14.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Lulju 2019 – BZ vs Westerwaldkreis

(Kawża C-546/19)

(2019/C 348/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BZ

Konvenut: Westerwaldkreis

Domandi preliminari

1.

a)

Il-projbizzjoni ta’ dħul maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” taqa’ fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (1), jekk l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà taħt l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva?

b)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fin-negattiv: tali projbizzjoni ta’ dħul hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 anki jekk, indipendentement mid-digriet ta’ tkeċċija maħruġ fil-konfront tiegħu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa resident illegali u b’hekk jaqa’, bħala prinċpju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

c)

Projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” jinkludu projbizzjoni ta’ dħul maħruġa inkonessjoni ma’ ordni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ordni (fil-każ ineżami: biss għal raġunijiet kawtelatorji ġenerali fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)?

2.

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-projbizzjoni ta’ dħul taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115:

a)

L-irtirar amministrattiv ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (jiġifieri, f’dan il-każ, l-ordni ta’ tneħħija) jimplika l-illegalità tal-projbizzjoni ta’ dħul (fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2008/115), maħruġa fl-istess żmien tad-deċiżjoni?

b)

Ikun hemm din il-konsegwenza legali anki jekk l-ordni ta’ tneħħija amministrattiva li tkun ippreċediet id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun (saret) definittiva?


(1)  ĠU 2008, L 348, p. 98.