DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

26 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 3 u 6 sa 8 – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 22 – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Evalwazzjoni ex officio mill-qorti nazzjonali – Proċedura nazzjonali għal ordni għal ħlas”

Fil-Kawża C‑807/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura mibdija minn

“DSK Bank” EAD,

“FrontEx International” EAD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “DSK Bank” EAD, minn V. Mihneva, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn Y. G. Marinova, G. Goddin u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) sa 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) kif ukoll tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, DSK Bank u FrontEx International u, min-naħa l-oħra, konsumaturi, li ma humiex partijiet fil-proċedura, fil-kuntest ta’ proċeduri għal ordni għal ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

4

Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

6

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id-Direttiva 2008/48

7

Il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar responsabbiltà konġunta solidali tal-bejjiegħ jew fornitur tas-servizzi u l-kreditur. Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. F’dan ir-rigward l-Istati Membri, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa, għandhom ikunu jistgħu jistipulaw perijodu minimu li għandu jgħaddi bejn il-mument meta l-kreditur jitlob radd lura u l-jum li fih il-kreditu jrid jiġi imħallas.

(10)

Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. […]”

8

L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jinkludi ċertu numru ta’ elementi li l-ftehim ta’ kreditu għandu jsemmi b’mod ċar u konċiż.

9

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Fejn id-drittijiet tal-kreditur taħt ftehim ta’ kreditu jew il-ftehim innifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija fejn din ta’ l-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Il-konsumatur għandu jiġi mgħarraf biċ-ċessjoni msemmija fil-paragrafu 1 ħlief fejn il-kreditur oriġinali, bi qbil maċ-ċessjonarju, ikompli jonora l-ftehim ta’ kreditu vis-à-vis l-konsumatur.”

10

Skont l-Artikolu 22(1) tal-istess direttiva:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Bulgaru

Il-GPK

11

L-Artikolu 410(1) u (2) tal-grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), kif ippubblikat fid-DV no 83 tat-22 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem il-“GPK”), jipprovdi:

“(1)   Ir-rikorrent jista’ jitlob ordni:

1. li tirrigwarda dejn monetarju jew beni funġibbli, meta t-talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Distrettwali (Rayonen sad);

[…]

(2)   It-talba għandha tinkludi talba għal titolu eżekuttiv u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 127(1) u (3), u tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 128. It-talba għandha tindika wkoll informazzjoni dwar kontijiet bankarji jew mezzi oħra ta’ ħlas.”

12

L-Artikolu 411 tal-GPK jiddikjara:

“(1)   It-talba għandha titressaq quddiem il-Qorti Distrettwali (Rayonen sad) fil-ġurisdizzjoni fejn id-debitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew is-sede tiegħu; din il-qorti għandha tipproċedi ex officio, f’terminu ta’ tlett ijiem, għall-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. […]

(2)   Il-qorti għandha teżamina t-talba waqt seduta dwar aspetti proċedurali u tagħti ordni fit-terminu previst fil-paragrafu 1, ħlief fil-każijiet fejn:

1.

it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 410, u l-applikant ma jirrimedjax in-nuqqasijiet imwettqa f’terminu ta’ tlett ijiem wara n-notifika;

2.

it-talba tmur kontra l-liġi jew il-moralità;

3.

id-debitur ma jkollux indirizz permanenti jew sede rreġistrata fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija;

4.

id-debitur ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu jew il-post ta’ attività tiegħu fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

(3)   Jekk tilqa’ t-talba, il-qorti għandha tagħti ordni li kopja tagħha tiġi nnotifikata lid-debitur.”

13

L-Artikolu 414(1) u (2) huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Id-debitur jista’ joġġezzjona bil-miktub kontra l-ordni jew parti minnha. Motivazzjoni tal-oppożizzjoni ma hijiex meħtieġa, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 414.

(2)   L-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien ġimagħtejn minn meta tkun waslet l-ordni; dan il-perijodu ma jistax jiġi estiż.”

14

L-Artikolu 418 dwar l-eżekuzzjoni immedjata jipprovdi:

“(1)   Meta t-talba tkun akkumpanjata minn dokument imsemmi fl-Artikolu 417 li fuqu tkun ibbażata t-talba, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti li tordna l-eżekuzzjoni immedjata u li toħroġ titolu eżekuttiv.

(2)   It-titolu eżekuttiv jinħareġ wara li l-qorti tkun ivverifikat il-validità formali tad-dokument u tkun ikkonstatat li dan id-dokument jattesta kreditu eżekuttiv tad-debitur. […]”

15

Skont l-Artikolu 419(1) sa (3):

“(1)   L-ordni li tilqa’ talba għal eżekuzzjoni immedjata tista’ tkun suġġetta għal appell individwali; dan l-appell għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tal-ordni ta’ eżekuzzjoni.

(2)   L-appell individwali kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata għandu jiġi ppreżentat fl-istess ħin bħall-oppożizzjoni mressqa kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni maħruġa; dan l-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq kunsiderazzjonijiet inerenti fl-atti msemmija fl-Artikolu 417.

(3)   Il-preżentata tal-appell kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata ma għandhiex effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni.”

16

L-Artikolu 420, intitolat “Sospensjoni tal-eżekuzzjoni”, jipprevedi:

“(1)   L-oppożizzjoni magħmula kontra l-ordni ma għandhiex effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni forzata fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 417(1) sa (9), ħlief meta d-debitur jipprovdi lill-kreditur garanzija xierqa skont il-modalitajiet tal-Artikoli 180 u 181 tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti [zakon za zadalzheniyata i dogovorite].

(2)   Meta titressaq, fit-terminu stabbilit għat-tressiq ta’ oppożizzjoni, talba għal sospensjoni sostnuta minn evidenza bil-miktub, il-qorti li tkun ordnat l-eżekuzzjoni immedjata tista’ tissospendiha, anki fl-assenza ta’ garanzija fit-tifsira tal-paragrafu 1.

(3)   Id-deċiżjoni meħuda dwar it-talba għal sospensjoni tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ rikors individwali.”

Il-Liġi li Temenda u Tikkompleta l-GPK:

17

Iż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na GPK (il-Liġi li Temenda u Tikkompleta l-GPK), DV Nru 100, tal-20 ta’ Diċembru 2019, (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda l-GPK”), tipprovdi:

“§1. Fl-Artikolu 7 [tal-GPK], għandu jiddaħħal il-paragrafu 3 li ġej:

“Il-qorti għandha tistħarreġ ex officio l-preżenza ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur. Hija tagħti lill-partijiet l-opportunità li jagħmlu osservazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet.”

[…]”

18

Fl-Artikolu 410 tal-GPK, din il-liġi ddaħħal il-paragrafu 3 li ġej:

“Meta l-kreditu jirriżulta minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur, il-kuntratt għandu jiġi mehmuż mat-talba, jekk dan ikun f’forma bil-miktub, flimkien mal-emendi u l-annessi kollha, kif ukoll mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli, skont il-każ.”

19

Fl-Artikolu 411(2) tal-GPK, l-imsemmija liġi żiedet punt 3 ġdid:

“Il-qorti għandha teżamina t-talba matul seduta dwar aspetti proċedurali u tagħti ordni fit-terminu previst fil-paragrafu 1, ħlief fil-każijiet fejn:

[…]

3.   it-talba tkun ibbażata fuq klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur jew l-eżistenza ta’ tali klawżola tista’ raġonevolment tiġi preżunta.”

20

L-istess liġi temenda u tikkompleta l-Artikolu 417 tal-GPK kif ġej:

“1.   Fil-punt 2, il-kliem “il-komuni u l-banek” għandhom jiġu mibdula b’“u l-komuni, jew estratt mill-kotba tal-kontabbiltà tal-bank li miegħu jkun anness id-dokument minn fejn jirriżulta l-kreditu tal-bank, kif ukoll l-annessi kollha tiegħu, inkluż il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli”.

2.   Fil-punt 10, hija miżjuda t-tieni sentenza li ġejja: “Meta t-titolu ta’ ordni jikkostitwixxi garanzija ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur, il-kuntratt għandu jiġi mehmuż mat-talba, jekk dan ikun bil-miktub, flimkien mal-annessi kollha tiegħu, inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli.””

21

Il-Liġi li Temenda l-GPK ikkompletat l-Artikolu 420(1) u (2) tal-GPK kif ġej:

“(1)   L-oppożizzjoni magħmula kontra l-ordni ma għandhiex effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni forzata fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 417(1) sa (9), ħlief meta d-debitur jipprovdi lill-kreditur garanzija xierqa skont il-modalitajiet tal-Artikoli 180 u 181 tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti [zakon za zadalzheniyata i dogovorite]. Meta d-debitur ikun konsumatur, il-garanzija ma taqbiżx terz tal-kreditu.

(2)   Il-qorti li tkun ordnat l-eżekuzzjoni immedjata tista’ tissospendi din l-eżekuzzjoni, anki fl-assenza ta’ garanzija fis-sens tal-paragrafu 1, meta tkun tressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, sostnuta minn dokumenti ġustifikattivi bil-miktub li minnhom jirriżulta li:

1. il-kreditu ma jkunx dovut;

2. il-kreditu huwa bbażat fuq klawżola inġusta ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur;

3. l-ammont tal-kreditu dovut skont il-kuntratt konkluż mal-konsumatur ġie kkalkolat b’mod żbaljat.”

Il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu lill-Konsumatur

22

L-Artikolu 10 taż-zakon za potrebitelskia kredit (il-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu lill-Konsumatur), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (DV Nru 17, tas-26 ta’ Frar 2019), li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jiġi konkluż bil-miktub, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, b’mod ċar u li jinftiehem u l-elementi kollha tal-ftehim għandhom ikunu ppreżentati f’karattri uniformi f’termini ta’ tipa, ta’ format u ta’ daqs fejn dan tal-aħħar ma jistax ikun inqas mid-daqs 12, f’żewġ kopji, jiġifieri waħda għal kull waħda mill-partijiet fil-kuntratt.”

23

Skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi:

“(1)   Il-kreditur jista’ jittrasferixxi l-kreditu li jirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur lil parti terza biss jekk dan il-kuntratt jipprevedi tali possibbiltà.

(2)   Meta l-kreditur jittrasferixxi d-dejn li jirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur lil parti terza, il-konsumatur għandu d-dritt li jqajjem kontra din il-parti terza l-oppożizzjonijiet kollha li seta’ jagħmel kontra l-kreditur oriġinali, inkluża l-eċċezzjoni ta’ tpaċija.”

24

L-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“(1)   Fil-każ ta’ dewmien tal-konsumatur, il-kreditur għandu jkun intitolat għall-interessi biss għall-ammont li baqa’ mhux imħallas; dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati għat-tul tad-dewmien.

(2)   Meta l-konsumatur idum ma jħallas dak li huwa għandu jħallas abbażi tal-kreditu, il-penalitajiet għal ħlas tard ma għandhomx jeċċedu l-interessi legali.

(3)   Il-kreditur ma jistax jirrifjuta li jirċievi ħlas parzjali tal-kreditu lill-konsumatur.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Fil-kawża li tikkonċerna lil DSK Bank, dan tal-aħħar talab, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata, abbażi ta’ estratt mill-kotba tal-kontabbiltà tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2019, kontra konsumatur li ma huwiex parti fil-proċedura.

26

DSK Bank sostna li huwa kien ikkonkluda, fit-8 ta’ Marzu 2018, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum mal-imsemmi konsumatur, li kien tard fil-ħlas ta’ 17‑il pagament, li d-dati ta’ skadenza tagħhom kienu jmorru mill-20 ta’ Marzu 2018 sal-20 ta’ Lulju 2019. F’dak li jikkonċerna l-aħħar ħlas dovut, l-ammont indikat kien ogħla minn dawk preċedenti, jiġifieri 564.44 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 288), minflok BGN 167.23 (madwar EUR 85), mingħajr ma ngħatat ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward.

27

DSK Bank ipproduċa wkoll kopja ta’ kuntratt ta’ kreditu ieħor għall-konsum konkluż fil-25 ta’ Frar 2018, intiż sabiex jiffinanzja telefon ċellulari u primjum ta’ assigurazzjoni għall-ħajja li l-benefiċjarju tiegħu huwa l-bank. Dan il-kuntratt jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kisba u għar-rimbors tal-kreditu, jiġifieri l-ħlas ta’ 18‑il pagament, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali, u jinkludi l-firma tal-konsumatur.

28

Fil-kawża li tirrigwarda lil FrontEx International, din tallega li kisbet, permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment tal-kreditu tal-kumpannija City Cash, kreditu fil-konfront ta’ konsumatur li fil-15 ta’ Lulju 2016 ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ din il-kumpannija. FrontEx International ressqet, quddiem il-qorti tar-rinviju, talba għal ordni għal ħlas kontra dan il-konsumatur, mingħajr ma pprovdiet ebda dokument.

29

Fiż-żewġ kawżi li hija adita bihom, il-qorti tar-rinviju tippreżumi l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti ta’ self lill-konsumaturi u tixtieq tkun tista’ teżamina l-kuntratti li minnhom joriġinaw il-krediti.

30

Madankollu, hija tindika, fl-ewwel lok, li, skont id-dritt Bulgaru, il-proċeduri għal ordni jseħħu b’mod sommarju u unilaterali, b’tali mod li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna, il-konsumatur ma jkollux il-possibbiltà li jopponihom.

31

Fit-tieni lok, dik il-qorti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li, minn naħa, fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni għal ħlas irregolata mill-Artikolu 410 tal-GPK, il-qorti ma tiġborx provi, peress li l-għan tal-proċedura ma huwiex li tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-kreditu nnifsu, iżda biss li jiġi mistħarreġ jekk dan il-kreditu huwiex ikkontestat u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ dik irregolata mill-Artikolu 417 tal-GPK, il-qorti tiddeċiedi abbażi tad-dokument ippreżentat mir-rikorrent, peress li dik il-qorti ma tistax teżamina dokumenti differenti minn dawk imsemmija f’dan l-artikolu.

32

Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tispjega li, fid-dawl tal-volum ta’ xogħol tal-imħallfin tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), dawn ma humiex f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk klawżoli inġusti jinsabux fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum li jakkumpanjaw it-talbiet għall-ħruġ ta’ ordnijiet għal ħlas.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li qorti nazzjonali tkun mgħobbija b’ħafna iktar xogħol minn qrati oħra tal-istess grad u li, minħabba f’hekk, l-imħallfin sedenti f’din il-qorti ma jkunux f’pożizzjoni li, fl-istess ħin, iwettqu stħarriġ tal-atti ppreżentati quddiemhom, li għandhom jew li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni provviżorja, u jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom f’terminu raġonevoli, jikkostitwixxi fih innifsu ksur tad-dritt tal-Unjoni […] dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ drittijiet fundamentali oħra?

2)

Qorti nazzjonali għandha tirrifjuta li tadotta deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ma joġġezzjonax għal dan u f’sitwazzjoni fejn ikollha dubji serji li l-kawża hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż mal-konsumatur, iżda mingħajr ma jkun hemm provi kategoriċi ta’ dan fil-proċess tal-kawża?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, fil-każ ta’ dubju qorti nazzjonali tista’ teżiġi provi addizzjonali mill-parti kontraenti li tkun il-bejjiegħ jew il-fornitur, irrispettivament mill-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali ma għandhiex id-dritt li tagħmel dan fil-kuntest ta’ proċedura li fiha jiġi adottat att ta’ eżekuzzjoni forzata, sakemm id-debitur ma joġġezzjonax?

4)

Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ex officio ta’ ċerti ċirkustanzi min-naħa tal-qorti nazzjonali, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni inkonnessjoni mad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni tad-dritt dwar il-konsumaturi, japplika anki fil-każijiet fejn il-leġiżlatur nazzjonali jkun ta protezzjoni addizzjonali (iktar drittijiet) lill-konsumaturi permezz ta’ att leġiżlattiv nazzjonali, li jimplimenta dispożizzjoni ta’ direttiva li tippermetti li tingħata tali protezzjoni msaħħa?”

34

Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissottometti l-kawża preżenti għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2019, it-talba għal deċiżjoni mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet miċħuda.

36

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-ħtieġa li tiġi żgurata soluzzjoni rapida tat-tilwimiet li hija adita bihom il-qorti tar-rinviju, konformement mad-dritt nazzjonali, ma hijiex biżżejjed waħidha sabiex jiġi ġġustifikat ir-rikors għal proċedura mħaffa b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2015, Vilkas, C‑640/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:862, punt 8, u tat-8 ta’ Ġunju 2016, Garrett Pontes Pedroso, C‑242/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:432, punt 14).

37

Min-naħa l-oħra, minkejja li d-debitur huwa konsumatur, hija ġurisprudenza stabbilita li sempliċi interessi ekonomiċi, huma kemm huma importanti u leġittimi, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw waħedhom l-użu ta’ proċedura mħaffa (digriet tal-10 ta’ April 2018, Del Moral Guasch, C‑125/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:253, punt 11 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

38

Bl-istess mod, la s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, huwa kemm huwa importanti, sabiex tiġi ddeterminata bl-iktar mod rapidu possibbli l-portata tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas in-natura ekonomikament jew soċjalment sensittiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jimplikaw madankollu l-bżonn tat-trattament tagħha fl-iqsar żmien possibbli, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 2016, Indėlių ir investicijų draudimas, C‑109/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:267, punti 89, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, Anisimovienė et, C‑688/15, EU:C:2016:92, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 2020, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2020, il-qorti tar-rinviju tagħmel preċiżazzjonijiet dwar l-emendi leġiżlattivi tal-GPK, li daħlu fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2019, permezz tal-Liġi li Temenda l-GPK. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2020, dan id-digriet ġie rreġistrat fil-proċess u ġie nnotifikat lill-partijiet u lill-partijiet interessati għall-informazzjoni.

Fuq id-domandi preliminari

40

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

41

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, milli ma twettaqx eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba diffikultajiet prattiċi, bħall-volum ta’ xogħol li jkollha.

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tipprevedi, fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni għal ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ tali ordni, stħarriġ ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt ikkonċernat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ fejn qorti nazzjonali li tkun qiegħda tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas tikkonstata hija stess, bħal fil-kawża prinċipali, li hemm lok li tiġi mistħarrġa n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni, hija għandu jkollha l-possibbiltà reali li teżerċita dan l-istħarriġ.

44

Għandu jitfakkar, ukoll, li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, inkluż f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-kawżi, taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalhekk, eventwali diffikultajiet prattiċi, marbuta mal-volum tax-xogħol, ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Kull qorti nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 21, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 36).

46

Għaldaqstant, il-fatt li qorti nazzjonali jkollha ħafna iktar xogħol minn qrati oħra tal-istess grad ma jeżentax lill-istanzi li jappartjenu lil din il-qorti mill-obbligu li japplikaw b’mod effikaċi u sħiħ id-dritt tal-Unjoni.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, ma twettaqx l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba diffikultajiet prattiċi bħall-volum ta’ xogħol li hija jkollha.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

48

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, meta tippreżumi li din it-talba hija bbażata fuq klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ self għall-konsum, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tista’, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, titlob lill-kreditur informazzjoni addizzjonali sabiex teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ din il-klawżola.

49

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 f’dak li jikkonċerna s-setgħat ex officio ta’ qorti nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali għal ordni għal ħlas.

51

Jekk il-qorti nazzjonali jkollha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, dan jista’ jsir bil-kundizzjoni li hija jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża, dawn il-motivi japplikaw ukoll fir-rigward ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2018, С‑176/17, Profi Credit Polska, С‑176/17, EU:C:2018:711, punti 4243, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan ir-rigward, għalkemm il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jinsabu fil-proċess ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ ordni għal ħlas iqajmu dubji serji dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli, li ma ġewx imsemmija mill-konsumatur, iżda li għandhom rabta mas-suġġett tat-tilwima, mingħajr madankollu ma huwa possibbli li jsiru evalwazzjonijiet definittivi f’dan ir-rigward, u għalkemm din il-qorti tqis li jeħtieġ li tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, hija għandha, jekk ikun meħtieġ ex officio, tieħu miżuri istruttorji sabiex jiġi kkompletat il-proċess, billi titlob lill-partijiet, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jipprovdulha l-kjarifiki u d-dokumenti meħtieġa f’dan ir-rigward. Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tadotta ex officio miżuri ta’ istruzzjoni sa fejn il-punti ta’ liġi u ta’ fatt imsemmija fl-imsemmi proċess iqajmu dubji serji rigward in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 3738).

53

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dan il-każ, jekk qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas ibbażata fuq kreditu li jirriżulta minn klawżoli li jirriżultaw minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tippreżumi li dawn il-klawżoli huma ta’ natura inġusta, mingħajr madankollu ma jkollha l-possibbiltà li twettaq evalwazzjoni definittiva tal-imsemmija klawżoli, hija tista’, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, jekk ikun meħtieġ ex officio, titlob lill-kreditur il-provi neċessarji sabiex tiġi evalwata n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn l-istess klawżoli.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, meta tippreżumi li din it-talba hija bbażata fuq klawżola inġusta li tinsab fil-kuntratt ta’ self għall-konsum, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tkun tista’, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, titlob lill-kreditur informazzjoni addizzjonali sabiex teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ din il-klawżola.

Fuq ir-raba’ domanda

55

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel din ir-raba’ domanda fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti ta’ Kreditu lill-Konsumatur, li jipprevedi daqs minimu tal-karattri tal-kuntratt, tal-Artikolu 26 ta’ din il-liġi, li jeżiġi l-kunsens tal-konsumatur għat-trasferiment tad-dejn, u tal-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi, li jillimita l-penalitajiet moratorji għall-ammont tal-interessi legali.

56

Għalkemm kemm id-Direttiva 93/13 kif ukoll id-Direttiva 2008/48 japplikaw għall-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bħal, b’mod partikolari, il-kuntratti ta’ self lill-konsumaturi, bħal fiż-żewġ tilwimiet quddiem il-qorti tar-rinviju, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux jitqiesu li jittrasponu d-Direttiva 2008/48.

57

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/48 ma wettqitx armonizzazzjoni fil-qasam tal-estratti mill-kotba tal-kontabbiltà tal-banek u lanqas f’dak li jikkonċerna l-kuntratti ta’ trasferiment ta’ krediti, bħala elementi li jippermettu l-irkupru ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Novembru 2018, PKO Bank Polski, C‑632/17, EU:C:2018:963, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din għandha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, klawżola titqies li hija inġusta meta toħloq żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedu r-rekwiżit li l-klawżoli tal-kuntratt ikunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem.

59

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ser tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li l-qorti nazzjonali twettaq sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn l-obbligi imposti fuq il-konsumaturi taħt dan il-kuntratt, dik il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw protezzjoni iktar għolja lill-konsumaturi minn dik prevista minn din id-direttiva.

61

Mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat FUE, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Għalhekk, din id-direttiva twettaq armonizzazzjoni minima. Minn naħa, fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest normattiv li jiddetermina, flimkien ma’ din il-klawżola, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2020, A (Sullokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali), C‑738/19, EU:C:2020:687, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li l-qorti nazzjonali twettaq sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn l-obbligi imposti fuq il-partijiet taħt dan il-kuntratt, dik il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw protezzjoni iktar għolja lill-konsumaturi minn dik prevista mill-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, milli ma twettaqx l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba diffikultajiet prattiċi, bħall-volum ta’ xogħol li hija jkollha.

 

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li qorti nazzjonali, adita b’talba għal ordni għal ħlas, meta tippreżumi li din it-talba hija bbażata fuq klawżola inġusta li tinsab fil-kuntratt ta’ self għall-konsum, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tkun tista’, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur, titlob lill-kreditur informazzjoni addizzjonali sabiex teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ din il-klawżola.

 

3)

L-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li l-qorti nazzjonali twettaq sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn l-obbligi imposti fuq il-partijiet taħt dan il-kuntratt, dik il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw protezzjoni iktar għolja lill-konsumaturi minn dik prevista mill-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.