5.8.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 263/25 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Kroazja) fil-11 ta’ April 2019 — Obala i lučice d.o.o. vs NLB Leasing d.o.o.
(Kawża C-307/19)
(2019/C 263/31)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Qorti tar-rinviju
Visoki trgovački sud Republike Hrvatske
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Obala i lučice d.o.o.
Konvenuta: NLB Leasing d.o.o.
Domandi preliminari
1) |
In-nutara huma awtorizzati jwettqu n-notifika ta’ dokumenti b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, meta huma jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’kawżi li fir-rigward tagħhom ma japplikax ir-Regolament Nru 1215/2012 (2), b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-Kroazja, in-nutara, meta huma jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012? Fi kliem ieħor, peress li n-nutara ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” imsemmi fir-Regolament Nru 1215/2012, huma jistgħu, meta jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, japplikaw ir-regoli relatati man-notifika ta’ dokumenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007? |
2) |
L-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa previst fiż-Zakon o sigurnosti prometa na cestama (il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq) u fir-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi stess, jista’ jitqies bħala kwistjoni ċivili fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1215/2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), li jirregola l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, meta tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ vettura mingħajr biljett tal-ipparkjar jew b’biljett tal-ipparkjar invalidu, din il-vettura tkun immedjatament suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata, daqs li kieku din kienet ipparkjata l-ġurnata kollha, irrispettivament mit-tul ta’ ħin eżatt tal-użu tal-post tal-ipparkjar, b’mod li dan il-ġbir tal-ħlas tal-biljett ta’ ġurnata huwa ta’ natura sanzjonatorja, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li f’ċerti Stati Membri, dan l-ipparkjar jitqies bħala kontravvenzjoni tat-traffiku? |
3) |
Fil-proċeduri ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq relatati mal-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa previst fil-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u fir-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi stess, il-qrati jistgħu jwettqu n-notifika ta’ dokument lill-konvenuti fi Stat Membru ieħor b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali? Fil-każ li, abbażi tad-domandi magħmula iktar ’il fuq, jiġi deċiż li dan it-tip ta’ pparkjar huwa kwistjoni ċivili, id-domandi sussegwenti jsiru b’mod sussidjarju: |
4) |
F’dan il-każ, tapplika l-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz tal-imsemmi pparkjar fit-triq f’post identifikat permezz ta’ sinjali orizzontali u/jew vertikali, jiġifieri, huwa meqjus li permezz tal-ipparkjar kuntratt huwa konkluż u li jekk il-prezz ma jitħallasx skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar, il-biljett ta’ ġurnata jkun dovut. Għaldaqstant, tqum id-domanda dwar jekk din il-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz ta’ dan l-ipparkjar u l-kunsens għall-ħlas tal-prezz tal-biljett ta’ ġurnata meta l-biljett ma jinxtarax skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar jew meta jiskadi t-tul ta’ ħin tal-biljett mixtri jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet fundamentali fil-qasam ta’ provvista ta’ servizzi previsti fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-acquis tal-Unjoni Ewropea. |
5) |
F’dan il-każ l-ipparkjar kien sar f’Zadar u, għaldaqstant, teżisti rabta bejn dan il-kuntratt u l-qrati Kroati, iżda dan l-ipparkjar huwa “servizz” skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, peress li l-kunċett ta’ servizz jimplika li l-parti li tipprovdih twettaq attività speċifika, jiġifieri, li hija twettaq din l-attività speċifika inkambju għal ħlas u, għaldaqstant, tqum id-domanda dwar jekk l-attività mwettqa mir-rikorrenti hijiex biżżejjed sabiex titqies bħala servizz? Fil-każ ta’ assenza ta’ ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati Kroati bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, il-qorti tad-domiċilju tal-konvenuta jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża. |
6) |
L-ipparkjar fit-triq u fit-toroq prinċipali pubbliċi, meta d-dritt għall-ġbir tal-ħlas huwa stabbilit permezz tal-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u tar-regoli dwar it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali bħala attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u l-ġbir tal-ħlas isir biss matul perijodu speċifiku tal-ġurnata, jista’ jitqies bħala kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli abbażi tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012? |
7) |
Jekk f’dan il-każ ma tistax tiġi applikata l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq li dan l-ipparkjar wassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt (ir-raba’ domanda preliminari), dan it-tip ta’ pparkjar, li fir-rigward tiegħu l-kompetenza fil-qasam tal-ġbir tal-ħlas għall-ipparkjar tirriżulta mil-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq u li tipprevedi l-ħlas ta’ biljett ta’ ġurnata jekk il-biljett ma jitħallasx minn qabel għal kull siegħa ta’ użu tal-post tal-ipparkjar jew jekk it-tul ta’ ħin li għalih il-biljett tħallas ikun skada, jista’ jitqies bħala delitt jew kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012? |
8) |
F’dan il-każ, l-ipparkjar seħħ qabel id-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, preċiżament fit-30 ta’ Ġunju 2012 fis-1.02 ta’ waranofsinhar. Għaldaqstant, qiegħed jiġi mistoqsi jekk ir-regolamenti relatati mal-liġi applikabbli, jiġifieri r-Regolament Nru 593/2008 (3) jew ir-Regolament Nru 864/2007 (4), humiex applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-validità ratione temporis ta’ dawn ir-regolamenti? Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt sostantiv issir id-domanda sussegwenti: |
9) |
Il-preżunzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz ta’ dan l-ipparkjar u tal-kunsens għall-ħlas tal-prezz tal-biljett ta’ ġurnata meta l-biljett ma jinxtarax skont it-tariffa fis-siegħa tal-ipparkjar jew meta jiskadi t-tul ta’ ħin tal-biljett mixtri jmorru kontra d-dispożizzjonijiet fundamentali fil-qasam ta’ provvista ta’ servizzi stabbiliti fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-acquis tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament minn jekk il-proprjetarju tal-vettura huwiex persuna fiżika jew ġuridika? Fi kliem ieħor, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt sostantiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 593/2008 jistgħu japplikaw f’dan il-każ (meta jiġi osservat li l-proċess preżenti ma jinkludi ebda prova li l-partijiet qablu dwar il-liġi applikabbli)?
|
(1) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).
(2) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
(3) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).
(4) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40).