DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
17 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Il-punti 8(c) u 9 tal-Artikolu 2 – Kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju – Kunċett ta’ ‘post tan-negozju’ – Kuntratt konkluż fl-istand ta’ fiera kummerċjali immedjatament wara li l-konsumatur li kien jinsab fi spazju komuni tal-fiera ġie avviċinat mill-kummerċjant”
Fil-Kawża C‑465/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Straubing (il-Qorti Distrettwali ta’ Dresden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura
B & L Elektrogeräte GmbH
vs
GC,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-punti 8(c) u 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B & L Elektrogeräte GmbH u GC fir-rigward tal-konklużjoni bejn dawn il-partijiet ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ vacuum cleaner li jaħdem bil-fwar waqt fiera kummerċjali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 21 u 22 tad-Direttiva 2011/83 huma fformulati kif ġej:
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
5 |
Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess [Dritt ta’ rtirar]”, jipprevedi: “Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.” |
Id-dritt Ġermaniż
6 |
Id-Direttiva 2011/83 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż mill-Gesetz zur Umsetzung der Verbraucherrechterichtlinie und zur Änderung des Gesetzes zur Regelung der Wohnungsvermittlung (il-Liġi li tikkonċerna l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi u l-Emenda tal-Liġi għar-Regolamentazzjoni tal-Aġenziji ta’ Proprjetà Immobbli), tal-20 ta’ Settembru 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3642). |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 |
B & L Elektrogeräte hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li tikkummerċjalizza vacuum cleaners li jaħdmu bil-fwar, b’mod partikolari waqt il-fieri kummerċjali. |
8 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, GC u martu kienu preżenti għal fiera kummerċjali li kienet qed isseħħ fi Straubing (il-Ġermanja). Huma kienu jinsabu fil-passaġġ ta’ waħda mis-swali ta’ espożizzjoni ta’ din il-fiera, quddiem l-istand ta’ B & L Elektrogeräte, meta impjegat ta’ din tal-aħħar avviċinahom, mill-istand tagħha jew fil-passaġġ, sabiex jikkonvinċihom jixtru vacuum cleaner. |
9 |
Fuq stedina tal-impjegat ta’ din il-kumpannija, GC u martu daħlu ġewwa dan l-istand u hemmhekk ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ ta’ vacuum cleaner. |
10 |
Sussegwentement, GC informa lil B & L Elektrogeräte li huwa ma xtaqx “iżomm fis-seħħ” dan il-kuntratt. Huwa qies li huwa kellu dritt ta’ rtirar, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, u li fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ma kienx ġie informat b’dan id-dritt. |
11 |
B & L Elektrogeräte tellgħet lil GC quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Straubing (il-Qorti Distrettwali ta’ Straubing, il-Ġermanja), sabiex tikseb il-kundanna ta’ GC għall-ħlas tal-prezz miftiehem fil-kuntratt. |
12 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-istand li kellha B & L Elektrogeräte f’din il-fiera kummerċjali għandu jitqies bħala “post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642). |
13 |
Din il-qorti tikkonstata li dan l-istand, li kien jinsab f’waħda mis-swali ta’ espożizzjoni tal-fiera, kien spazju mhux magħluq, iżda miftuħ, u li konsumaturi li, bħal GC u martu, jibqgħu weqfin, fin-nofs ta’ passaġġ ta’ sala ta’ espożizzjoni, quddiem l-istand ta’ bejjiegħ, kellhom jistennew li jiġu msejħa minn dan tal-aħħar. |
14 |
Madankollu, l-imsemmija qorti tippreċiża li, fil-kawża li hija suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, il-passaġġ inkwistjoni manifestament ma setax jiġi kkunsidrat bħala post tan-negozju tal-kummerċjant, peress li ma kienx iservi sabiex jeżerċita l-attività tiegħu, iżda kien jagħti aċċess għall-istands kollha tal-kummerċjanti preżenti f’din is-sala. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, peress li l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83 hija intiża li tippreċiża li spazju pubbliku li l-kummerċjant juża eċċezzjonalment ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, “post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, is-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni f’din il-kawża tikkorrispondix ma’ dik prevista minn din il-premessa. |
15 |
Għaldaqstant, fil-każ fejn il-kuntratt ta’ bejgħ ikun konkluż meta l-konsumatur u l-kummerċjant ikunu jinsabu barra u ġewwa l-post tan-negozju rispettivament, u dan ikun jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha, dan ikun “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8(c) tad-Direttiva 2011/83, u l-imsemmi konsumatur għandu jingħata dritt ta’ rtirar. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Straubing (il-Qorti Distrettwali ta’ Straubing) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Hemm kuntratt konkluż barra l-post tan-negozju fis-sens tal-punt (8)(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE bil-konsegwenza ta’ dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva meta kummerċjant f’fiera, li jkun fi jew quddiem l-istand tal-bejgħ li huwa kkunsidrat bħala post tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 2(9) [punt 9 tal-Artikolu 2] ta’ din id-direttiva, jindirizza konsumatur li qiegħed wieqaf quddiem l-istand tal-bejgħ f’sala ta’ fiera kummerċjali, mingħajr ma jikkomunika mal-kummerċjant u fejn il-kuntratt imbagħad jiġi konkluż fl-istand tal-bejgħ?” |
Fuq id-domanda preliminari
17 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
18 |
F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni. |
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-punt 9 ta’ dan l-artikolu, għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur fi stand imtella’ minn kummerċjant waqt fiera kummerċjali, immedjatament wara li dan il-konsumatur, li kien jinsab fil-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti f’sala ta’ espożizzjoni tal-fiera, ikun ġie avviċinat minn dan il-kummerċjant, huwiex “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/83 tiddefinixxi “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, minn naħa, fil-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tagħha bħala kull kuntratt bejn il-kummerċjant u l-konsumatur konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li ma huwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant u, min-naħa l-oħra, fil-punt 8(c) tal-Artikolu 2 tagħha, bħala kull kuntratt bejn il-kummerċjant u l-konsumatur konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament. |
21 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “post tan-negozju”, dan huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jirrigwarda, minn naħa, kwalunkwe post fejn isir bejgħ immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti u, min-naħa l-oħra, kwalunkwe post fejn isir bejgħ mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu. |
22 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2011/83 huwa espost b’mod partikolari fil-premessa 21 tagħha li, skont it-termini tagħha, meta jkun lil hinn mill-post tan-negozju tal-kummerċjant, il-konsumatur jista’ jkun suġġett għal pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi kkonfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk huwa jkunx talab iż-żjara tal-kummerċjant jew le. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu wkoll l-intenzjoni li jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur huwa personalment u individwalment avviċinat f’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, iżda fejn il-kuntratt jiġi konkluż immedjatament wara, fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 33). |
23 |
Isegwi li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-protezzjoni tal-konsumatur, f’dak li jikkonċerna l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, fil-każ fejn, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt il-konsumatur ma jkunx jinsab fi stabbiliment okkupat fuq bażi permanenti jew abitwali mill-kummerċjant, dan huwa għaliex qies li, billi jmur spontanjament f’tali post, dan il-konsumatur jista’ jistenna li jiġi avviċinat mill-kummerċjant, b’mod li, jekk ikun il-każ, ma jkunx jista’ sussegwentement validament isostni li kien ġie sorpriż bl-offerta ta’ dan il-kummerċjant (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 34). |
24 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, sitwazzjoni fejn kummerċjant jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-istand ta’ fiera kummerċjali, għandu jitfakkar li, kif tistabbilixxi l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83, il-posti fis-swieq u l-istands fil-fieri għandhom jitqiesu bħala postijiet tan-negozju jekk iservu bħala sede ta’ attività permanenti jew abitwali għall-kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 41). |
25 |
Mill-imsemmija premessa jirriżulta wkoll li, min-naħa l-oħra, l-ispazji aċċessibbli għall-pubbliku, bħalma huma t-toroq, iċ-ċentri kummerċjali, il-bajjiet, il-faċilitajiet sportivi u t-trasport pubbliku, li dan il-kummerċjant juża b’mod eċċezzjonali għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu, kif ukoll id-djar privati jew il-postijiet tax-xogħol, ma għandhomx jitqiesu bħala postijiet tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 42). |
26 |
Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642), li l-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li stand imtella’ minn kummerċjant f’fiera kummerċjali, li fih jeżerċita l-attivitajiet tiegħu xi ġranet fis-sena, huwa “post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jduru madwar dawn l-attivitajiet, u b’mod partikolari tad-dehra ta’ dan l-istand u tal-informazzjoni mgħoddija fil-post fejn isseħħ il-fiera stess, konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat seta’ raġonevolment jistenna li dan il-kummerċjant jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u javviċinah sabiex jikkonkludi kuntratt, fatt dan li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikah. |
27 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż bejn GC, konsumatur, u B & L Elektrogeräte, kummerċjant, fl-istand imtella’ minn din tal-aħħar f’fiera kummerċjali, fejn dan l-istand huwa kkunsidrat mill-qorti tar-rinviju bħala “post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642). |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk il-fatt li dan il-kuntratt ġie konkluż immedjatament wara li dan il-konsumatur, li kien jinsab fil-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti f’sala ta’ espożizzjoni tal-fiera, ġie avviċinat minn dan il-kummerċjant jippermettix madankollu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi kuntratt huwa kuntratt “lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
29 |
F’dan ir-rigward, il-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti fil-sala ta’ espożizzjoni li fih kien jinsab dak imtella’ minn B & L Elektrogeräte ma jistax jitqies li huwa “post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, sa fejn dan il-passaġġ jagħti aċċess għall-istands kollha tal-kummerċjanti preżenti f’din is-sala. |
30 |
Din iċ-ċirkustanza fattwali li ġiet stabbilita mill-qorti tar-rinviju tikkorrispondi għall-ipoteżi msemmija fil-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83, li tipprovdi li l-ispazji aċċessibbli għall-pubbliku, bħat-toroq u ċ-ċentri kummerċjali, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala “postijiet tan-negozju”. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant immedjatament wara li l-konsumatur ikun ġie avviċinat personalment u individwalment f’post li ma huwiex il-post tan-negozju tal-kummerċjant, bħalma huwa l-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti f’sala ta’ espożizzjoni tal-fiera, fil-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant u tal-konsumatur, huwa “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, skont il-punt 8(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
32 |
Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta’ dan id-digriet, meta huwa jkun jinsab barra mill-post tan-negozju tal-kummerċjant, il-konsumatur jista’ jkun suġġett għal pressjoni psikoloġika potenzjali jew jiġi kkonfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk huwa jkunx talab iż-żjara tal-kummerċjant jew le. Il-premessa 21 tad-Direttiva 2011/83 tiddikjara li, għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni wkoll li jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur jiġi avviċinat personalment u individwalment f’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, iżda fejn il-kuntratt jiġi konkluż immedjatament wara, fil-post tan-negozju tal-kummerċjant. |
33 |
Dan l-element ta’ sorpriża huwa preżenti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn konsumatur ikun jinsab f’sala ta’ fiera kummerċjali, li tikkostitwixxi l-ispazju komuni għad-diversi stands preżenti f’din is-sala, b’tali mod li, f’dan il-kuntest, huwa biss l-istand tal-kummerċjant inkwistjoni li jikkostitwixxi l-post tan-negozju tiegħu, u fejn dan il-konsumatur jiġi avviċinat minn dan il-kummerċjant sabiex jikkonkludi, immedjatament wara, kuntratt fl-istand tiegħu. Għaldaqstant, tali kuntratt għandu jitqies li huwa “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8(c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. |
34 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur fi stand imtella’ minn kummerċjant waqt fiera kummerċjali, immedjatament wara li dan il-konsumatur, li kien jinsab fil-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti f’sala ta’ espożizzjoni tal-fiera, ikun ġie avviċinat minn dan il-kummerċjant, huwa “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur fi stand imtella’ minn kummerċjant waqt fiera kummerċjali, immedjatament wara li dan il-konsumatur, li kien jinsab fil-passaġġ komuni għad-diversi stands preżenti f’sala ta’ espożizzjoni tal-fiera, ikun ġie avviċinat minn dan il-kummerċjant, huwa “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża : il-Ġermaniż.