Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat‑2 ta’ Ġunju 2021 – SUSH u CGT Sanidad de Madrid

(Kawża C-103/19) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Il-punt 1 tal-Klawżola 5 – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku tas-saħħa – Kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” – Kunċett ta’ “miżuri legali ekwivalenti intiżi sabiex jiġi evitat l-abbuż” – Sostituzzjoni tal-istatus ta’ membri tal-persunal okkażjonali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal bl-istatus ta’ membri tal-persunal ta’ sostituzzjoni rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal – Ħtieġa permanenti ta’ membri tal-persunal temporanju rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal

1. 

Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kategorija ta’ membru tal-persunal temporanju, bis-sostituzzjoni tal-istatus ta’ membri tal-persunal okkażjonali bl-istatus ta’ membri tal-persunal ta’ sostituzzjoni – Ħatra bħala uffiċjali permanenti ta’ dawn l-aġenti wara proċeduri ta’ selezzjoni intiżi sabiex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati b’mod provviżorju minn dawn tal-aħħar – Natura xierqa ta’ tali miżuri – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5)

(ara l-punti 31, 34, 35, 40, 43 sa 45, 47 sa 49, u d-dispożittiv 1)

2. 

Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-membri bl-istatus ta’ membri tal-persunal okkażjonali l-possibbiltà li jiksbu s-sostituzzjoni għal dan l-istatus b’dak ta’ membru tal-persunal ta’ sostituzzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Miżuri xierqa għall-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi tax-xogħol għal żmien determinat – Eżistenza ta’ miżura effettiva oħra għas-sanzjoni tal-abbużi fil-konfront tal-ħaddiema għal żmien determinat li ma jaqgħux fil-kategorija tal-membri tal-persunal okkażjonali – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5)

(ara l-punti 51, 53, 54 u d-dispożittiv 2)

Dispożittiv

1) 

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli applikabbli kollha tad-dritt nazzjonali tagħha, jekk miżuri nazzjonali li jipprevedu l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kategorija ta’ membri tal-persunal temporanju, bis-sostituzzjoni tal-istatus ta’ membri tal-persunal okkażjonali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal bl-istatus ta’ membri tal-persunal ta’ sostituzzjoni rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, u l-ħatra eventwali bħala uffiċjali ta’ dawn il-membri tal-persunal wara proċeduri ta’ selezzjoni sabiex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn dawn tal-aħħar jikkostitwixxux miżuri xierqa għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat jew miżuri legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-eventwalità li dan ma jkunx il-każ, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk jeżistux, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, miżuri effettivi oħra għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni ta’ dan l-abbuż.

2) 

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għall-membri tal-persunal bl-istatus ta’ membri tal-persunal okkażjonali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal biss il-possibbiltà li jiksbu s-sostituzzjoni ta’ dan l-istatus b’dak ta’ membri tal-persunal ta’ sostituzzjoni rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ li din is-sostituzzjoni tikkostitwixxi miżura xierqa għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat jew miżuri legali ekwivalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm ikunu jeżistu miżuri effettivi oħrajn fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni ta’ tali abbużi fir-rigward tal-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat li ma jaqgħux fil-kategorija tal-membri tal-persunal okkażjonali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.


( 1 ) ĠU C 319, 23.9.2019.