DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(3) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffavorixxi l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għad-detriment tal-kuntratti in house – Libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi – Limiti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-possibbiltà li awtorità kontraenti tikseb, fil-kapital ta’ organu li huwa proprjetà tal-awtoritajiet kontraenti, parteċipazzjonijiet li ma jistgħux jiggarantixxu l-kontroll ta’ dan l-organu jew setgħa ta’ veto

Fil-Kawżi magħquda C‑89/19 sa C‑91/19,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Novembru 2018, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2019, fil-proċeduri

Rieco SpA

vs

Comune di Lanciano,

Ecolan SpA (C‑89/19),

Comune di Ortona,

Ecolan SpA (C‑90/19),

Comune di San Vito Chietino,

Ecolan SpA (C‑91/19),

fil-preżenza ta’:

Comune di Ortona (C‑89/19),

Comune di Treglio (C‑89/19),

Autorità nazionale anticorruzione (ANAC),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Rieco SpA, minn T. Marchese, S. Colombari u A. Ranieri, avvocati,

għal Ecolan SpA, minn M. Zoppolato, avvocato,

għall-Comune di Lanciano, minn V. Antonucci, avvocato,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Butvydytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet, rispettivament, l-ewwel nett, bejn Rieco SpA u l-Comune di Lanciano (il-Komun ta’ Lanciano, l-Italja) u Ecolan SpA, it-tieni nett, bejn Rieco SpA u l-Comune di Ortona (il-Komun ta’ Ortona, l-Italja) u Ecolan u, it-tielet nett, bejn Rieco SpA u l-Comune di San Vito Chietino (il-Komun ta’ San Vito Chietino, l-Italja) u Ecolan, fir-rigward tal-għoti dirett lil Ecolan tal-kuntratt għas-servizz ta’ ndafa urbana ta’ dawn il-komuni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2014/24

3

Il-premessi 1, 5, 31 u 32 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

“(1)

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

[…]

(5)

Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Ma għandux ikun kopert, il-forniment tas-servizzi bbażat fuq il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti ta’ impjiegi. F’xi Stati Membri, dan jista’ pereżempju jkun il-każ għal ċerti servizzi amministrattivi u governattivi bħal servizzi eżekuttivi u leġislattivi jew il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-komunità, bħal servizzi tal-affarijiet barranin jew servizzi ġuridiċi jew servizzi tas-sigurtà soċjali obbligatorji.

[…]

(31)

Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anke bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

(32)

Kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti twettaq kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata simili għal dak li twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess, dment li l-persuna legali kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew minn persuni ġuridiċi oħrajn ikkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrilevanti mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt.

L-eżenzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn hemm parteċipazzjoni diretta minn operatur ekonomiku privat fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata minħabba li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għotja ta’ kuntratt pubbliku mingħajr proċedura kompetittiva tagħti lill-operatur ekonomiku privat b’parteċipazzjoni kapitali fil-persuna ġuridika kkontrollata vantaġġ mhux dovut fuq il-kompetituri tiegħu. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-korpi pubbliċi bi sħubija obbligatorja, bħal organizzazzjonijiet responsabbli għall-amministrazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ ċerti servizzi pubbliċi, dan m’għandux japplika f’każijiet fejn il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi privati speċifiċi fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata ssir obbligatorja minn dispożizzjoni leġislattiva nazzjonali f’konformità mat-Trattati, sakemm din il-parteċipazzjoni ma tkunx tikkontrolla jew tibblokka u ma jkollhiex influwenza deċisiva fuq id-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata. Barra minn dan għandu jiġi ċċarat li l-element deċisiv huwa biss il-parteċipazzjoni privata diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata. Għalhekk fejn ikun hemm parteċipazzjoni ta’ kapital privat fl-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew fl-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll dan ma jeskludix l-għotja ta’ kontratti pubbliċi lil persuna ġuridika kkontrollata, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn din id-Direttiva peress li dawn il-parteċipazzjonijiet ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi privati.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-awtoritajiet kontraenti bħall-korpi regolati mil-liġi pubblika, li jista’ jkollhom parteċipazzjoni kapitali privata, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jużufruwixxu mill-eżenzjoni tal-kooperazzjoni orizzontali. Konsegwentement, fejn il-kondizzjonijiet l-oħra kollha f’rabta mal-kooperazzjoni orizzontali jiġu sodisfatti, l-eżenzjoni għall-kooperzzjoni orizzontali għandha tkun estiża għal dawn l-awtoritajiet kontraenti fejn il-kuntratt huwa konkluż b’mod esklussiv bejn l-awtoritajiet kontraenti.”

4

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jistipula:

“1.   Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[…]

3.   Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

a)

l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:

i)

il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

ii)

dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

iii)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll,

[…]”.

Id-dritt Taljan

5

Il-legge 17 dicembre 2012, n. 221 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 18 ottobre 2012, n. 179, recante ulteriori misure urgenti per la crescita del Paese (il-Liġi tas-17 ta’ Diċembru 2012, Nru 221 – li tibdel f’liġi, b’emendi, id-Digriet-Liġi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nru 179, li jistabbilixxi miżuri oħra urġenti għat-tkabbir fil-pajjiż) (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 294, tat-18 ta’ Diċembru 2012, p. 1), tipprevedi, fl-Artikolu 34(2) tagħha:

“Għas-servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku, sabiex jiġu żgurati l-osservanza tad-dritt Ewropew, l-ugwaljanza bejn l-operaturi kif ukoll l-ekonomija tal-ġestjoni u sabiex tiġi ggarantita informazzjoni xierqa għall-entitajiet ikkonċernati, il-kuntratt għal servizz jingħata abbażi ta’ rapport stabbilit għal dan il-għan, ippubblikat fis-sit internat tal-entità li twettaq l-għoti; dan ir-rapport għandu jesponi r-raġunijiet u jesponi li r-rekwiżiti previsti mid-dritt Ewropew għall-forma tal-għoti magħżula huma ssodisfatti u għandu jiddefinixxi l-kontenut preċiż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u ta’ servizz universali, filwaqt li jindika, jekk ikun il-każ, il-kumpens ekonomiku.”

6

L-Artikolu 5 tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, li jistabbilixxi Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat-8 ta’ April 2016 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi”), intitolat “Prinċipji komuni fil-qasam ta’ esklużjoni għal konċessjonijiet, għal kuntratti pubbliċi u għal ftehimiet bejn organi pubbliċi u awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tas-settur pubbliku”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.   Awtorità kontraenti jew entità kontraenti tista’ tagħti kuntratt pubbliku jew konċessjoni mingħajr ma tapplika dan il-kodiċi jekk ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafu 1 [li jiddefinixxi l-kuntest ġenerali tal-għoti in house] huma ssodisfatti, inkluż fil-każ ta’ kontroll konġunt.

5.   L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti għandhom jeżerċitaw kontroll konġunt fuq il-persuna ġuridika jew meta r-rekwiżiti kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti:

a)

Il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmulin minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti kollha. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

b)

dawn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw konġuntament influwenza deċiżiva fuq l-għanijiet strateġiċi u fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-persuna ġuridika;

c)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma jkollhiex interessi li jmorru kontra dawk tal-awtoritajiet kontraenti jew tal-entitajiet kontraenti li jikkontrollawha.”

7

L-Artikolu 192(2) ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Sistema speċjali ta’ għoti in house”, jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-għoti in house ta’ kuntratt li s-suġġett tiegħu huma servizzi disponibbli fis-suq f’kuntest ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom minn qabel iwettqu evalwazzjoni tal-opportunità ekonomika tal-offerta tal-entitajiet in house, fid-dawl tal-għan u tal-valur tal-provvista, u fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti għandhom jesponu kemm ir-raġunijiet li għalihom mhux ser jintuża s-suq, kif ukoll il-vantaġġi, għall-kollettività, tal-metodu ta’ ġestjoni magħżul, inkluż b’riferiment għall-għanijiet ta’ universalità u ta’ soċjalità, ta’ effiċjenza, ta’ ekonomija u ta’ kwalità tas-servizz, kif ukoll tal-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi.”

8

L-Artikolu 4 tad-decreto legislativo n. 175 – Testo unico in materia di società a partecipazione pubblica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 175, li jistabbilixxi Test Uniku fil-Qasam tal-Kumpanniji b’Parteċipazzjoni Pubblika), tad-19 ta’ Awwissu 2016 (GURI Nru 210, tat-8 ta’ Settembru 2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016”), intitolat “Għanijiet li jistgħu jkunu mfittxija permezz tal-ksib u tal-ġestjoni b’parteċipazzjoni pubblika”, jipprevedi:

“1.   L-amministrazzjonijiet la jistgħu, direttament jew indirettament, jistabbilixxu kumpanniji li l-għan tagħhom ikun il-produzzjoni ta’ oġġetti u l-offerta ta’ servizzi li ma humiex strettament neċessarji għall-ilħuq tal-għanijiet istituzzjonali tagħhom, u lanqas ma jistgħu jiksbu jew iżommu partecipazzjoni, anki minoritarji, f’tali kumpanniji.

2.   Fil-limiti msemmija fil-paragrafu 1, l-amministrazzjonijiet jistgħu, direttament jew indirettament, jistabbilixxu kumpanniji jew jiksbu jew iżommu parteċipazzjonijiet f’kumpanniji, biss għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet indikati iktar ’il quddiem:

a)

produzzjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali, inkluż it-twaqqif u l-ġestjoni tan-netwerks u tat-tagħmir meħtieġ għall-imsemmija servizzi;

[…]

4.   L-għan kummerċjali esklużiv tal-kumpanniji in house għandu jkun attività jew diversi attivitajiet imsemmija fil-punt a) […] tal-paragrafu 2. Bla ħsara għal dak li hemm previst fl-Artikolu 16, dawn il-kumpanniji għandhom jaħdmu b’mod prinċipali mal-entitajiet li jistabbilixxuhom, li jipparteċipaw fil-kapital tagħhom jew li jiddeċiedu [dwar l-għoti].”

9

L-Artikolu 16 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Kumpanniji in house”, jistipula:

“1.   Il-kumpanniji in house jistgħu jirċievu għotjiet diretti ta’ kuntratti pubbliċi min-naħa tal-amministrazzjonijiet li jeżerċitaw il-kontroll analagu fuqhom, jew min-naħa ta’ kull waħda mill-amministrazzjonijiet li jeżerċitaw il-kontroll konġunt analogu fuqhom, biss jekk ma jkunx hemm parteċipazzjoni ta’ kapitali privati, bl-eċċezzjoni ta’ dik prevista mir-regoli legali, u li tieħu forma li la timplika kontroll jew setgħa ta’ veto u lanqas l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kumpannija kkontrollata.

[…]

7.   Il-kumpanniji msemmija f’dan l-artikolu huma obbligati li jiksbu x-xogħlijiet, l-oġġetti jew is-servizzi b’mod konformi mar-regoli previsti fil-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi] – bla ħsara għal dawk previsti fl-Artikoli 5 u 192 [ta’ dan il-kodiċi].”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑89/19

10

Ecolan, li l-attività tagħha tikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-iskart urban, hija kumpannija in house li l-kapital tagħha huwa kompletament proprjetà ta’ 53 kollettività pubblika tal-Provinċja ta’ Chieti (l-Italja), li fosthom hemm il-Komun ta’ Lanciano li l-parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-kapital hija ta’ 21.69 %.

11

Fil-kwalità tagħha ta’ operatur ekonomiku interessat fil-ksib tal-kuntratt għall-ġestjoni tas-servizz ta’ ndafa urbana tal-Komun ta’ Lanciano, Rieco ressqet rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Abruzzo, l-Italja) intiż għall-annullament ta’ diversi atti, fosthom id-deliberazzjoni tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lanciano tad-29 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deliberazzjoni kkontestata”) li tat direttament lil Ecolan il-kuntratt għas-servizz ta’ iġjene, inkluż għall-ġestjoni taċ-ċentri ta’ ġbir u ta’ użu mill-ġdid tal-iskart.

12

Rieco sostniet li l-għoti dirett lil Ecolan tal-kuntratt għas-servizz ta’ ndafa urbana tal-Komun ta’ Lanciano kien jikser ir-rekwiżiti ta’ għoti in house jew taħt sistema ta’ kontroll analogu konġunt.

13

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Jannar 2018, it-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Abruzzo) ċaħdet ir-rikors ta’ Rieco, li min-naħa tagħha appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

14

Fl-ewwel lok, Rieco ssostni li t-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Abruzzo) kisret l-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi meta ma ssanzjonatx l-assenza, fid-deliberazzjoni kkontestata, ta’ evalwazzjoni effettiva tal-opportunita li jkun hemm għoti in house u mhux għoti ta’ kuntratt pubbliku b’sejħa għall-offerti, qabel ma seħħ l-għoti dirett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

15

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis, l-ewwel nett, li d-deliberazzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li huwa applikabbli għal Ecolan anki abbażi tal-Artikolu 16(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016, sa fejn din ma tesponix korrettement ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-għoti in house. Fil-fatt, l-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi jissuġġetta l-għoti in house ta’ servizzi disponibbli fis-suq għal kundizzjoni doppja, issuġġetar li ma huwiex meħtieġ fil-każ ta’ modalitajiet oħra ta’ għoti tal-istess servizzi, b’mod partikolari s-sejħa għall-offerti u l-forom l-oħra ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn amministrazzjonijiet. L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti hija obbligata li tiġġustifika ċ-ċirkustanzi li wasslu sabiex ikun eskluż l-użu ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Din il-kundizzjoni tirriżulta min-natura issa sekondarja u residwa tal-għoti in house, li jista’ jintgħażel biss bil-kundizzjoni li jintwera, minn naħa, li hemm “nuqqas fis-suq” rilevanti dovut għal nuqqasijiet prevedibbli fl-“għanijiet ta’ universalità u ta’ soċjalità, ta’ effiċjenza, ta’ ekonomija u ta’ kwalità tas-servizz, kif ukoll tal-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi”, u, min-naħa l-oħra, li l-entità in house għandha tirrimedja dan in-nuqqas. It-tieni nett, l-awtorità kontraenti għandha tindika l-vantaġġi li hija ser tikseb mill-għoti in house filwaqt li tali indikazzjoni ma hijiex neċessarja fil-każ li jintuża għoti ta’ kuntratt pubbliku.

16

Barra minn hekk, sabiex l-eċċezzjonijiet għar-regola tal-aġġudikazzjoni pubblika jkunu saħansitra iktar limitati, sentenza mogħtija fis-17 ta’ Novembru 2010 mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tippermetti li l-leġiżlatur Taljan jipprevedi “limitazzjonijiet għall-għoti dirett li jkunu usa’ minn dawk previsti mid-dritt tal-[Unjoni]”. F’sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, l-istess qorti kostituzzjonali ddeċidiet ukoll li l-għoti permezz ta’ delega bejn l-organi jikkostitwixxi “eċċezzjoni meta mqabbel mar-regola ġenerali tal-għoti lil terzi permezz tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”.

17

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubji dwar kemm din l-interpretazzjoni restrittiva, li ilha valida għal iktar minn għaxar snin fl-Italja fir-rigward tal-għoti in house, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ libertà ta’ organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1). F’dan ir-rigward, il-prinċipji ta’ libertà u ta’ awtodeterminazzjoni tal-entitajiet pubbliċi, minn naħa, u l-prinċipju ta’ ftuħ sħiħ tal-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti pubbliċi għall-kompetizzjoni fis-suq, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu kunfliġġenti.

18

Jekk jiġi aċċettat li l-għoti in house huwa, min-natura tiegħu stess, waħda mill-forom karatteristiċi ta’ internalizzazzjoni u ta’ awtoproduzzjoni, dan l-għoti ma jkunx jirrappreżenta l-eċċezzjoni residwa, iżda għażla bażika fuq l-istess livell tal-għoti lil terzi permezz tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz ta’ sejħiet għall-offerti. Minn dan ikun isegwi li l-għoti ta’ kuntratt permezz ta’ sejħa għall-offerti ma għandu għalhekk jibbenefika minn ebda preferenza a priori.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-għoti in house ma jinstabx f’pożizzjoni subordinata meta mqabbel mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz ta’ sejħa għall-offerti. Bil-kontra ta’ dan, dawn jirrappreżentaw forma ta’ anteċedent loġiku f’kull għażla tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-awtoproduzzjoni jew tal-esternalizzazzjoni tas-servizzi li jaqgħu taħt l-awtorità tagħha, peress li amministrazzjoni tista’ tgħaddi għall-esternalizzazzjoni tal-provvista ta’ oġġetti, ta’ servizzi jew ta’ approviżjonamenti biss ladarba jirriżulta li l-għażla interna tal-awtoproduzzjoni jew tal-internalizzazzjoni ma hijiex vijabbli jew inkella ma tistax tintuża b’mod utli.

20

Il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollu, għalhekk, valur ġenerali, u dan jeskludi l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex wieħed mill-metodi ta’ għoti tas-servizzi ta’ interess ġenerali tal-amministrazzjonijiet, bħalma huwa l-għoti in house, jingħata rwol ġuridikament subordinat meta mqabbel mal-oħrajn.

21

Fit-tieni lok, Rieco ssostni li t-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Abruzzo) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet previsti fid-dritt Taljan f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni fil-kapital azzjonarju ta’ Ecolan minn entitajiet pubbliċi li ma jeżerċitawx fuq Ecolan kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

22

F’dan ir-rigward, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-istatuti ta’ Ecolan jipprevedu żewġ kategoriji ta’ azzjonisti, jiġifieri, minn naħa, l-“azzjonisti li jiddeċiedu” li jeżerċitaw il-kontroll analogu konġunt fuq Ecolan u li, b’konsegwenza ta’ dan, jistgħu jwettqu għoti dirett favur tagħha u, min-naħa l-oħra, l-“azzjonisti li ma jiddeċidux” li jipparteċipaw fil-kapital ta’ Ecolan fil-perspettiva li jwettqu, fil-ġejjieni, għoti dirett favuriha, mingħajr ma jistgħu jagħmlu dan attwalment, u li, sa dik id-data ma għandhomx setgħat ta’ ġestjoni jew ta’ veto li jaffettwaw il-funzjonament intern ta’ Ecolan u li għalhekk ma jeżerċitawx kontroll analogu konġunt.

23

Issa, il-fatt li Ecolan għandha l-kwalità ta’ entità in house biss fir-rigward tal-azzjonisti li jiddeċiedu ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kontroll analogu konġunt, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, ma għandux jitwarrab biss minħabba l-fatt li awtoritajiet kontraenti li ma jeżerċitawx kontroll jew setgħa ta’ veto u li ma jwettqux għoti dirett jipparteċipaw fil-kapital ta’ kumpannija sussidjarja b’parteċipazzjonijiet miżmuma minn diversi entitajiet.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li awtorità kontraenti li ma tiddeċidix għandha tkun tista’ sussegwentement tiddeċiedi li tikseb il-kontroll analogu konġunt u twettaq l-għoti dirett ta’ kuntratti ta’ servizzi favur Ecolan.

25

Issa, din il-possibbiltà hija eskluża mill-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016, meta l-ksib tal-kontroll analogu konġunt u l-għoti dirett ma jseħħux immedjatament iżda huma biss previsti.

26

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni […] (u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa tal-awtoritajiet pubblici u l-prinċipju ta’ ekwivalenza sostanzjali tad-diversi metodi ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi rilevanti għall-[li jaqgħu taħt l-awtorità tal-]amministrazzjoni pubblika) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik tal-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi […]) li tqiegħed l-għoti in house ta’ kuntratti fuq livell subordinat u bħala eċċezzjoni meta mqabbel mal-għoti permezz ta’ kuntratti pubbliċi: i) billi tippermetti dan l-għoti ta’ kuntratti biss fil-każ li jintwera li hemm nuqqas tas-suq rilevanti, u ii) billi fi kwalunkwe każ timponi lill-amministrazzjoni, li jkollha l-intenzjoni tagħti kuntratt permezz tad-delega bejn l-organi, li tipprovdi motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-vantaġġi marbuta ma’ dan il-metodu ta’ għoti għas-soċjetà inġenerali?

2)

Id-dritt tal-Unjoni […] (u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2014/24] dwar l-għoti in house ta’ kuntratti fejn kontroll simili huwa eżerċitat b’mod kondiviż bejn diversi amministrazzjonijiet) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik tal-Artikolu 4(1) [tad-]Digriet Leġiżlattiv [Nru 175/2016] –) li tipprekludi lil amministrazzjoni pubblika milli takkwista azzjonijiet [parteċipazzjonijiet] (fi kwalunkwe każ li [ma] jistgħu[x] jiggarantixxu l-kontroll jew is-setgħa ta’ veto) f’organu li l-azzjonisti tiegħu huma amministrazzjonijiet oħra meta l-imsemmija amministrazzjoni madankollu jkollha l-intenzjoni takkwista sussegwentement pożizzjoni ta’ kontroll kondiviż u għaldaqstant il-possibbiltà li tagħti direttament kuntratti lil dak l-organu li l-kapital tiegħu huwa proprjetà ta’ diversi amministrazzjonijiet.”

Il-Kawżi C‑90/19 u C‑91/19

27

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-Kawżi C‑89/19 sa C‑91/19 jirriżulta li l-kuntesti fattwali u ġuridiċi tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑90/19 u C‑91/19 huma analogi għal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑89/19 u li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑90/19 u C‑91/19 huma identiċi għal dawk magħmula fil-Kawża C‑89/19.

Fuq id-domandi preliminari

28

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda magħmula b’mod preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

29

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna, magħrufa wkoll bl-isem ta’ “kuntratt in house”, għall-fatt li ma jkunx possibbli li jingħata kuntratt pubbliku u, f’kull każ, għall-obbligu li l-awtorità kontraenti turi l-vantaġġi speċifiċi, għall-kollettività, marbuta mal-użu tal-operazzjoni interna.

31

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, iktar ’il quddiem is-sentenza Irgita, EU:C:2019:829, punt 41), l-għan tad-Direttiva 2014/24 huwa, hekk kif espost fil-premessa 1 tagħha, li tikkoordina l-proċeduri nazzjonali tal-għoti ta’ kuntratti li jaqbżu ċertu valur.

32

Mill-punt 43 tas-sentenza Irgita jirriżulta li l-uniku effett tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-operazzjonijiet interni, u li għalhekk jillimita ruħu li jippreċiża l-kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna, huwa li jawtorizza lill-Istati Membri jeskludu tali operazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

33

Din id-dispożizzjoni ma tistax, b’konsegwenza ta’ dan, iċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn. Fil-fatt, din il-libertà timplika għażla li ssir fi stadju qabel dak tal-għoti ta’ kuntratt u li ma tistax, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 (sentenza Irgita, punt 44).

34

Il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom tirriżulta wkoll mill-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24, li tistabbilixxi li “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”, li tissanċixxi, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-imsemmija direttiva (sentenza Irgita, punt 45).

35

Għalhekk, l-istess bħalma d-Direttiva 2014/24 ma tobbligax lill-Istati Membri jużaw proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija lanqas ma tista’ ġġegħelhom jużaw operazzjoni interna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ikunu ssodisfatti (sentenza Irgita, punt 46).

36

Barra minn hekk, hekk kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza Irgita, il-libertà hekk mogħtija lill-Istati Membri hija ħafna iktar evidenti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23, li jipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent fis-servizzi pubbliċi.

Dawk l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku tagħhom bir-riżorsi proprji tagħhom, jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew li jgħadduhom lil operaturi ekonomiċi.”

37

Il-libertà li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall-provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal-prinċipji riżultanti bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza (sentenza Irgita, punt 48).

38

B’konsegwenza ta’ dan, fil-punt 50 tas-sentenza Irgita l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

39

Ċertament, fis-sentenza Irgita, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 u mhux dawk tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva.

40

Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-unika differenza bejn l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva tinstab fil-fatt li, fil-kuntest tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-awtorità kontraenti tikkontrolla, waħedha, l-entità in house filwaqt li, fil-kuntest tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, din l-entità hija kkontrollata b’mod konġunt minn diversi awtoritajiet kontraenti.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-ħtiġijiet rispettivi tagħhom tawtorizzahom jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ operazzjoni interna għall-fatt li ma jkunx possibbli li jingħata kuntratt pubbliku u, f’kull każ, għall-obbligu li l-awtorità kontraenti turi l-vantaġġi speċifiċi, għall-kollettività, marbuta mal-użu tal-operazzjoni interna.

42

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna, magħrufa wkoll bl-isem ta’ “kuntratt in house”, għall-fatt li ma jkunx possibbli li jingħata kuntratt pubbliku u, f’kull każ, għall-obbligu li l-awtorità kontraenti turi l-vantaġġi speċifiċi, għall-kollettività, marbuta mal-użu tal-operazzjoni interna.

Fuq it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil awtorità kontraenti milli tikseb parteċipazzjonijiet fil-kapital ta’ entità li l-azzjonisti tagħha huma awtoritajiet kontraenti oħra meta dawn il-parteċipazzjonijiet ma jistgħux jiggarantixxu l-kontroll jew setgħa ta’ veto u meta l-imsemmija awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li iktar ’il quddiem tikseb pożizzjoni ta’ kontroll konġunt u, b’konsegwenza ta’ dan, il-possibbiltà li twettaq għoti dirett ta’ kuntratti favur din l-entità li l-kapital tagħha huwa proprjetà ta’ diversi awtoritajiet kontraenti.

44

Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-għan tal-Artikolu 12(3)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/24 huwa li jippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom awtorità kontraenti li teżerċita, b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil din il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-direttiva.

45

L-esklużjoni tar-regoli ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 hija għalhekk, b’mod konformi mal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-kundizzjoni li awtorità kontraenti teżerċita, b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata, li jkun analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

46

Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 ma jipprevedi ebda eżiġenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom amministrazzjoni tikseb, f’kumpannija li l-azzjonisti tagħha huma amministrazzjonijiet oħra, parteċipazzjonijiet fil-kapital.

47

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil awtorità kontraenti milli tikseb parteċipazzjonijiet fil-kapital ta’ entità li l-azzjonisti tagħha huma awtoritajiet kontraenti oħra meta dawn il-parteċipazzjonijiet ma jistgħux jiggarantixxu l-kontroll jew setgħa ta’ veto u meta l-imsemmija awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li iktar ’il quddiem tikseb pożizzjoni ta’ kontroll konġunt u, b’konsegwenza ta’ dan, il-possibbiltà li twettaq għoti dirett ta’ kuntratti favur din l-entità li l-kapital tagħha huwa proprjetà ta’ diversi awtoritajiet kontraenti.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna, magħrufa wkoll bl-isem ta’ “kuntratt in house”, għall-fatt li ma jkunx possibbli li jingħata kuntratt pubbliku u, f’kull każ, għall-obbligu li l-awtorità kontraenti turi l-vantaġġi speċifiċi, għall-kollettività, marbuta mal-użu tal-operazzjoni interna.

 

2)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil awtorità kontraenti milli tikseb parteċipazzjonijiet fil-kapital ta’ entità li l-azzjonisti tagħha huma awtoritajiet kontraenti oħra meta dawn il-parteċipazzjonijiet ma jistgħux jiggarantixxu l-kontroll jew setgħa ta’ veto u meta l-imsemmija awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li iktar ’il quddiem tikseb pożizzjoni ta’ kontroll konġunt u, b’konsegwenza ta’ dan, il-possibbiltà li twettaq għoti dirett ta’ kuntratti favur din l-entità li l-kapital tagħha huwa proprjetà ta’ diversi awtoritajiet kontraenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.