra bi ksur tal-formulazzjoni u tal-ispirtu tal-Artikolu 4(3) TUE u billi jiġu evitati r-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titħares l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

159

Il-Kummissjoni tosserva li, skont il-preambolu tat-Trattat UE, dan it-Trattat kif ukoll it-Trattat FUE għandhom bħala għan ġenerali li jwasslu għal stadju ġdid fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, it-Trattat FUE jippreċiża iktar it-tqassim u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’mod partikolari billi jiċċara l-kompetenzi tal-Unjoni (Artikoli 2 sa 6 TFUE), billi jippreċiża f’liema każijiet l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (Artikolu 216(1) TFUE) u billi jiddefinixxi b’mod iktar preċiż il-proċedura dwar in-negozjati, l-iffirmar u l-konklużjoni tat-tipi kollha ta’ ftehimiet internazzjonali (Artikolu 218 TFUE).

160

Il-Kummissjoni tqis li, għaldaqstant, huwa manifestament kuntrarju għall-għanijiet tat-Trattati li jintuża, bħala prassi ġenerali applikabbli għall-ftehimiet imħallta kollha, proċess deċiżjonali “ibridu” li jostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tiddeċiedi li timpenja ruħha fuq livell internazzjonali u li jindika lill-komunità internazzjonali li l-Unjoni ma għandhiex is-setgħa tieħu deċiżjoni awtonoma iżda tiddependi fuq il-parteċipazzjoni deċiżiva tal-Istati Membri.

161

Barra minn hekk, permezz tal-prassi ta’ “qbil komuni”, il-Kunsill jikser l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, peress li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika wkoll fir-relazzjonijiet interistituzzjonali.

162

Barra minn hekk, din il-prassi tfixkel l-ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni sa fejn tagħti lill-Istati Membri rwol, fi ħdan l-Unjoni, li ma huwiex previst fit-Trattati, peress li l-Artikolu 218 TFUE jiddeskrivi biss id-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Issa, ir-rwol mogħti b’dan il-mod lill-Istati Membri jikkomprometti l-effettività tal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni u jista’ jagħti prijorità lill-interessi tal-Istati Membri fuq dawk tal-Unjoni.

163

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u minn dan tiddeduċi li l-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri tikser din id-dispożizzjoni sa fejn tirrendiha ineffettiva. Din il-prassi tikkomprometti l-effettività tal-proċeduri tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija taqbel ma’ din il-pożizzjoni u tenfasizza li t-Trattati jipprevedu dispożizzjonijiet eżawrjenti dwar il-proċedura għall-konklużjoni mill-Unjoni ta’ konvenzjonijiet, dispożizzjonijiet dawn li jipprekludu ż-żieda tal-istadju preliminari tal-“qbil komuni”.

164

Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, minħabba l-fatt li l-Kunsill għadu ma pproċediex għal vot, huwa ma setax kiser l-Artikolu 218(8) TFUE.

165

Skont l-Irlanda, huwa ċar li l-Artikolu 218(6) u (8) TFUE jirregola l-proċedura ta’ votazzjoni u li la l-Kunsill u lanqas l-Istati Membri ma jistgħu jinjoraw din id-dispożizzjoni. Sa fejn il-Kunsill qiegħed jipprova, qabel il-votazzjoni, jikkoordina l-azzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-prassi ta’ “qbil komuni” tirriżulta, meta l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jkunu, bħal f’dan il-każ, marbuta mill-qrib, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali.

166

Sa fejn it-tfittxija tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul taħt l-Artikolu 218(6) u (8) TFUE, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija jqisu li din il-prassi ma tbiddilx l-imsemmija deċiżjoni jew ir-regola tal-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata u lanqas ma twassal għall-adozzjoni ta’ “att ibridu”.

c) Fuq il-kompatibbiltà tal-prassi ta’ “qbil komuni” mal-prinċipji ta’ kompetenzi attribwiti, ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, u mad-dritt internazzjonali pubbliku

167

Il-Kummissjoni tfakkar li mir-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni jirriżulta dmir ta’ kooperazzjoni li jirregola l-konklużjoni, mill-Istati Membri u mill-Unjoni, ta’ ftehimiet imħallta, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ effettività u l-obbligu li jiġu protetti r-reputazzjoni u l-kredibbiltà internazzjonali tal-Unjoni jeżiġu li l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda minnha tkun iffaċilitata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha.

168

Għalhekk, sa mill-iffirmar, u a fortiori wara l-konklużjoni ta’ ftehim imħallat f’isem l-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati jassistu lill-Unjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim. Sa fejn ser tkun neċessarja l-konklużjoni konġunta tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, fis-sens tal-Artikolu 216 TFUE, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, dawn tal-aħħar ser ikunu għalhekk obbligati jagħmlu sforz sabiex jitneħħew l-ostakoli li jipprekludu lill-Unjoni milli tiddepożita, flimkien mal-Istati Membri, l-istrumenti ta’ ratifika mal-Kunsill tal-Ewropa. Għaldaqstant, huma għandhom, minn tal-inqas, jagħmlu l-proposti utli kollha quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni mill-Unjoni.

169

Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tal-Kummissjoni, teżisti l-possibbiltà li, mal-istrument ta’ adeżjoni tal-Unjoni mal-imsemmija konvenzjoni ssir dikjarazzjoni li tfakkar in-natura evoluttiva tal-kompetenzi tal-Unjoni, li tosserva li l-Unjoni ma għandhiex kompetenzi fl-oqsma kollha koperti mill-istess konvenzjoni u li tispeċifika l-oqsma li fihom hija ser tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha. Fil-fatt, peress li n-natura limitata tal-kompetenzi tal-Unjoni hija magħrufa sew mill-Kunsill tal-Ewropa, tali possibbiltà hija inerenti għad-dispożizzjoni li tippermetti l-adeżjoni tal-Unjoni.

170

Ir-Repubblika tal-Finlandja tosserva li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tissuġġetta l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-adeżjoni tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma teżistix bażi legali għall-prassi ta’ “qbil komuni”. Is-sempliċi fatt li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija meħtieġa għan-negozjati, għall-konklużjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali lanqas ma jippermetti, skont ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Repubblika tal-Awstrija, li jiġi dedott li “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri huwa neċessarju sabiex l-Unjoni tkun tista’ torbot ruħha u lanqas li l-Istati Membri għandhom bżonn il-qbil min-naħa tal-Kunsill sabiex jintrabtu fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, peress li kull wieħed minnhom jista’ jaġixxi waħdu fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu.

171

Meta jiġi konkluż ftehim imħallat, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, Partijiet marbuta, iżda distinti, għall-ftehim, u kull wieħed u waħda minnhom għandhom jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom u b’osservanza tal-kompetenzi ta’ kull Parti kontraenti oħra, b’applikazzjoni tal-proċeduri kostituzzjonali proprji tagħhom fil-qasam tan-negozjati, tal-iffirmar, tal-konklużjoni u tar-ratifika. Ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza li l-adeżjoni tal-Unjoni mingħajr il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri ma tistax twassal sabiex l-Unjoni tkun marbuta b’mod ieħor jekk mhux fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha stess, kif tqis ukoll ir-Repubblika tal-Awstrija.

172

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li r-rekwiżit ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri jmur kontra kemm l-Artikolu 13(2) TUE u l-Artikolu 218 TFUE kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar ma tistax teżerċita b’mod awtonomu l-kompetenzi li hija għandha u peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill teħtieġ il-kunsens unanimu tal-Istati Membri iktar milli l-kisba ta’ maġġoranza kkwalifikata. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li bih huma marbuta b’mod partikolari l-Istati Membri jostakola wkoll tali rekwiżit.

173

Il-Kunsill jenfasizza qabelxejn, minn naħa, li mill-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti, kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, jirriżulta li kull kompetenza mhux attribwita lill-Unjoni tappartjeni lill-Istati Membri u jqis li minn dan jirriżulta li ebda istituzzjoni tal-Unjoni ma tista’ tordna lill-Istati Membri jadottaw atti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, ma jeżisti ebda obbligu għall-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u din l-istituzzjoni ma tistax tiġi mġiegħla teżerċita kompetenza potenzjali tal-Unjoni meta ma tintlaħaqx il-maġġoranza meħtieġa. Fil-fatt, il-Kunsill u l-Ungerija josservaw li l-Artikolu 218(6) TFUE ma jipprevedi ebda terminu għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

174

Il-Kunsill ifakkar li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ġiet innegozjata, kuntrarjament għal ftehimiet internazzjonali oħra, mingħajr parteċipazzjoni attiva mill-Unjoni u minn dan jiddeduċi li din il-konvenzjoni ma ġietx innegozjata b’teħid inkunsiderazzjoni tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li, għalkemm huwa possibbli li jiġu ddefiniti b’mod ċar il-kompetenzi previsti f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, dan ma huwiex il-każ, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-Kapitoli IV sa VI u VIII sa XII tagħha. B’mod partikolari, sa fejn il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, tirrigwarda biss aspetti partikolari tad-Direttivi 2011/36 u 2011/93, għal kull dispożizzjoni kkonċernata tal-imsemmija konvenzjoni teżisti wkoll kompetenza tal-Istati Membri, dwar l-aspetti mhux koperti minn dawn id-direttivi.

175

Din l-istituzzjoni tqis li l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri huma għalhekk, f’dan il-każ, marbuta b’mod inseparabbli u tfakkar li l-Artikolu 133(6) KE kien jipprevedi li ċerti ftehimiet ma setgħux jiġu konklużi mill-Kunsill jekk kienu jinkludu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni. Sa fejn ċerti oqsma kienu jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni kienet tispeċifika li n-negozjati ta’ tali ftehimiet kienu jirrikjedu l-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri u li l-konklużjoni tagħhom kellha ssir b’mod konġunt mill-Unjoni u mill-Istati Membri. Issa, it-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni fit-Trattat FUE ma tfissirx iċ-ċaħda ta’ din il-prassi, iżda hija l-konsegwenza tat-trasferiment lill-Unjoni, fl-Artikolu 207(1) u (4) TFUE, ta’ kompetenzi fil-qasam tal-politika kummerċjali.

176

Barra minn hekk, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 102 KEEA, li ftehim imħallat jista’ jiġi konkluż mill-Unjoni biss meta l-Istati Membri kkonċernati kollha jirratifikawh, jiżgura l-konsistenza bejn l-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni u t-tqassim tal-kompetenzi u tas-setgħat fil-livell intern, skont il-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

177

Skont il-Kunsill, mill-Artikolu 207(6) TFUE, li jipprevedi li l-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti minn dan l-artikolu ma jaffettwax id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u lanqas ma jwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet jew tar-regolamenti tal-Istati Membri sa fejn it-Trattati jeskludu tali armonizzazzjoni, jirriżulta wkoll li l-Unjoni, meta teżerċita l-kompetenza tagħha stess, ma tistax tinjora dik tal-Istati Membri. Il-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni jeżiġi kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni matul in-negozjati, il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet imħallta.

178

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, peress li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tikkonċerna oqsma marbuta b’mod inseparabbli, dan il-prinċipju jeżiġi li jiġu kkoordinati, b’mod partikolari, l-iffirmar, il-konklużjoni u, sa fejn huwa possibbli, id-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni. Issa, il-prassi ta’ “qbil komuni” hija l-unika prassi li tippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza reċiproka tal-kompetenzi f’sitwazzjoni bħal din. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li, jekk l-Unjoni taderixxi mal-imsemmija konvenzjoni minkejja li l-Istati Membri ma jixtiqux jaderixxu magħha, l-Unjoni tkun qiegħda tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha, tkun qiegħda tippreġudika l-kompetenzi tal-Istati Membri u tkun qiegħda tikser, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti.

179

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija jenfasizzaw li, fil-kuntest ta’ tali ftehimiet imħallta, kull waħda mill-Partijiet għandha taġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha u b’osservanza tal-kompetenzi ta’ kull Parti kontraenti oħra. Issa, fid-dawl tar-rabtiet inseparabbli li jeżistu bejn il-kompetenzi tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti, iċ-ċertezza legali, il-kooperazzjoni leali u l-implimentazzjoni koerenti tal-obbligi jeħtieġu li l-Unjoni u l-Istati Membri jsiru Partijiet għal din il-konvenzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni tirrikjedi aġġustamenti kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-Istati Membri.

180

F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li, skont l-Artikoli 27 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), la l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri tagħha ma jistgħu jinvokaw, fil-konfront tal-Partijiet l-oħra fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, it-tqassim tal-kompetenzi bejniethom bħala raġuni għan-nuqqas ta’ osservanza tagħha. Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill isostnu li l-fatt li problema ta’ kompetenza titqajjem quddiem il-Grevio ma huwiex kompatibbli mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni peress li dan b’hekk ikun responsabbli għas-soluzzjoni ta’ problema li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni rriżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja.

181

Minn dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Ungerija jiddeduċu li, fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri, l-Unjoni ma hijiex ser tkun f’pożizzjoni li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tajba tal-impenji tagħha li jirrigwardaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kollha, b’tali mod li hija ser tkun qiegħda tesponi ruħha għal kontestazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà internazzjonali tagħha minħabba azzjoni jew ommissjoni li fir-rigward tagħhom ebda kompetenza ma hija rrikonoxxuta lilha.

182

Fil-fatt, jekk l-Unjoni tieħu impenji li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, hija xorta waħda ser tinżamm responsabbli, skont ir-Repubblika Ellenika u l-Kunsill, taħt id-dritt internazzjonali għall-eżekuzzjoni tal-ftehim kollu kemm hu. Barra minn hekk, l-adeżjoni tal-Unjoni ma’ ftehim li fir-rigward tiegħu hija biss parzjalment kompetenti fl-assenza tal-adeżjoni tal-Istati Membri kollha twassal mhux biss għal “taħlita ta’ obbligi”, skont l-Istat Membru kkonċernat, iżda tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim huwiex fis-seħħ fit-territorju tal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, sa fejn. Barra minn hekk, sa fejn l-adeżjoni tmur lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, l-att ta’ adeżjoni jista’ jiġi annullat.

183

Barra minn hekk, filwaqt li ċerti konvenzjonijiet multilaterali jipprevedu l-possibbiltà li ssir dikjarazzjoni ta’ kompetenza, dan ma huwiex il-każ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif josservaw ukoll ir-Repubblika Ellenika u l-Ungerija. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kunsill, tali dikjarazzjoni ser tkun dubjuża, fid-dawl tal-evoluzzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

184

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija u l-Kunsill huma tal-fehma li jekk, bħal f’dan il-każ, l-eżekuzzjoni sħiħa tal-impenji internazzjonali li jirriżultaw minn ftehim tkun possibbli, fid-dritt u fil-fatt, biss meta l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fih, filwaqt li ma jaċċettawx kollha li jkunu marbuta b’dan il-ftehim fid-dawl tal-kompetenzi nazzjonali tagħhom, il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni u ta’ kompetenzi attribwiti jipprekludu lill-Unjoni milli tipproċedi bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar jew dwar il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim għaliex dan jirfes fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri.

185

Il-Kunsill jikkontesta li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jimplika li Stat Membru ma jistax jopponi li l-Unjoni taderixxi ma’ konvenzjoni li fir-rigward tagħha hija parzjalment kompetenti, li jwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jaderixxu magħha huma stess. Fil-fatt, dan id-dmir ma jista’ jwassal għal ebda obbligu għal Stat Membru li jirratifika ftehim, kif iqisu wkoll ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija, filwaqt li r-Repubblika Franċiża żżid li tali interpretazzjoni tal-imsemmi obbligu tmur kontra l-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti u tikser barra minn hekk id-dritt internazzjonali pubbliku li jirrikonoxxi, kif juri l-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-prinċipju ta’ kunsens liberu tal-Istati li jintrabtu bi ftehim internazzjonali. Skont ir-Repubblika Ċeka, tali interpretazzjoni tikser ukoll il-prinċipju tad-dritt internazzjonali “pacta tertiis nec nocent nec prosunt” (“il-konvenzjonijiet la jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil terzi”), kif ikkodifikat fl-Artikoli 34 sa 38 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

186

Fil-fatt, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jista’ jostakola, b’mod partikolari meta proċedura ta’ adeżjoni tkun għaddejja fil-livell tal-Unjoni, il-konklużjoni ta’ ftehimiet mill-Istati Membri, skont ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill, sal-lum ’il ġurnata għadu ma ġie kkonstatat ebda obbligu impost fuq l-Istati Membri li jaġixxu f’qasam ta’ kompetenza tal-Unjoni, u dan jgħodd a fortiori għall-oqsma li fihom l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill iqisu li r-rieda tal-Unjoni li taderixxi ma’ ftehim ma tistax tipprevali fuq id-dritt ta’ Stat Membru li ma jaderixxix miegħu, peress li dmir ta’ kooperazzjoni leali huwa impost ukoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-Istati Membri.

187

Minn dan, ir-Repubblika Franċiża tiddeduċi li tali dmir jobbliga lill-Unjoni tistenna l-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri u minn dan tikkonkludi li l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-assenza ta’ tali “qbil komuni” tikser kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt internazzjonali. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li l-fatt li jista’ jkun diffiċli li jinkiseb il-kunsens tal-Istati Membri ma jippermettix li jiġi preżunt preġudizzju għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni.

188

Għalkemm il-prassi attwali tal-Kunsill tidher li ma tantx hija ideali, sa fejn tista’ ddewwem għal perijodu kunsiderevoli l-konklużjoni ta’ ftehim imħallat, kunsiderazzjonijiet istituzzjonali u politiċi, fosthom il-leġittimità tal-ftehimiet imħallta, jiġġustifikaw, skont il-Kunsill, din il-prassi. Fil-fatt, il-leġittimità ta’ dawn il-ftehimiet iżda wkoll tal-Unjoni tiġi mittiefsa jekk din tal-aħħar tobbliga lil Stat Membru jirratifika ftehim imħallat minkejja referendum negattiv jew l-oppożizzjoni ta’ entità Statali mingħajr ma jingħata ż-żmien sabiex tinstab soluzzjoni inklużiva li tippermetti li jingħelbu d-diffikultajiet li jkunu qamu.

189

Il-Kunsill u l-Ungerija jżidu li xi elementi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jistgħu jaffettwaw l-identità nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri, li l-osservanza tagħha mill-Unjoni hija ggarantita lilhom mill-Artikolu 4(2) TUE. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija tosserva li, skont il-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija), ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jinkludu kunċetti inkompatibbli mal-Kostituzzjoni u mal-ordni pubbliku Bulgari, fosthom il-kunċetti ta’ “attribuzzjonijiet soċjalment mibnija”, ta’ “stereotipizzazzjoni tar-rwoli” u ta’ “ġeneru”, li huma intiżi li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sess” b’mod inkompatibbli mad-definizzjoni użata fil-Kostituzzjoni Bulgara. Issa, jekk l-Unjoni xorta waħda taderixxi mal-imsemmija konvenzjoni, dan joħloq ir-riskju għar-Repubblika tal-Bulgarija li tkun obbligata, sabiex tiżgura l-osservanza tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, timplimenta miżuri li jmorru kontra l-Kostituzzjoni tagħha. Għaldaqstant, tali adeżjoni tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

190

Bl-istess mod, ir-Repubblika Slovakka, filwaqt li tadotta approċċ analogu għal dak tal-Kunsill, issostni li n-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) oppona r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mir-Repubblika Slovakka u mill-Unjoni.

191

Fi kwalunkwe każ, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Slovakka jqisu li l-Kunsill jista’ jistenna l-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri, peress li huwa istituzzjoni tal-Unjoni u peress li, bħala tali, huwa jibbenefika minn indipendenza. L-ekwilibriju istituzzjonali jfisser b’mod partikolari li l-Kunsill ma huwiex obbligat jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul peress li għandu libertà ta’ għażla li taqa’ taħt il-kompetenzi tiegħu. Għaldaqstant, l-istennija ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri ma tikser ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tippermetti li jiġi evitat li jkun meħtieġ li tinstab soluzzjoni għal kunflitti politiċi.

VI. Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

192

Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim maħsub mat-Trattati.

193

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni hija intiża li jiġu evitati l-komplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet ġudizzjarji dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li dan il-ftehim ikun, jew minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tippreġudika lill-partijiet ikkonċernati kollha inklużi l-Istati terzi (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:952, punt 69).

194

Fid-dawl tal-funzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, li hija li jiġu evitati, permezz tat-tressiq minn qabel tal-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, eventwali komplikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali li jirriżultaw mill-invalidazzjoni ta’ att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, is-sempliċi riskju ta’ tali invalidazzjoni huwa biżżejjed sabiex it-talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ammissibbli (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 74).

195

Għall-kuntrarju, din il-proċedura ma hijiex intiża li tipproteġi speċifikament l-interessi u d-drittijiet tal-Istat Membru jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu ressqu t-talba għal opinjoni, sa fejn dawn ikollhom, għal dan l-iskop, ir-rimedju tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim kif ukoll il-possibbiltà li jitolbu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, miżuri provviżorji permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 3/94 (Ftehim qafas dwar il-banana), tat-13 ta’ Diċembru 1995, EU:C:1995:436, punti 2122).

196

L-imsemmija proċedura lanqas ma għandha l-għan li ssib soluzzjoni għad-diffikultajiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ ftehim maħsub li jaqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (Opinjoni 2/100 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 17).

197

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità sostanzjali jew formali tal-ftehim fid-dawl tat-Trattati. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattati tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mhux biss minn dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 70).

198

Madankollu, fir-rigward tar-regoli interni għall-Unjoni, il-fatt li dawn jagħmlu parti mid-dritt intern tal-Unjoni jeskludi l-possibbiltà li jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ opinjoni, li tista’ tikkonċerna biss ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom tkun maħsuba mill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 149).

199

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali xierqa għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali sa fejn, peress li għandha biss kompetenzi attribwiti, l-Unjoni jkollha torbot l-atti adottati minnha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li effettivament jawtorizzawha tadottahom. B’hekk, l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jwassal għall-invalidazzjoni tal-att dwar il-konklużjoni stess u, għaldaqstant, għall-ivvizzjar tal-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta mill-ftehim li miegħu tkun aderixxiet (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5, u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 7172).

200

Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta t-Trattat ma jagħtix lill-Unjoni kompetenza suffiċjenti sabiex tirratifika l-ftehim fl-intier tiegħu, sitwazzjoni din li twassal għal eżami tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehim maħsub, jew inkella meta l-bażi legali xierqa għall-imsemmi att dwar il-konklużjoni jipprevedi proċedura leġiżlattiva differenti minn dik effettivament segwita mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5).

201

Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tosserva li l-att li jawtorizza l-iffirmar tal-ftehim internazzjonali u dak li jiddikjara l-konklużjoni tiegħu jikkostitwixxu żewġ atti legali distinti li jimplikaw obbligi fundamentalment distinti għall-partijiet ikkonċernati, filwaqt li t-tieni att bl-ebda mod ma jikkostitwixxi l-konferma tal-ewwel wieħed. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ rikors għall-annullament tal-ewwel att ma tostakolax il-preżentata ta’ tali rikors kontra l-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub u lanqas ma tagħmel inammissibbli talba għal opinjoni li tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mat-Trattat (Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 11).

202

Barra minn hekk, il-fatt li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ rimedji oħra, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, ma huwiex argument li jippermetti li jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’mod preliminari bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE (Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 12).

203

Fil-fatt, il-proċedura ta’ opinjoni għandha tippermetti li tinstab soluzzjoni għal kull kwistjoni li tista’ titressaq għall-evalwazzjoni ġudizzjarja sa fejn dawn il-kwistjonijiet jissodisfaw l-għan ta’ din il-proċedura (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stat terz mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 54).

204

Fil-ħames lok, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li titressaq talba għal opinjoni, taħt l-Artikolu 218(11) TFUE, ma teħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari, qbil definittiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, id-dritt mogħti lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-opinjoni tagħha jista’ jiġi eżerċitat b’mod individwali, mingħajr ebda qbil bejniethom u mingħajr ma jistennew ir-riżultat finali ta’ proċedura leġiżlattiva relatata (Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar il-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 55).

205

B’hekk, il-fatt li l-adozzjoni tal-ftehim inkwistjoni tista’ sseħħ biss wara l-konsultazzjoni, kif ukoll l-approvazzjoni, tal-Parlament u l-fatt li l-adozzjoni ta’ eventwali miżuri ta’ akkumpanjament leġiżlattivi fi ħdan l-Unjoni ser tkun suġġetta għal proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lil din l-istituzzjoni ma għandhom ebda impatt fuq il-possibbiltà mogħtija lill-Parlament, bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE, li jitlob opinjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja (Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar il-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punti 5556).

206

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk id-domandi magħmula mill-Parlament humiex ammissibbli.

207

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà tal-parti (a) tal-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat li din tikkonċerna, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, l-identifikazzjoni tal-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li jfisser li jiġi ssodisfatt l-għan tal-proċedura ta’ opinjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 193, 195, 197, 199 u 200 ta’ din l-opinjoni.

208

Sa fejn, madankollu, l-Ungerija tqajjem dubju dwar l-utilità ta’ din il-proċedura, peress li adeżjoni ma’ din il-konvenzjoni kemm mill-Unjoni u kif ukoll mill-Istati Membri hija meħtieġa fiż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija mill-Parlament fil-kuntest tal-parti (a) tal-ewwel domanda, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, jekk tintgħażel bażi legali mhux xierqa għall-konklużjoni mill-Unjoni tal-imsemmija konvenzjoni, il-validità tal-att dwar il-konklużjoni tkun tista’ tiġi kkontestata fi stadju ulterjuri fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tqajjem għalhekk id-diffikultajiet li l-proċedura ta’ opinjoni hija intiża preċiżament li jiġu evitati, kif tfakkar fil-punt 193 ta’ din l-opinjoni.

209

Sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija jsostnu li l-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni timplika kontestazzjoni tal-għażla politika tal-Kunsill li jipproċedi b’adeżjoni parzjali mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, għandu jiġi osservat li tali fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, ikun ta’ natura li jinfluwenza l-portata tal-“ftehim maħsub” li fir-rigward tiegħu għandha tiġi identifikata l-bażi legali xierqa għall-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni. Peress li, kif tfakkar fil-punti 199 u 200 ta’ din l-opinjoni, talba għal opinjoni jista’ jkollha bħala suġġett, b’mod partikolari, l-għażla tal-bażi legali xierqa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali maħsub, l-imsemmi fatt għalhekk jista’ jinfluwenza biss ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda, mingħajr ma jista’ jdaħħal inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ din tal-aħħar.

210

Fir-rigward tal-fatt imsemmi mill-Ungerija li l-Parlament huwa mistenni jipparteċipa fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u, jekk ikun il-każ, ser ikun jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu f’din l-okkażjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 204 u 205 ta’ din l-opinjoni jirriżulta li tali fatt bl-ebda mod ma jeskludi li din l-istituzzjoni tista’ tibda din il-proċedura.

211

Sa fejn l-Ungerija ssostni li l-ewwel domanda hija prematura u ipotetika sa fejn tikkonċerna att futur tal-Unjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li l-kontenut tiegħu għadu ma ġiex stabbilit b’mod definittiv, għandu jiġi osservat li l-proċedura ta’ opinjoni, fid-dawl tal-għan tagħha li jiġu evitati l-komplikazzjonijiet fil-livell internazzjonali u fil-livell tal-Unjoni li ma tistax ma tqajjimx deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata l-inkompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal opinjoni meta s-suġġett tal-ftehim maħsub ikun magħruf, u dan anki jekk ikun għad hemm ċertu numru ta’ alternattivi li jkunu għadhom disponibbli u diverġenzi dwar it-tfassil tat-testi inkwistjoni, kemm-il darba d-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tasal għal ġudizzju suffiċjentement ċert dwar il-kwistjoni mqajma (Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar il-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

212

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mhux biss it-test tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, iżda wkoll it-talba għal opinjoni li tagħti indikazzjonijiet suffiċjenti kemm dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adeżjoni ma’ din il-konvenzjoni sal-mument tat-tressiq ta’ din it-talba u kemm dwar il-pożizzjonijiet tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tali adeżjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tasal għal ġudizzju suffiċjentement ċert dwar il-ftehim maħsub li fid-dawl tiegħu għandha tiġi identifikata l-bażi legali xierqa għall-konklużjoni tiegħu mill-Unjoni.

213

Mill-bqija, ma tistax tintlaqa’ l-allegazzjoni tal-Kunsill, tal-Irlanda u tal-Ungerija li l-Parlament, permezz tat-talba għal opinjoni tiegħu, qiegħed idaħħal inkwistjoni l-għażla tal-bażi legali tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, u qiegħed b’hekk jevita t-termini mogħtija għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, il-parti (a) tal-ewwel domanda ma ssemmix dawn id-deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 201 ta’ din l-opinjoni, l-assenza ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni dwar l-iffirmar ta’ ftehim ma tistax tostakola l-ammissibbiltà ta’ talba għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmi ftehim mat-Trattati.

214

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-parti (a) tal-ewwel domanda hija ammissibbli.

215

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-parti (b) tal-ewwel domanda, għandu jiġi osservat qabel kollox li, sa fejn tikkonċerna l-qsim f’żewġ deċiżjonijiet tal-att dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, din id-domanda tikkonċerna l-proċedura ta’ konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni u, għaldaqstant, il-kompatibbiltà formali mat-Trattati ta’ adeżjoni min-naħa tal-Unjoni magħha. Konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 197 ta’ din l-opinjoni, tali domanda hija ammissibbli sa fejn tissodisfa l-għan tal-proċedura ta’ opinjoni.

216

Għall-kuntrarju, il-parti (b) tal-ewwel domanda ma hijiex ammissibbli sa fejn tikkonċerna l-qsim tal-att dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni f’żewġ deċiżjonijiet.

217

Fil-fatt, huwa paċifiku li l-iffirmar mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li ġie awtorizzat mid-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, twettaq fit-13 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri iktar minn sentejn qabel tressqet din it-talba għal opinjoni u, għaldaqstant, ilu jipproduċi l-effetti tiegħu sa minn dik id-data.

218

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li att dwar l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali jista’, bħala tali, ikun is-suġġett ta’ talba għal opinjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-għan ta’ prevenzjoni mfittex mill-Artikolu 218(11) TFUE ma jkunx għadu jista’ jintlaħaq fir-rigward ta’ tali att jekk ikun biss wara l-adozzjoni tiegħu li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mat-Trattati titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 3/94 (Ftehim qafas dwar il-banana), tat-13 ta’ Diċembru 1995, EU:C:1995:436, punt 19).

219

F’dan il-kuntest, l-Irlanda, l-Ungerija u l-Kunsill josservaw, ġustament, li l-Parlament kien imissu kkontesta d-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar permezz ta’ rikors għal annullament u li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ informazzjoni tal-Parlament previst fl-Artikolu 218(10) TFUE hija intiża b’mod partikolari li din l-istituzzjoni titqiegħed f’pożizzjoni li teżerċita fil-ħin il-kontroll tagħha fuq l-azzjoni tal-Kunsill.

220

Għaldaqstant, il-parti (b) tal-ewwel domanda hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna l-att dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

221

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda, dwar il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri qabel il-konklużjoni ta’ ftehim imħallat, għandha titwarrab qabel kollox l-oġġezzjoni tar-Repubblika Ellenika fis-sens li l-Parlament ma identifikax b’mod suffiċjenti aġir tal-Kunsill li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, din id-domanda ma hijiex intiża li jiġi identifikat tali aġir, iżda tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul hijiex kompatibbli mat-Trattati, u b’mod partikolari mal-Artikolu 218 TFUE, fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri kollha li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom.

222

Minn dan jirriżulta wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija u l-Kunsill, l-imsemmija domanda la tikkonċerna r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, imsemmija fil-punt 82 ta’ din l-opinjoni, il-kalendarju tal-Kunsill jew il-proċeduri interni tiegħu, la tikkonċerna d-dritt internazzjonali pubbliku u lanqas id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri, iżda tikkonċerna effettivament ir-rekwiżiti proċedurali li joħorġu mit-Trattati u b’mod partikolari mill-Artikolu 218 TFUE fir-rigward tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

223

Issa, kif osservat ir-Repubblika tal-Finlandja, li kieku l-istennija ta’ tali “qbil komuni” kienet meħtieġa mit-Trattati, il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li sseħħ qabel jintlaħaq tali qbil, tkun tista’ tiġi invalidata, b’tali mod li jinħolqu d-diffikultajiet li l-proċedura ta’ opinjoni hija preċiżament intiża li tevita, kif tfakkar fil-punt 193 ta’ din l-opinjoni.

224

Minn dan jirriżulta wkoll li t-tieni domanda ma hijiex intiża li tikkonstata, kif jippermetti r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni previst fl-Artikolu 265 TFUE, li l-Kunsill naqas milli jieħu deċiżjoni bi ksur tat-Trattati u li r-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u l-Kunsill ma jistgħux għalhekk isostnu b’mod utli li t-tieni domanda timplika użu ħażin tal-proċedura ta’ opinjoni.

225

Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-oġġezzjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-argument li, ladarba jiġi stabbilit il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri kollha li jkunu marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni ser issir b’osservanza stretta tar-rekwiżiti proċedurali tat-Trattati. Tali affermazzjoni ma hijiex, fil-fatt, ta’ natura li ssolvi l-kwistjoni ta’ jekk il-prassi ta’ “qbil komuni” hijiex konformi mal-proċeduri espressament previsti fit-Trattati u għalhekk ma tistax tostakola l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda.

226

Fl-aħħar nett, sa fejn l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija u l-Kunsill isostnu li t-tieni domanda hija prematura u ipotetika, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 211 ta’ din l-opinjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’talba għal opinjoni meta s-suġġett tal-ftehim maħsub ikun magħruf, anki jekk ikun għad hemm ċertu numru ta’ alternattivi li jkunu għadhom miftuħa u diverġenzi dwar il-formulazzjoni tat-testi inkwistjoni, kemm-il darba d-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tasal għal ġudizzju suffiċjentement ċert dwar il-kwistjoni mqajma.

227

Issa, peress li s-suġġett tal-ftehim maħsub huwa magħruf, peress li l-eżistenza tal-prassi ta’ “qbil komuni” ma hija nnegata la mill-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw f’din il-proċedura u lanqas mill-Kunsill u peress li dan tal-aħħar jenfasizza li huwa jipprevedi l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni biss ladarba dan il-“qbil komuni” jiġi stabbilit, it-tieni domanda ma tistax titqies li hija inammissibbli minħabba n-natura allegatament prematura jew ipotetika tagħha.

228

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal opinjoni hija ammissibbli, bl-eċċezzjoni tal-parti (b) tal-ewwel domanda sa fejn jirrigwarda l-iffirmar mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

B.   Fuq il-prassi ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri

229

Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-Parlament qiegħed essenzjalment jistaqsi jekk it-Trattati jippermettux jew jobbligawx lill-Kunsill jistenna, qabel ma jikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni, il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom.

230

Għandu jitfakkar li t-Trattati fundaturi tal-Unjoni, b’differenza mit-trattati internazzjonali ordinarji, stabbilixxew ordinament ġuridiku ġdid li għandu istituzzjonijiet proprji tiegħu, li għall-benefiċċju tiegħu l-Istati li huma membri tiegħu llimitaw, f’oqsma dejjem iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li għalih huma suġġetti mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar il-privattivi, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 65; l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 157; u s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 39).

231

Barra minn hekk, l-Istati Membri, minħabba s-sħubija tagħhom fl-Unjoni, aċċettaw li r-relazzjonijiet bejniethom, fir-rigward tal-oqsma li huma s-suġġett tat-trasferiment ta’ kompetenzi mill-Istati Membri lill-Unjoni, ikunu rregolati mid-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni, jekk din tkun meħtieġa minn dan id-dritt, ta’ kull dritt ieħor (Opinjoni 2/13, (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 193, u sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 40).

232

Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-formazzjoni tar-rieda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma stabbiliti fit-Trattati u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess (sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

233

Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u dan konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom.

234

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni għandha l-kompetenza tikkonkludi fl-oqsma ta’ azzjoni tagħha, l-Artikolu 218 TFUE jipprevedi, sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ konsistenza u ta’ razzjonalizzazzjoni, proċedura unifikata ta’ portata ġenerali li tikkonċerna, b’mod partikolari, in-negozjati u l-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, sakemm it-Trattati ma jipprevedux proċeduri speċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

235

Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din il-proċedura, preċiżament minħabba n-natura ġenerali tagħha, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi previsti fit-Trattati għal kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet, u li din il-proċedura hija intiża li tirrifletti, mill-perspettiva esterna, it-tqassim tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet applikabbli mill-perspettiva interna, b’mod partikolari billi tistabbilixxi simetrija bejn il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni fil-livell intern u l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali bil-għan li jiġi ggarantit li, b’rabta ma’ qasam speċifiku, il-Parlament u l-Kunsill ikollhom l-istess setgħat, b’osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst fit-Trattati (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

236

Huwa għalhekk li l-Artikolu 218(1) TFUE jeżiġi li l-ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri ladarba jiġu konklużi, għandhom jiġu nnegozjati u konklużi skont il-proċedura prevista fil-paragrafi rilevanti tal-Artikolu 218 TFUE.

237

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 218(2) u (6) TFUE, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet għandha tiġi adottata mill-Kunsill, jekk ikun il-każ wara l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament. Issa, ebda kompetenza ma hija rrikonoxxuta lill-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

238

Barra minn hekk, mill-Artikolu 218(8) TFUE jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, il-Kunsill għandu jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata fil-każ li tali deċiżjoni ma tkun taqa’ taħt ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jeżiġi vot unanimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja), C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

239

F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet f’din il-proċedura, l-ewwel nett, li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija, jekk ikun il-każ, mistennija li ssir ftehim imħallat, konkluż bħala tali mill-Unjoni u mill-Istati Membri, sussegwentement, li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni ta’ din il-konvenzjoni tista’ tiġi adottata biss wara l-approvazzjoni tal-Parlament u, fl-aħħar nett, li huwa konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, billi jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, li l-Kunsill ser ikollu, jekk ikun il-każ, jipproċedi għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, u dan sa fejn tali deċiżjoni ma taqa’ taħt ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jeżiġi vot unanimu.

240

Fil-kuntest ta’ ftehim imħallat konkluż ma’ pajjiżi terzi, l-Unjoni u l-Istati Membri jkunu Partijiet. Matul in-negozjati u l-konklużjoni ta’ tali ftehim, kull waħda minn dawn il-Partijiet għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi li hija għandha u b’osservanza tal-kompetenzi ta’ kull Parti kontraenti oħra (sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 47).

241

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, meta jkun jidher li s-suġġett ta’ ftehim jaqa’, parzjalment, taħt il-kompetenza tal-Unjoni u, parzjalment, taħt dik tal-Istati Membri, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjoni, kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-impenji meħuda (sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

242

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma jistax jiġġustifika li l-Kunsill ma josservax ir-regoli proċedurali u l-modalitajiet ta’ votazzjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE (sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 55).

243

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l-okkażjoni tippreċiża li żewġ atti differenti, li wieħed minnhom jimplika kunsens tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, u għalhekk il-qbil unanimu tagħhom, filwaqt li l-ieħor għandu jiġi adottat konformement mal-Artikolu 218(8) TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’isem l-Unjoni, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, ma jistgħux jinġabru f’deċiżjoni waħda u lanqas ma jistgħu jiġu adottati fil-kuntest ta’ proċedura waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 52).

244

F’dan il-każ, huwa ċertament paċifiku li l-prassi ta’ “qbil komuni” ma twassalx sabiex żewġ atti differenti, fejn wieħed ikun il-frott tal-kunsens tal-Istati Membri filwaqt li l-ieħor ikun adottat mill-Unjoni, jinġabru flimkien f’deċiżjoni unika ta’ natura ibrida, bħal dik li kienet ġiet annullata fis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti.

245

Madankollu, sa fejn din il-prassi timplika li l-konstatazzjoni tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta bi ftehim imħallat fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom titqies, fil-fehma tal-Kunsill, bħala prerekwiżit neċessarju għal kull ftuħ tal-proċedura ta’ konklużjoni prevista fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, hija twassal sabiex ma’ din il-proċedura jiżdied stadju li ma huwiex previst fit-Trattati u li jmur kontra, għaldaqstant, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 232 ta’ din l-opinjoni kif ukoll il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 237 u 243 tagħha.

246

B’mod iktar partikolari, kif isostnu ġustament ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament u l-Kummissjoni, sa fejn l-imsemmija prassi tissuġġetta l-ftuħ ta’ din il-proċedura għal kunsens tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, u għalhekk għall-qbil unanimu tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE jipprevedi l-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali bħala att awtonomu tal-Unjoni li għandu jiġi adottat b’maġġoranza kkwalifikata mill-Kunsill, jekk ikun il-każ wara l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament, din il-prassi tistabbilixxi proċess deċiżjonali ibridu li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet u li jmur kontra l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282).

247

Fil-fatt, li kieku l-prassi ta’ “qbil komuni” kellu jkollha portata bħal dik esposta fil-punt 245 ta’ din l-opinjoni, il-possibbiltà stess għall-Unjoni li tikkonkludi ftehim imħallat tkun tiddependi kompletament mir-rieda ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li jkun marbut b’tali ftehim fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom u, għaldaqstant, tal-għażliet li l-Istati Membri jwettqu b’mod sovran f’dawn l-oqsma.

248

Issa, konformement mal-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, meta l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tiġi proposta lill-Kunsill, huwa biss il-Kunsill li għandu jiddeċiedi, billi jieħu deċiżjoni, bħala prinċipju, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata u, jekk ikun il-każ, wara l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament, dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward ġie deċiż li l-Kunsill jista’, f’din l-okkażjoni, jiddeċiedi li l-Unjoni għandha teżerċita waħedha l-kompetenza esterna li hija tikkondividi mal-Istati Membri fil-qasam ta’ azzjoni kkonċernat, kemm-il darba jkollu fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa sabiex jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 68).

249

Minn dan isegwi li t-Trattati mhux biss ma jobbligawx lill-Kunsill jistenna, qabel ma jikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni, il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, iżda jipprojbixxuh milli jissuġġetta l-ftuħ tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni, prevista fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ tali “qbil komuni”.

250

B’dan premess, il-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali tiddependi mill-possibbiltà għall-Kunsill li jiġbor fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa.

251

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 200 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-Trattati ma jistabbilixxu ebda terminu li fih il-Kunsill huwa obbligat li jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehim.

252

Minn dan isegwi li, fil-limiti tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE u bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Parlament, meta din tkun meħtieġa, kemm id-deċiżjoni jekk jittieħdux passi jew le fir-rigward tal-proposta li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, u jekk ikun il-każ sa fejn, kif ukoll l-għażla tal-mument xieraq sabiex tiġi adottata tali deċiżjoni, jaqgħu fil-marġni ta’ diskrezzjoni politika tal-Kunsill.

253

Minn dan jirriżulta li, sakemm jaġixxi konformement mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u sakemm jiġi ggarantit l-effett utli tal-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Kunsill milli jtawwal id-dibattiti fi ħdanu bil-għan li jilħaq, b’mod partikolari, l-ikbar maġġoranza possibbli għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, il-maġġoranza meħtieġa għal eżerċizzju usa’ tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni jew inkella, fil-każ ta’ ftehimiet imħallta, kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-proċess tal-konklużjoni, li tista’ timplika l-istennija tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri.

254

Fil-fatt, tali kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni waqt il-proċess ta’ konklużjoni ta’ ftehim imħallat, bħall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li hija meħtieġa mill-prinċipju mfakkar fil-punti 241 u 242 ta’ din l-opinjoni, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni u dawk li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri jkunu marbuta b’mod inseparabbli, tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif osserva l-Kunsill, jekk ikun il-każ permezz ta’ dibattitu mtawwal, kunsiderazzjonijiet istituzzjonali u politiċi li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni ta’ leġittimità kif ukoll l-effettività tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

255

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 218(8) TFUE, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni politika għandu bħala prinċipju jiġi eżerċitat permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, b’tali mod li tali maġġoranza fi ħdan il-Kunsill tkun tista’, f’kull mument u skont ir-regoli previsti fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, fosthom b’mod partikolari dawk li jagħtu lil kull Stat Membru u lill-Kummissjoni d-dritt li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ votazzjoni u li jirregolaw it-trasparenza ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, timponi l-għeluq tad-dibattiti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali. Huwa għalhekk każ b’każ u pass pass mal-iżvilupp tad-dibattiti fi ħdan il-Kunsill li din l-istituzzjoni għandha teżerċita l-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE.

256

Dawn il-konstatazzjonijiet, u b’mod partikolari dik fis-sens li l-Kunsill ma jistax, bi ksur tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali prevista fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, jissuġġetta l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, ma humiex invalidati mill-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Irlanda, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Ungerija, tar-Repubblika Slovakka u tal-Kunsill ibbażati fuq l-inkompatibbiltà, fl-assenza ta’ tali “qbil komuni”, tal-konklużjoni mill-Unjoni ta’ din il-konvenzjoni mal-prinċipji ta’ kompetenzi attribwiti, ta’ kooperazzjoni legali, ta’ ċertezza legali, ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, ta’ awtonomija tal-Unjoni kif ukoll mal-osservanza mill-Unjoni tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, u lanqas ma huma invalidati mill-argumenti ta’ dawn l-Istati Membri u tal-Kunsill ibbażati fuq ir-riskju li tiġi stabbilita r-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni fil-każ li din tikkonkludi l-imsemmija konvenzjoni fl-assenza tal-adeżjoni tal-Istati Membri kollha ma’ din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom.

257

Fl-ewwel lok, dawn l-Istati Membri u l-Kunsill ma jistgħux isostnu b’mod utli li, fl-assenza ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul minn naħa ta’ Stat Membru wieħed jew iktar fl-oqsma tagħha li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, adeżjoni min-naħa tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni tirfes fuq il-kompetenzi tal-imsemmija Stati Membri u tikser, għalhekk, il-prinċipji ta’ kompetenzi attribwiti, ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali u ta’ unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

258

Fil-fatt, fil-punt 240 ta’ din l-opinjoni tfakkar li, b’mod partikolari, fil-kuntest tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehim imħallat, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi li għandhom u b’osservanza tal-kompetenzi ta’ kull Parti kontraenti oħra.

259

Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni ta’ ftehim imħallat mill-Unjoni u mill-Istati Membri bl-ebda mod ma timplika li l-Istati Membri jeżerċitaw, f’din l-okkażjoni, kompetenzi tal-Unjoni u lanqas li din tal-aħħar teżerċita kompetenzi ta’ dawn l-Istati, iżda timplika li kull waħda minn dawn il-Partijiet taġixxi esklużivament fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, bla ħsara għall-possibbiltà tal-Kunsill, imfakkra fil-punt 248 ta’ din l-opinjoni, li jiddeċiedi li l-Unjoni jkollha teżerċita biss kompetenza li hija tikkondividi mal-Istati Membri fil-qasam ta’ azzjoni kkonċernat, kemm-il darba tintlaħaq fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa għal dan il-għan.

260

Dan japplika wkoll meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jikkonkludux ftehim imħallat li l-Unjoni, min-naħa tagħha, tiddeċiedi li tikkonkludi abbażi biss tal-kompetenzi attribwiti lilha.

261

Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif sostnew ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 217 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura limitata tal-kompetenzi tal-Unjoni hija magħrufa mill-Kunsill tal-Ewropa, b’tali mod li ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li l-Artikolu 75 ta’ din il-konvenzjoni, meta jippreċiża li din hija miftuħa għall-iffirmar, b’mod partikolari u speċifikament, mill-“Unjoni Ewropea”, jipprevedi adeżjoni mill-Unjoni li tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

262

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tosserva li, permezz tal-għażla tal-bażijiet legali li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-Unjoni tagħti wkoll indikazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Partijiet l-oħra f’tali ftehim fir-rigward, l-ewwel nett, tal-portata legali ta’ din id-deċiżjoni, sussegwentement, tal-portata tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan il-ftehim u, fl-aħħar nett, tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tqassim dan li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 55; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49; u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (CMR-15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 58).

263

Barra minn hekk, kif osservaw, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament u l-Kummissjoni, ma jidhirx li huwa eskluż li l-Kunsill u l-Parlament jistgħu jagħżlu li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar il-kompetenzi tal-Unjoni fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġu speċifikati f’iktar dettall, bħala indikazzjoni, il-limiti tal-kompetenzi tagħha.

264

Għaldaqstant, bl-ebda mod ma huwa stabbilit, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom ser tkun ta’ natura li tirfes fuq dawn il-kompetenzi tal-aħħar.

265

Fit-tieni lok, dan japplika wkoll fir-rigward tal-argument, b’mod partikolari tar-Repubblika tal-Bulgarija, tal-Ungerija u tar-Repubblika Slovakka, li tali adeżjoni min-naħa tal-Unjoni ser timplika ksur minn din tal-aħħar tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħha u tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, li tiġi osservata l-identità nazzjonali tal-Istati Membri li hija inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, sa fejn din l-adeżjoni tista’ timplika li dawn l-Istati Membri ser ikollhom, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, jimplimentaw miżuri kuntrarji għall-Kostituzzjoni tagħhom.

266

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, dawn l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni jikkontestaw il-kompatibbiltà ta’ konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mal-obbligi tal-Unjoni mfakkra fil-punt preċedenti. Issa, eventwali inkompatibbiltà ta’ tali konklużjoni mal-imsemmija obbligi tista’ tiġi kkonstatata biss wara eżami preċiż tal-obbligi li jekk ikun il-każ jiġu assunti mill-Unjoni b’konsegwenza tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kwistjoni din li ma tissemmiex f’din it-talba għal opinjoni u li għalhekk ma hijiex koperta minn din il-proċedura.

267

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża u l-Kunsill isostnu li l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom ma hijiex kompatibbli mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni peress li din il-konklużjoni timplika li tiġi esternalizzata, b’mod partikolari fi ħdan il-Grevio, kwistjoni interna għall-Unjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejnha u l-Istati Membri tagħha.

268

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jista’ ma jkunx kompatibbli mat-Trattati li qorti internazzjonali tingħata l-kompitu li tevalwa r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-kriterji ta’ imputazzjoni tal-atti jew tal-ommissjonijiet tagħhom, sabiex tiġi adottata deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward li tkun torbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 224231234). Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din il-konstatazzjoni speċifikament fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn qorti internazzjonali u li jkollhom natura definittiva u vinkolanti fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u fil-kuntest ta’ eżami ddettaljat dwar il-kompatibbiltà materjali tal-ftehim maħsub mat-Trattati, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri kollha tagħha kienu ser ikunu marbuta bil-ftehim inkwistjoni.

269

Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk, kif isostnu r-Repubblika Franċiża u l-Kunsill, tali konstatazzjoni tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni li fiha, minn naħa, l-Unjoni, iżda mhux wieħed mill-Istati Membri tagħha, tkun marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul u, min-naħa l-oħra, jintervjeni organu bħall-Grevio, li għandu l-kompetenzi esposti fil-punt 35 ta’ din l-opinjoni, teħtieġ eżami preċiż tal-kompatibbiltà materjali tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mat-Trattati, kwistjoni din li ma tissemmiex f’din it-talba għal opinjoni u li għalhekk ma hijiex koperta minn din il-proċedura

270

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u l-Kunsill iqisu li l-eżekuzzjoni sħiħa tal-impenji internazzjonali li ser tieħu l-Unjoni permezz tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija possibbli biss, fid-dritt u fil-fatt, jekk l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dawn l-impenji u minn dan jiddeduċu li, fl-assenza tal-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri, l-Unjoni ma hijiex ser tkun f’pożizzjoni li tiżgura l-eżekuzzjoni tajba tal-impenji tagħha li jikkonċernaw din il-konvenzjoni kollha, b’tali mod li l-Unjoni ser tesponi ruħha għal kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà internazzjonali tagħha minħabba azzjoni jew ommissjoni li fir-rigward tagħhom ma għandha ebda kompetenza.

271

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, tali eżerċizzju għandu jsir b’osservanza tad-dritt internazzjonali (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB tal-Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

272

Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 218(11) TFUE jirriżulta li l-proċedura ta’ opinjoni tirrigwarda l-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tikkonkludi. Minn dan isegwi li din il-proċedura la tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt internazzjonali pubbliku tal-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali u lanqas ma tirrigwarda, għaldaqstant, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn eventwali ksur futur ta’ dan id-dritt waqt l-implimentazzjoni ta’ tali ftehim. B’mod partikolari, l-eventwali stabbiliment tar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, minħabba li l-Unjoni tonqos milli tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tajba tal-impenji tagħha, ma jistax, bħala tali, idaħħal inkwistjoni l-validità tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill ikun ikkonkluda din il-konvenzjoni f’isem l-Unjoni.

273

Barra minn hekk, fil-punti 258 u 264 ta’ din l-opinjoni ġie osservat li ma huwiex stabbilit li l-Unjoni ser timpenja ruħha, permezz tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-assenza ta’ “qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, b’mod li jmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha stess.

274

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, bla ħsara għall-osservanza sħiħa, f’kull mument, tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, it-Trattati ma jipprekludux lill-Kunsill, li jkun qiegħed jaġixxi b’mod konformi mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, milli jistenna, qabel ma jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma tagħha li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Għall-kuntrarju, it-Trattati jipprekludu lill-Kunsill milli jżid stadju addizzjonali mal-proċedura ta’ konklużjoni prevista f’dan l-artikolu billi jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ tali “qbil komuni”.

C.   Fuq il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

275

Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tiegħu, il-Parlament qiegħed essenzjalment jistaqsi jekk il-bażijiet legali xierqa għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul humiex l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 84 TFUE jew jekk dan l-att għandux ikun ibbażat fuq l-Artikolu 78(2) TFUE, l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 83(1) TFUE.

276

Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet fil-proċedura fil-kuntest tal-parti (a) tal-ewwel domanda, għandhom jiġu ppreċiżati, qabel kollox, l-għan u l-portata tal-eżami li għandu jitwettaq sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

277

Kif ġie rrilevat fil-punti 234 sa 239 ta’ din l-opinjoni, skont l-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha tiġi adottata mill-Kunsill permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament.

278

Għaldaqstant, fil-limiti tad-domandi magħmula f’din it-talba għal opinjoni, huma l-ewwel u qabel kollox il-Kunsill u l-Parlament li għandhom jippreċiżaw lill-Qorti tal-Ġustizzja l-perimetru tal-“ftehim maħsub”, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-bażi legali li fuqha, jekk ikun il-każ, għandu jkun ibbażat l-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim f’isem l-Unjoni.

279

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li la l-Kunsill u lanqas il-Parlament ma jipprevedu adeżjoni tal-Unjoni mal-partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ma jaqgħux taħt il-kompetenzi tal-Unjoni.

280

Sussegwentement, għalkemm il-Kunsill indika li xtaq jillimita l-adeżjoni tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni għal dawk l-oqsma tagħha li fir-rigward tagħhom l-Unjoni għandha kompetenzi esterni esklużivi u li d-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar kienu jirriflettu l-bażijiet legali li huwa kien identifika f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni ma tippreżentax tali limitazzjoni peress li f’din il-parti l-Parlament jipprevedi konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni abbażi tal-bażijiet legali msemmija f’din id-domanda, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni għandhiex jew le kompetenza esklużiva f’dan ir-rigward, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE.

281

Fl-aħħar nett, sa fejn il-Parlament u l-Kummissjoni jinvokaw l-ipoteżi ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward tal-partijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni, il-Kunsill sostna li l-maġġoranza meħtieġa fi ħdanu għal tali adeżjoni ma setgħetx tintlaħaq. Minn dan isegwi li tali adeżjoni hija, f’dan l-istadju, ta’ natura ipotetika u għalhekk ma tistax isservi bħala riferiment sabiex jiġi ddefinit il-“ftehim maħsub” li fid-dawl tiegħu għandha tingħata risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni.

282

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni billi titlaq mill-premessa li l-perimetru tal-“ftehim maħsub”, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, huwa ddefinit mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda u mill-kontenut tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar.

283

Sa fejn il-Kummissjoni u diversi Stati Membri jsostnu li tali ftehim maħsub, li jimplika adeżjoni parzjali tal-Unjoni, li tkun limitata għal uħud mill-kompetenzi tagħha biss, mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ser imur kontra l-għanijiet u t-termini stess ta’ din il-konvenzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 78 tagħha, fil-punt 272 ta’ din l-opinjoni tfakkar li l-proċedura ta’ opinjoni tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ ftehim maħsub mat-Trattati u mhux il-kompatibbiltà ta’ tali ftehim mad-dritt internazzjonali pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi ftehim dwar l-adeżjoni miegħu.

284

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, liema elementi jinkludu l-kuntest, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 76; sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36; kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB tal-Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 76).

285

Jekk minn eżami ta’ att tal-Unjoni jirriżulta li dan l-att ifittex żewġ għanijiet jew li dan l-att ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali, filwaqt li l-ieħor ikun biss anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk, għall-kuntrarju, jiġi stabbilit li l-att, simultanjament, ifittex diversi għanijiet jew għandu diversi komponenti li jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor, b’tali mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 77, u sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 37).

286

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ftehim internazzjonali li jfittex diversi għanijiet jew li jkollu diversi komponenti, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li jfittxu għan jew li jikkostitwixxu komponent ta’ dan il-ftehim humiex l-element meħtieġ għan-natura effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim li jfittxu għanijiet oħra jew li jikkostitwixxu komponenti oħra, jew jekk għandhomx “portata estremament limitata” (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw il-listi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS), tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 166). Fil-fatt, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-eżistenza ta’ dan l-għan jew ta’ dan il-komponent ma tiġġustifikax li din l-eżistenza tkun riflessa speċifikament fil-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni dwar l-iffirmar jew dwar il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim f’isem l-Unjoni.

287

Barra minn hekk, fost il-kriterji li jippermettu li tiġi identifikata n-natura anċillari jew le ta’ għan jew ta’ komponent ta’ att hemm in-numru ta’ dispożizzjonijiet li jkunu ddedikati għal dan l-għan jew għal dan il-komponent meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-att kif ukoll il-kontenut u l-portata tal-obbligi stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 56, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punti 4445).

288

Madankollu, l-użu ta’ żewġ bażijiet legali jiġi eskluż meta l-proċeduri previsti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-bażijiet legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 78).

289

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntest tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, kif identifikat fil-punt 282 ta’ din l-opinjoni, mill-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar jirriżulta li l-Unjoni, bl-istatus ta’ osservatur, ipparteċipat, flimkien mal-Istati Membri, fin-negozjati tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li din tal-aħħar hija, skont l-Artikolu 75 tagħha, miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni u li toħloq qafas legali komplet u b’diversi dimensjonijiet għall-protezzjoni tan-nisa kontra l-forom kollha ta’ vjolenza. F’dan ir-rigward, fl-imsemmija premessi huwa ppreċiżat li din il-konvenzjoni:

għandha l-għan li jiġu evitati, ikunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni u jiġu eliminati l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika;

tirregola firxa wiesgħa ta’ miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni sal-miżuri legali li jistabbilixxu bħala reati diversi forom ta’ vjolenza kontra n-nisa;

tinkludi, b’mod partikolari, miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi u l-provvista ta’ servizzi ta’ sostenn;

tindirizza d-dimensjoni sessista tal-vjolenza fil-qasam tal-ażil u tal-migrazzjoni, u

tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

290

Din l-analiżi hija kkorroborata mill-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif imqassar fil-punti 15 sa 40 ta’ din l-opinjoni.

291

Fir-rigward tal-għan tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, il-premessi 4 tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar jindikaw li l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul:

ser jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, liema ugwaljanza hija valur essenzjali u għan fundamentali tal-Unjoni li din tal-aħħar għandha tilħaq fl-attivitajiet kollha tagħha konformement mal-Artikoli 2 u 3 TUE, mal-Artikolu 8 TFUE u mal-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u

ser tippermetti lill-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha favur il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ser tippermettilha ssaħħaħ l-azzjoni politika attwali tagħha kif ukoll il-qafas ġuridiku sostanzjali eżistenti fil-qasam tad-dritt proċedurali kriminali, li huwa ta’ importanza partikolari għan-nisa u għall-bniet.

292

Issa, mill-premessi 6 u 7 ta’ dawn id-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar jirriżulta li l-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub ser ikun intiż li jilħaq dawn l-għanijiet transversali biss f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li, fl-istess ħin, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u huma relatati, qabelxejn, mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, sussegwentement, mal-ażil u man-non-refoulement u, fl-aħħar nett, mal-istituzzjonijiet u mal-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Għalkemm l-Artikoli 1 tal-imsemmija deċiżjonijiet dwar l-iffirmar ma jsemmux din l-aħħar parti dwar l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, il-Kunsill madankollu ppreċiża, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għadu previst li l-att dwar il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni ser jirrigwarda l-imsemmija parti.

293

Dan l-għan limitat tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub huwa kkorroborat mill-bażi legali sostantiva msemmija kemm fid-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, jiġifieri l-Artikolu 78(2) TFUE, l-Artikolu 82(2) TFUE u l-Artikolu 83(1) TFUE, kif ukoll fil-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni, li ssemmi dawn l-istess dispożizzjonijiet kif ukoll l-Artikolu 84 TFUE.

294

Għaldaqstant, bħala premessa għar-raġunament b’risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni għandu jitqies li l-kontenut tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub ser jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li għandhom rabta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mal-ażil u man-non-refoulement u mal-obbligi li għandhom l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub”).

295

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikoli 44, 47 u 48 li jinsabu fil-Kapitolu V, l-Artikoli 49, 50 u 54 sa 58 li jinsabu fil-Kapitolu VI u l-Artikoli 62 sa 65 li jinsabu fil-Kapitolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sunt ta’ dawn il-kapitoli li jinsab fil-punti 25 sa 29, 33 u 34 ta’ din l-opinjoni, jikkonċernaw il-kompetenza territorjali fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali tar-reati msemmija f’dan il-konvenzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundanni mogħtija fit-territorju ta’ Parti oħra għall-imsemmija konvenzjoni, il-projbizzjoni ta’ modi alternattivi għas-soluzzjoni ta’ kunflitti, in-neċessità ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ proċeduri ġudizzjarji effettivi, rapidi, jekk ikun il-każ ex officio u ex parte, li jieħdu dejjem inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-vittma, il-protezzjoni, l-informazzjoni, l-assistenza u l-għajnuna legali adegwati tal-vittmi, il-provi ammissibbli, id-dritt għal smigħ tal-vittma u l-protezzjoni tax-xhieda, il-preskrizzjoni tar-reati, il-kooperazzjoni fil-qasam kriminali għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-ġlieda u tal-prosekuzzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza, tal-protezzjoni u tal-assistenza tal-vittmi, tat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri li jikkonċernaw ir-reati u tal-applikazzjoni tas-sentenzi kriminali, il-possibbiltà għall-vittmi ta’ reat imwettaq fit-territorju ta’ Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul li jressqu lment quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ residenza tagħhom, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-estradizzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tgħin fil-prevenzjoni tar-reati jew fil-ftuħ jew fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet kif ukoll ta’ informazzjoni fis-sens li persuna tinsab fir-riskju li tkun suġġetta b’mod immedjat għal atti ta’ vjolenza u l-osservanza tal-protezzjoni ta’ data personali.

296

Kif iqisu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif ukoll diversi Stati Membri partijiet f’din il-proċedura, dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu fil-parti l-kbira tagħhom taħt il-kompetenza tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 82(2) TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni, sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali, tista’ tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-ammissibbiltà tal-provi bejn l-Istati Membri, id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali u d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Fid-dawl tan-numru u tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu għalhekk jitqies li l-Artikolu 82(2) TFUE għandu jkun fost il-bażijiet legali tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

297

It-tieni, l-Artikoli 7, 8, 10 u 11 li jinsabu fil-Kapitolu II, l-Artikoli 12 sa 16 li jinsabu fil-Kapitolu III, l-Artikoli 18 sa 28 li jinsabu fil-Kapitolu IV, l-Artikoli 51 sa 53 li jinsabu fil-Kapitolu VI u l-Artikoli 62 u 63 li jinsabu fil-Kapitolu VIII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jobbligaw lill-Partijiet f’din il-konvenzjoni, b’mod partikolari, jimplimentaw politiki nazzjonali effettivi, globali u kkoordinati għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza, jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati, jidentifikaw korpi uffiċjali responsabbli għall-koordinazzjoni, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-politiki, jiġbru data fil-forma ta’ statistika, isostnu r-riċerka fuq il-kawżi sottostanti tal-vjolenza u l-effetti tagħhom, il-frekwenza tagħhom u r-rati ta’ kundanna, jippromwovu l-bidliet sabiex tiġi eliminata kull prassi bbażata fuq l-idea ta’ inferjorità tal-mara jew fuq stereotip tar-rwol tan-nisa u tal-irġiel, jipprevjenu l-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-imsemmija konvenzjoni, iqiegħdu fiċ-ċentru tal-miżuri tagħhom il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli u tal-vittmi, jiżguraw li l-kultura, id-drawwiet, ir-reliġjon, it-tradizzjonijiet jew l-allegat “unur” ma jitqisux li jiġġustifikaw atti ta’ vjolenza, imexxu programmi ta’ sensibilizzazzjoni, jistabbilixxu programmi intiżi li jgħallmu lill-awturi ta’ vjolenza domestika jadottaw aġir mhux vjolenti, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-vittmi kollha kontra kull att ġdid ta’ vjolenza, inklużi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji Statali rilevanti kollha, informazzjoni adegwata u fil-ħin dwar is-servizzi ta’ sostenn u l-miżuri legali disponibbli, l-għajnuna legali u psikoloġika, l-assistenza finanzjarja, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ lmenti individwali/kollettivi, postijiet ta’ refuġju adegwati, faċilment aċċessibbli u f’numru suffiċjenti, linji tat-telefon ta’ emerġenza bla ħlas, ċentri ta’ għajnuna ta’ emerġenza għall-vittmi ta’ stupru u ta’ vjolenzi sesswali, konsulenti fil-psikoloġija soċjali skont l-età tal-minuri li jkunu xhieda ta’ vjolenza, jipprevedu l-miżuri meħtieġa sabiex ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità ma jkunux ostakolu għar-rapportar ta’ att gravi ta’ vjolenza mwettaq jew li jkun hemm il-biża’ li jitwettaq, jipprevedu miżuri operattivi preventivi, iwettqu evalwazzjoni tar-riskji għall-vittmi, jippermettu l-adozzjoni ta’ ordnijiet ta’ projbizzjoni jew ta’ inġunzjoni, jipprevedu protezzjoni, informazzjoni, assistenza u għajnuna legali adegwati għall-vittmi, jiżguraw kooperazzjoni f’materji kriminali għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-ġlieda u tal-prosekuzzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza, tal-protezzjoni u tal-assistenza tal-vittmi, tat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri dwar ir-reati u tal-applikazzjoni tas-sentenzi kriminali, jiżguraw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni li tista’ tgħin fil-prevenzjoni tar-reati jew fil-ftuħ jew fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet kif ukoll tal-informazzjoni li persuna tinsab fir-riskju li tkun suġġetta b’mod immedjat għal atti ta’ vjolenza.

298

Kif isostnu b’mod partikolari l-Parlament u l-Kummissjoni, fil-parti l-kbira tagħhom tali obbligi jaqgħu fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità li fir-rigward tiegħu l-Artikolu 84 TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza li tistabbilixxi miżuri sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri. Fid-dawl tan-numru u tal-portata tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti, li joħolqu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 158 tal-konklużjonijiet tiegħu, obbligi li għandhom, fil-parti l-kbira tagħhom, natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk miġbura fil-qosor fil-punt 295 ta’ din l-opinjoni, għandu jitqies li din il-parti tal-ftehim maħsub ma hijiex purament anċillari għal dawn l-aħħar obbligi u ma għandhiex portata “estremament limitata”. Minn dan isegwi li l-Artikolu 84 TFUE għandu wkoll ikun fost il-bażijiet legali tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

299

It-tielet, l-Artikoli 33 sa 43 li jinsabu fil-Kapitolu V tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-impenn tal-Partijiet kontraenti li jistabbilixxu bħala reati kriminali suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi t-twettiq, it-tentattiv, il-kompliċità u l-għajnuna għat-twettiq ta’ aġir li jikkostitwixxi ħsara għall-integrità psikoloġika ta’ persuna permezz tal-forza jew tat-theddid, ta’ theddid lejn persuna oħra, li jwassal lil din tal-aħħar tibża’ għas-sigurtà tagħha, ta’ atti ta’ vjolenza fiżika, ta’ atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens, tal-fatt li persuna adulta jew minuri jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ, taċ-ċirkunċiżjoni, tal-infibulazzjoni jew ta’ kull mutilazzjoni oħra tal-partijiet ġenitali ta’ mara, ta’ abort fuq mara mingħajr il-kunsens minn qabel tagħha, ta’ intervent kirurġiku mingħajr il-kunsens minn qabel tal-mara li jwassal sabiex ma tibqax kapaċi tirriproduċi b’mod naturali u ta’ kull forma ta’ aġir mhux mixtieq, verbali, mhux verbali jew fiżiku, ta’ natura sesswali, li jmur kontra d-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta joħloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

300

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83(1) TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza sabiex tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet, b’mod partikolari, fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u tal-isfruttament sesswali tan-nisa u tal-minuri.

301

Issa, kif sostniet b’mod partikolari l-Kummissjoni u kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 155 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sovrappożizzjoni bejn, minn naħa, l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif esposti fil-punt 299 ta’ din l-opinjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ azzjoni miftuħ għall-Unjoni mill-Artikolu 83(1) TFUE, tant hija speċifika li għandu jitqies li l-obbligi li jinsabu f’din il-parti tal-imsemmija konvenzjoni, li jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ azzjoni, għandhom portata “estremament limitata” għall-Unjoni u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun fost il-bażijiet legali tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

302

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ażil u tan-non-refoulement, imsemmija fil-Kapitolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, mis-sinteżi tal-Artikoli 59 sa 61 ta’ din il-konvenzjoni, magħmula fil-punti 30 sa 32 ta’ din l-opinjoni, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, obbligi relatati mal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu u li jiġġedded, mal-irkupru tal-istatus ta’ resident mitluf wara żwieġ imġiegħel, mal-waqfien ta’ proċeduri ta’ tkeċċija, mar-rikonoxximent ta’ protezzjoni sussidjarja, mal-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni sensittiva għall-ġeneru ta’ kull waħda mir-raġunijiet previsti fil-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150), għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, u mal-projbizzjoni ta’ refoulement f’ċerti ċirkustanzi.

303

Kif huwa paċifiku bejn il-parteċipanti f’din il-proċedura, tali obbligi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78(2) TFUE.

304

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 160 sa 162 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fiha biss tliet artikoli dwar l-oqsma msemmija fil-punt 302 ta’ din l-opinjoni, dawn jifformaw kapitolu distint ta’ din il-konvenzjoni u jipprevedu obbligi preċiżi u sostanzjali li jeħtieġu, jekk ikun il-każ, l-adattament tal-leġiżlazzjoni tal-Partijiet għall-imsemmija konvenzjoni f’dawn l-oqsma. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti ma tistax titqies li hija anċillari jew li għandha portata “estremament limitata”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 285 u 286 ta’ din l-opinjoni, b’tali mod li l-Artikolu 78(2) TFUE għandu jkun fost il-bażijiet legali tal-att dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim maħsub.

305

Fit-tielet lok, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li parti sinjifikattiva mill-obbligi dwar it-teħid ta’ miżuri preventivi, stabbiliti fl-Artikoli 7, 8, 10 u 11 li jinsabu fil-Kapitolu II, fl-Artikoli 12 sa 16 li jinsabu fil-Kapitolu III, fl-Artikoli 18 sa 28 li jinsabu fil-Kapitolu IV, fl-Artikoli 51 sa 53 li jinsabu fil-Kapitolu VI, u fl-Artikoli 62 u 63 li jinsabu fil-Kapitolu VIII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif miġbura fil-qosor fil-punt 297 ta’ din l-opinjoni, japplikaw, essenzjalment, għall-Unjoni anki fir-rigward tal-persunal tal-amministrazzjoni tagħha kif ukoll fir-rigward tal-pubbliku li jiffrekwenta l-uffiċċji u l-bini tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tagħha. Sussegwentement, dan japplika wkoll fir-rigward ta’ diversi obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 49, 50 u 56 li jinsabu fil-Kapitolu VI kif ukoll mill-Artikoli 63 sa 65 li jinsabu fil-Kapitolu VIII ta’ din il-konvenzjoni, kif miġbura fil-qosor fil-punt 295 ta’ din l-opinjoni. Fl-aħħar nett, jidher li obbligi addizzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 30 tal-imsemmija konvenzjoni, dwar il-ħlas ta’ kumpens xieraq lill-vittmi ta’ vjolenza, jistgħu jiġu imposti fuq l-Unjoni f’dak li jirrigwarda speċifikament l-amministrazzjoni pubblika tagħha.

306

Kif ġie, essenzjalment, previst mill-Kunsill fil-premessi 7 tad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, tali obbligi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 336 TFUE.

307

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 164 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-kuntrarju tal-oqsma koperti mill-Artikolu 82(2) TFUE u mill-Artikolu 84 TFUE, fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika tagħha, l-Unjoni ma għandhiex tillimita ruħha li tistabbilixxi rekwiżiti minimi jew miżuri ta’ sostenn, iżda għandha tiżgura hija stess li l-obbligi deskritti fil-punt 305 ta’ din l-opinjoni jkunu kompletament issodisfatti.

308

Minn dan isegwi li, fid-dawl tan-numru ta’ dispożizzjonijiet ikkonċernati u tal-portata tal-obbligi li l-Unjoni ser tassumi b’dan il-mod fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika tagħha u fid-dawl tan-numru limitat ta’ materji li jaqgħu taħt il-ftehim maħsub, dan il-komponent tal-ftehim maħsub ma huwiex ta’ natura purament anċillari u lanqas ma għandu portata “estremament limitata” u li l-Artikolu 336 TFUE għandu, għaldaqstant, ikun fost il-bażijiet legali tal-att dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

309

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikoli 66 sa 70 li jinsabu fil-Kapitolu IX u mill-Artikolu 74 li jinsab fil-Kapitolu XII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, dwar il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tidħol f’impenji internazzjonali tinkludi dik li torbot dawn l-impenji ma’ dispożizzjonijiet istituzzjonali. Il-preżenza tagħhom fil-ftehim ma għandhiex impatt fuq in-natura tal-kompetenza sabiex jiġi konkluż dan il-ftehim. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura anċillari u għalhekk jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li jaqgħu taħtha d-dispożizzjonijiet sostantivi li magħhom ikunu marbuta (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 276 u l-ġurisprudenza ċċitata).

310

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 165 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kumulu tal-bażijiet legali xierqa identifikati f’din l-opinjoni ma jmurx kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 288 ta’ din l-opinjoni peress li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija l-istess, skont l-Artikolu 218 TFUE, għal dawn il-bażijiet legali kollha li fuq livell intern jipprevedu, kollha kemm huma, l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

311

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-parti (a) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni hija li l-bażi legali sostantiva xierqa għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, hija komposta mill-Artikolu 78(2) TFUE, mill-Artikolu 82(2) TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 84 TFUE u 336 TFUE.

D.   Fuq il-qsim f’żewġ deċiżjonijiet distinti tal-att dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

312

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 228 u 294 ta’ din l-opinjoni, għandu jitqies li, permezz tal-parti (b) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni, il-Parlament qiegħed essenzjalment jistaqsi jekk huwiex neċessarju jew possibbli li l-att dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti.

313

Kif jirriżulta mit-talba għal opinjoni u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-domanda hija marbuta mal-applikabbiltà tal-Protokoll Nru 21 fir-rigward tal-Irlanda, minħabba l-identifikazzjoni, fost oħrajn, tal-Artikolu 78(2) TFUE, tal-Artikolu 82(2) TFUE u tal-Artikolu 84 TFUE, li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, bħala bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. Barra minn hekk, għalkemm ir-Repubblika tal-Bulgarija qajmet ir-rilevanza potenzjali għall-imsemmija domanda tal-Protokoll Nru 22 ukoll, il-Kunsill sostna li l-applikazzjoni ta’ dan il-protokoll ma wasslet għal ebda diffikultà partikolari f’dan il-każ.

314

Fir-rigward tal-Protokoll Nru 21, mid-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar jirriżulta li, abbażi ta’ dan il-protokoll, l-Irlanda kellha fil-fatt l-intenzjoni li ma tipparteċipax fil-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar l-ażil u dwar in-non-refoulement, filwaqt li tipparteċipa fil-konklużjoni tal-partijiet l-oħra ta’ din il-konvenzjoni.

315

Kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2017/865 dwar l-iffirmar u mill-argumenti tal-Irlanda u tal-Kunsill, din id-distinzjoni bejn dawn id-diversi partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija bbażata fuq il-fatt li l-Irlanda hija marbuta bid-Direttivi 2011/36 u 2011/93, filwaqt li ma hijiex marbuta fir-rigward tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32.

316

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 21, l-Irlanda ma tipparteċipax “fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE]”.

317

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll, “l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu” lill-Irlanda “jew japplikaw għalih[a]” u “l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi” ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, ebda waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet “m’għandha b’xi mod taffettwa la l-acquis communautaire, u lanqas dak ta’ l-Unjoni u lanqas tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw” għall-imsemmi Stat Membru.

318

Madankollu, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll, l-Irlanda tista’ tikkomunika li tixtieq tieħu “parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat [Membru] ikun intitolat li jagħmel hekk”.

319

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21, l-Irlanda tista’, “f’kull żmien wara l-adozzjoni ta’ xi miżura mill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat [FUE] [tikkomunika] [...] l-intenzjoni tagħh[a] li [taċċetta] dik il-miżura”.

320

L-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tiegħu “japplikaw [għal]l-Irlanda anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE] li jemendaw miżura eżistenti li biha [hija tkun] marbuta”.

321

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 186 sa 189 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikoli 1 sa 4a tal-Protokoll Nru 21 jirriżulta li ma jistax jitqies li l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fid-Direttivi 2011/36 u 2011/93 timplika b’mod awtomatiku li dan l-Istat Membru huwa obbligat jipparteċipa fil-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Fil-fatt, bla ħsara għall-proċedura prevista fl-Artikolu 4a(2) ta’ dan il-protokoll, li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex prevista f’din il-proċedura, dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw mingħajr ekwivoku li, sakemm ma tikkomunikax ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tal-miżura proposta, l-Irlanda la tipparteċipa fil-miżuri inizjali li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u lanqas fil-miżuri, li jaqgħu taħt dan l-istess titolu, li jemendaw miżura eżistenti u vinkolanti fir-rigward tagħha.

322

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn qari sistematiku tal-Protokoll Nru 21, qari li minnu jirriżulta li l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll ma jistax jinqara u lanqas ma jista’ jiġi applikat indipendentement mill-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll. Fil-fatt, ir-regola, prevista fl-imsemmi Artikolu 2, li l-Irlanda ma hijiex marbuta, skont dan l-Artikolu 1 u bla ħsara għall-Artikoli 3, 4 u 6 tal-imsemmi protokoll, bil-miżuri, bid-dispożizzjonijiet u bid-deċiżjonijiet imsemmija fih, hija intrinsikament marbuta ma’ dik, prevista fl-imsemmi Artikolu 1, li tgħid li dan l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni tal-miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, b’tali mod li dawn iż-żewġ regoli ma jistgħux jinftiehmu mingħajr xulxin (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 115116).

323

B’hekk, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Protokoll Nru 21 kemm jekk l-Irlanda titħalla tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni mingħajr ma tkun marbuta b’dan l-att u kemm jekk jiġi aċċettat li dan l-Istat Membru ser ikun marbut b’dan l-att mingħajr ma pparteċipa fl-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 116).

324

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-Protokoll Nru 21 ma huwiex ta’ natura li jkollu effett ta’ kwalunkwe natura fuq il-kwistjoni tal-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 108).

325

Fil-fatt, ir-regola stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens li hija l-bażi legali sostantiva ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma tapplikax biss għall-proċeduri previsti għall-adozzjoni ta’ att intern, iżda tapplika wkoll għal dawk applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57).

326

Għaldaqstant, il-bażijiet legali xierqa għall-konklużjoni tal-ftehim maħsub jiddeterminaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 21 u, skont din id-dispożizzjoni, il-parteċipazzjoni jew le tal-Irlanda fl-adozzjoni tal-att dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tiddetermina, min-naħa tagħha, skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll, jekk dan l-att dwar il-konklużjoni huwiex intiż li jorbot jew le lil dan l-Istat Membru u, għaldaqstant, li jagħmel jew le d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li huma s-suġġett tal-ftehim maħsub applikabbli fir-rigward tiegħu.

327

Issa, dawn ir-rabtiet intrinsiċi bejn l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 u l-fatt li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll ma tipprevedi parteċipazzjoni parzjali f’miżura jeskludu parteċipazzjoni selettiva fl-istess miżura msemmija f’dawn l-artikoli. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll, li jipprevedi biss il-possibbiltà għall-Irlanda li tikkomunika x-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tal-“miżuri proposti”.

328

Minn dan isegwi li l-Protokoll Nru 21 ma jawtorizzax qsim f’żewġ deċiżjonijiet tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub sabiex l-Irlanda tkun tista’ tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ waħda miż-żewġ deċiżjonijiet iżda mhux fl-adozzjoni tal-oħra, u dan minkejja li, bħad-Deċiżjonijiet 2017/865 u 2017/866 dwar l-iffirmar, kull waħda mid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ser tkun tirrigwarda miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u li għalhekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-protokoll.

329

Tali qsim f’żewġ deċiżjonijiet jew f’diversi deċiżjonijiet ta’ att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim maħsub jista’, barra minn hekk, imur kontra kemm il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 285 sa 287 ta’ din l-opinjoni kif ukoll il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu, b’mod partikolari, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-għanijiet previsti fit-Trattati, kif ukoll mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 232 ta’ din l-opinjoni, li minnha joħroġ li r-regoli dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu r-rieda tagħhom huma stabbiliti fit-Trattati u la huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lanqas ta’ dawn l-istituzzjonijiet stess.

330

B’dan premess, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 182 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jiġi stabbilit li l-att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jfittex diversi għanijiet jew ikollu diversi komponenti li jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed jitqies li jkun anċillari fil-konfront tal-ieħor, b’tali mod li diversi bażijiet legali jkunu applikabbli għall-imsemmi att, differenza fir-regoli dwar il-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill tista’ twassal għall-inkompatibbiltà ta’ dawn il-bażijiet legali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 109).

331

Issa, f’tali sitwazzjoni, jista’ jirriżulta neċessarju li jiġu adottati żewġ deċiżjonijiet jew diversi deċiżjonijiet għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali maħsub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja), C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 40).

332

Minn dan isegwi li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li juru bżonn oġġettiv li att dwar il-konklużjoni ta’ ftehim maħsub jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet jew f’diversi deċiżjonijiet.

333

Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari jekk tali qsim ikun intiż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Irlanda ma tipparteċipax fil-miżuri previsti fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21, filwaqt li miżuri oħra previsti fil-kuntest ta’ din il-konklużjoni ma jidħlux f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

334

Dan jista’ jkun il-każ ukoll jekk tali qsim ikun intiż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipax fil-miżuri previsti fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll Nru 22, filwaqt li miżuri oħra previsti fil-kuntest ta’ din il-konklużjoni ma jidħlux f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

335

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Protokoll Nru 22 huwa intiż, kif jirriżulta mit-tielet sal-ħames paragrafi tal-preambolu tiegħu, li jistabbilixxi kuntest ġuridiku li jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz tal-adozzjoni, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ miżuri li ma jorbtux lil dan l-Istat Membru, filwaqt li joffru lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri f’dan il-qasam u li jkun marbut bihom fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmi protokoll. Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 22 jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, filwaqt li l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll jipprevedi li r-Renju tad-Danimarka ma jkunx marbut minn tali miżuri (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 111112).

336

F’dan il-każ, mir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda jirriżulta li, fost il-komponenti tal-bażi legali sostantiva tal-att dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, hemm l-Artikolu 336 TFUE, li la jaqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u lanqas, għalhekk, ma jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ tiġi stabbilita ħtieġa oġġettiva li l-att dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim jinqasam sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Irlanda jew ir-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipawx f’din il-konklużjoni, sa fejn timplika eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenzi esterni tagħha li joħorġu mill-Artikolu 78(2) TFUE, mill-Artikolu 82(2) TFUE u mill-Artikolu 84 TFUE.

337

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-parti (b) tal-ewwel domanda tat-talba għal opinjoni hija li l-Protokolli Nru 21 u Nru 22 jiġġustifikaw li l-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti u dan biss sa fejn tali qsim ikun intiż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Irlanda jew ir-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipawx fil-miżuri meħuda fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-protokolli, meqjusa fl-intier tagħhom.

VII. Risposta għat-talba għal opinjoni

338

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li:

bla ħsara għall-osservanza sħiħa, f’kull mument, tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, it-Trattati ma jipprekludux lill-Kunsill, li jkun qiegħed jaġixxi b’mod konformi mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, milli jistenna, qabel ma jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma tagħha li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Għall-kuntrarju, it-Trattati jipprekludu lill-Kunsill milli jżid stadju addizzjonali mal-proċedura ta’ konklużjoni prevista f’dan l-artikolu billi jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ tali “qbil komuni”;

il-bażi legali sostantiva xierqa għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, hija komposta mill-Artikolu 78(2) TFUE, mill-Artikolu 82(2) TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 84 TFUE u 336 TFUE;

il-Protokolli Nru 21 u Nru 22 jiġġustifikaw li l-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti u dan biss sa fejn tali qsim ikun intiż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Irlanda jew ir-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipawx fil-miżuri meħuda fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-protokolli, meqjusa fl-intier tagħhom.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti l-opinjoni segwenti:

1)

Bla ħsara għall-osservanza sħiħa, f’kull mument, tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 218(2), (6) u (8) TFUE, it-Trattati ma jipprekludux lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jkun qiegħed jaġixxi b’mod konformi mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, milli jistenna, qabel ma jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul), il-“qbil komuni” min-naħa tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni fl-oqsma tagħha li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Għall-kuntrarju, it-Trattati jipprekludu lill-Kunsill milli jżid stadju addizzjonali mal-proċedura ta’ konklużjoni prevista f’dan l-artikolu billi jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-imsemmija konvenzjoni għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ tali “qbil komuni”.

2)

Il-bażi legali sostantiva xierqa għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub, fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, hija komposta mill-Artikolu 78(2) TFUE, mill-Artikolu 82(2) TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 84 TFUE u 336 TFUE.

3)

Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE u l-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE jiġġustifikaw li l-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni tal-parti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li hija s-suġġett tal-ftehim maħsub jinqasam f’żewġ deċiżjonijiet distinti u dan biss sa fejn tali qsim ikun intiż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Irlanda jew ir-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipawx fil-miżuri meħuda fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-protokolli, meqjusa fl-intier tagħhom.

Lenaerts

Silva de Lapuerta

Arabadjiev

Prechal

Vilaras

Ilešič

Bay Larsen

Kumin

Wahl

von Danwitz

Biltgen

Jürimäe

Rossi

Jarukaitis

Jääskinen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2021.

A. Calot Escobar

Reġistratur

K. Lenaerts

President