16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 87/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fit-3 ta’ Diċembru 2019 – Sumal, S.L. vs Mercedes Benz Trucks España, S.L.

(Kawża C-882/19)

(2020/C 87/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sumal, S.L.

Konvenuta: Mercedes Benz Trucks España, S.L.

Domandi preliminari

1)

It-teorija tal-unità ekonomika li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stess, tiġġustifika l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm lis-sussidjarja jew tali teorija tapplika biss sabiex testendi r-responsabbiltà tas-sussidjarji lill-kumpannija omm?

2)

Għall-estensjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika fil-qasam tar-relazzjonijiet intragrupp għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni esklużivament fatturi ta’ kontroll jew huwa wkoll possibbli li din l-estensjoni tkun ibbażata fuq kriterji oħra, b’mod partikolari l-fatt li s-sussidjarja setgħet tibbenefika mill-atti li jikkostitwixxu l-ksur?

3)

Fl-ipoteżi fejn ikun possibbli li tiġi estiża r-responsabbiltà tal-kumpannija omm lis-sussidjarja, għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta din il-possibbiltà?

4)

Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun favorevoli għar-rikonoxximent tal-estensjoni tar-responsabbiltà lis-sussidjarji għal atti mwettqa mill-kumpanniji omm, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 61(2) tal-Ley de Defensa de la Competencia (Il-Liġi ta’ Protezzjoni tal-Kompetizzjoni) li tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ estensjoni tar-responsabbiltà tas-sussidjarja lill-kumpannija omm u dan dejjem sakemm tkun teżisti sitwazzjoni ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja, hija kompatibbli ma’ din il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea?