DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) – Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali – Kunċett ta’ “post tat-twettiq” – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Dritt għal kumpens tal-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Titjira b’riżervazzjoni waħda kkonfermata u mwettqa f’diversi segmenti minn żewġ trasportaturi bl-ajru separati – Kanċellazzjoni tal-aħħar segment tat-titjira – Rikors għad-danni ppreżentat kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għall-aħħar segment tat-titjira quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-punt tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira”

Fil-Kawża C‑606/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

flightright GmbH

vs

Iberia LAE SA Operadora Unipersonal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn flightright GmbH, impriża stabbilita f’Potsdam (il-Ġermanja), u l-kumpannija tal-ajru Iberia LAE SA Operadora Unipersonal (iktar ’il quddiem “Iberia”), stabbilita f’Madrid (Spanja), dwar talba għal kumpens imressqa abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, tinkludi l-Artikolu 7 ta’ dan tal-aħħar, li jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a)”.

Ir-Regolament Nru 261/2004

4

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“[…]

(b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[…]”

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

7

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Il-kawża prinċipali toriġina minn titjira b’konnessjonijiet li kienet prevista fil‑25 ta’ Awwissu 2018 u li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda kkonfermata, imwettqa minn żewġ passiġġieri (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri inkwistjoni”).

9

Din it-titjira, li telqet minn Hamburg (il-Ġermanja) lejn San Sebastián (Spanja), kienet tinkludi tliet segmenti. L-ewwel segment, li jgħaqqad lil Hamburg ma’ Londra (ir-Renju Unit), kien ġie operat mill-kumpannija tal-ajru British Airways, filwaqt li Iberia kienet responsabbli għaż-żewġ segmenti l-oħra, jiġifieri dawk li jgħaqqdu, rispettivament, lil Londra ma’ Madrid (Spanja) u lil Madrid ma’ San Sebastián.

10

Għalkemm l-ewwel żewġ segmenti tat-titjira żvolġew mingħajr inċident, it-tielet wieħed, għall-kuntrarju, ġie kkanċellat, mingħajr ma l-passiġġieri inkwistjoni kienu ġew informati dwar dan fil-ħin.

11

Minħabba din il-kanċellazzjoni, flightright, li lilha l-passiġġieri inkwistjoni kienu ċedew id-drittijiet eventwali tagħhom għal kumpens, ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), rikors għad-danni għal ammont totali ta’ EUR 500, jiġifieri EUR 250 għal kull passiġġier, kontra Iberia, abbażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li d-distanza bejn Hamburg u San Sebastián kienet ta’ madwar 1433 km.

12

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, minn naħa, dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà għall-passiġġieri inkwistjoni li jressqu proċeduri ġudizzjarji kontra ż-żewġ trasportaturi bl-ajru li kienu involuti fit-twettiq tat-titjira b’konnessjonijiet li wasslet għall-kawża prinċipali.

13

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali fir-rigward tas-segment tat-titjira li ġie kkanċellat, minkejja l-fatt li l-post tat-tluq u l-post tal-wasla ta’ dan is-segment tat-titjira, jiġifieri, rispettivament, Madrid u San Sebastián, jinsabu barra mill-ġurisdizzjoni tagħha.

14

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604), iddeċidiet li, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjonijiet li tat lok għal riżervazzjoni waħda, setgħu jitressqu proċeduri ġudizzjarji għas-segmenti kollha ta’ din it-titjira kontra t-trasportatur bl-ajru li opera l-ewwel segment tal-imsemmija titjira, li l-punt tat-tluq tiegħu kien jinsab fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, għall-finijiet ta’ rikors għad-danni ppreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004.

15

Fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk jistgħux ukoll jitressqu proċeduri kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għall-aħħar segment ta’ tali titjira fil-kuntest ta’ rikors għad-danni fuq din il-bażi.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni fuq livell internazzjonali meta, fir-rigward ta’ titjira b’konnessjonijiet, kull wieħed mis-segmenti huwa operat minn trasportatur bl-ajru differenti u meta hija għandha ġurisdizzjoni internazzjonali biss għas-segment li ma huwiex ikkonċernat mill-kanċellazzjoni?

2.

Jistgħu jitressqu proċeduri ġudizzjarji kontra ż-żewġ trasportaturi bl-ajru involuti fit-titjira b’konnessjonijiet, meta dawn iż-żewġ trasportaturi bl-ajru li operaw is-segmenti tat-titjira huma trasportaturi Komunitarji?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, meta r-risposta għad-domanda preliminari magħmula tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, tiddeċiedi, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kawża preżenti.

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tirreferi għal ebda dispożizzjoni fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħha. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li din il-qorti qiegħda tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għad-danni ppreżentat kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għall-aħħar segment tat-titjira u pendenti quddiemha.

21

Konsegwentement, hemm lok li dawn id-domandi jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li jikkonsistu, għall-qorti tar-rinviju, f’li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“post tat-twettiq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u maqsuma f’diversi segmenti, jista’ jkun ikkostitwit mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, meta t-trasport relatat ma’ dawn is-segmenti tat-titjira huwa mwettaq minn żewġ trasportaturi bl-ajru separati u meta r-rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta mill-kanċellazzjoni tal-aħħar segment tat-titjira u huwa ppreżentat kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għal dan l-aħħar segment.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li, fil-qasam kuntrattwali, sabiex ikunu jistgħu jitressqu proċeduri kontra persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba għandu jkun, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, ikkostitwit mill-post fi Stat Membru fejn, skont il-kuntratt, ġew jew kellhom jiġu pprovduti s-servizzi.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jabroga u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Konsegwentement, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika wkoll għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifkati bħala ekwivalenti (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ titjiriet diretti, li kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, bl-istess mod, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, u b’hekk tat lill-awtur ta’ rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, l-għażla li jippreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab jew il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, hekk kif dawn il-postijiet huma miftiehma fl-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 4347).

27

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “post tat-twettiq”, kif interpretat fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439), minkejja li jirreferi għal titjira diretta, japplika wkoll, mutatis mutandis, fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha t-titjira b’konnessjonijiet ikkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda għat-traġitt kollu tinkludi żewġ segmenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 69 kif ukoll 71).

28

Minn dan isegwi li, meta titjira tkun ikkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u tkun tinkludi żewġ segmenti, l-awtur ta’ rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, għandu wkoll l-għażla li jippreżenta r-rikors tiegħu jew quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, jew quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post tal-wasla tat-tieni segment tat-titjira.

29

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, it-titjira inkwistjoni kienet tinkludi tliet segmenti. Madankollu, sa fejn kuntratt ta’ trasport bl-ajru huwa kkaratterizzat minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu, dan il-kuntratt jistabbilixxi l-obbligu, għal trasportatur bl-ajru, li jittrasporta passiġġier minn punt A għal punt D. Tali operazzjoni ta’ trasport tikkostitwixxi servizz li wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tiegħu jinsab fil-punt A (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 71).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjonijiet ikkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u li tinkludi diversi segmenti, il-post tat-twettiq ta’ din it-titjira, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, jista’ jkun ikkostitwit mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, bħala wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

31

Peress li dan il-post għandu rabta biżżejjed stretta mal-elementi materjali tal-kawża u, għaldaqstant, jiżgura r-rabta stretta, meħtieġa mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, dan jissodisfa l-għan ta’ prossimità li jsostni dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Din is-soluzzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà, li l-imsemmija regoli huma intiżi li josservaw, sa fejn din tippermetti kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut jidentifikaw il-qorti tal-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, hekk kif indikat f’dan il-kuntratt ta’ trasport, bħala qorti li tista’ tiġi adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 7577 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-possibbiltà, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li jitressqu proċeduri kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għall-aħħar segment tat-titjira quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-punt tat-tluq tal-ewwel segment, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li Iberia kienet il-parti l-oħra fil-kuntratt tal-passiġġieri inkwistjoni, ir-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali, prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma teħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn żewġ persuni, iżda l-eżistenza ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fil-konfront ta’ oħra u li huwa l-bażi tar-rikors tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 tippreċiża li, meta trasportatur bl-ajru li jopera, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier, iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, dan it-trasportatur għandu jitqies li qiegħed jagħmel dan f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat.

35

B’hekk, dan it-trasportatur għandu jiġi kkunsidrat li qiegħed iwettaq obbligi liberament ikkonsentiti fil-konfront tal-parti l-oħra fil-kuntratt ta’ dan il-passiġġier. Dawn l-obbligi joriġinaw mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 63).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“post tat-twettiq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u maqsuma f’diversi segmenti, jista’ jkun ikkostitwit mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, meta t-trasport relatat ma’ dawn is-segmenti tat-titjira huwa mwettaq minn żewġ trasportaturi bl-ajru separati u meta r-rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta mill-kanċellazzjoni tal-aħħar segment tat-titjira u huwa ppreżentat kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għal dan l-aħħar segment.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“post tat-twettiq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u maqsuma f’diversi segmenti, jista’ jkun ikkostitwit mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, meta t-trasport relatat ma’ dawn is-segmenti tat-titjira huwa mwettaq minn żewġ trasportaturi bl-ajru separati u meta r-rikors għad-danni, ippreżentat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, jirriżulta mill-kanċellazzjoni tal-aħħar segment tat-titjira u huwa ppreżentat kontra t-trasportatur bl-ajru responsabbli għal dan l-aħħar segment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.