24.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fl-20 ta’ Marzu 2019 — Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu vs B

(Kawża C-245/19)

(2019/C 213/08)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Konvenuta: B

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, stabbilita b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (1), teskludi kwalunkwe dritt għal azzjoni, b’mod partikolari ġudizzjarja, min-naħa ta’ terz li għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbligah li jipprovdilha informazzjoni sabiex jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura evoluttiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, fis-sens li talba għal skambju, flimkien ma’ ordni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jagħti segwitu għaliha, jissodisfaw il-kriterju tal-assenza ta’ nuqqas manifest ta’ rilevanza prevedibbli fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni mitluba, meta jipprova jikseb informazzjoni dwar kuntratti u l-fatturazzjonijiet u ħlasijiet relatati, li ma humiex speċifikati iżda li huma ddefiniti permezz tal-kriterji li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li huma ġew konklużi mill-persuna li ġiet identifikata bħala li għandha l-informazzjoni, it-tieni nett, l-applikabbiltà tagħhom matul is-snin taxxabbli kkonċernati mill-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli identifikata kkonċernata?


(1)  ĠU 2011, L 64, p. 1.