27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fil-21 ta’ Marzu 2019 — GB vs Decker KFZ-Handels u. -Reparatur GmbH u Volkswagen AG

(Kawża C-244/19)

(2019/C 182/29)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GB

Konvenuta: Decker KFZ-Handels u. –Reparatur GmbH, Volkswagen AG

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 715/2007, huwa inammissibbli meta l-valv ta’ riċirkolazzjoni ta’ gass tal-egżost, jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, huwa ddisinjat b’tali mod li r-rata ta’ riċirkolazzjoni ta’ gass tal-egżost, jiġifieri l-parti mill-gass tal-egżost li terġa’ tiġi rriċirkolata, tiġi rregolata b’tali mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li ftit iniġġes biss bejn 15 u 33 grad Celsius u unikament għal altitudni inferjuri għal 1 000m u b’tali mod li, lil hinn minn din il-firxa ta’ temperaturi, f’intervalli ta’ 10 grad Celsius u iktar minn 1 000m ta’ altitudni, f’intervalli ta’ 250m, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, li jwassal għal żieda tal-emissjonijiet ta’ NOx iktar mill-valuri limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

2)

Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ewwel domanda jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda huwiex neċessarju sabiex il-magna tiġi protetta kontra ħsara?

3)

Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tieni domanda jekk il-parti mill-magna li hija protetta kontra ħsara hijiex il-valv ta’ riċirkolazzjoni ta’ gass tal-egżost?

4)

Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ewwel domanda jekk it-tagħmir ta’ vettura msemmi fl-ewwel domanda kienx diġà ġie installat sa mill-produzzjoni tal-vettura jew jekk ir-regolazzjoni tal-valv ta’ riċirkolazzjoni ta’ gass tal-egżost, deskritt fl-ewwel domanda, għandhiex issir fil-vettura bħala tiswija, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (2)?

5)

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkunx hemm ksur ta’ konformità minuri meta jkun ġie konkluż kuntratt għax-xiri ta’ vettura, li jeżiġi li għandha tiġi pprovduta vettura li tkun konformi mar-rekwiżiti legali (previsti mid-dritt tal-Unjoni) u meta f’din il-vettura jkun ġie installat “switch logic”, b’tali mod li meta l-vettura tinxtegħel, din tkun fil-modalita 1 u meta s-softwer jirrikonoxxi sitwazzjoni ta’ ttestjar, jiġifieri t-tħaddim tal-vettura fil-kuntest taċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (iktar ’il quddiem iċ-“ĊĠSE”), il-vettura tibqa’ fil-modalità (ĊĠSE), iżda meta s-softwer jirrikonoxxi li l-vettura taqbeż ir-rata ta’ tolleranza taċ-ĊĠSE (differenza fil-profil ta’ veloċità ta’ +/- 2 km/h jew +/- 1 s), il-vettura tgħaddi għall-modalità 0 (modalità ta’ sewqan), fejn il-valv ta’ riċirkolazzjoni ta’ gass tal-egżost huwa rregolat b’tali mod li l-valuri limitu previsti fir-Regolament Nru 715/2007 ma jkunux jistgħu jiġu osservati, fejn din ir-regolazzjoni sseħħ tant malajr li l-vettura titħaddem kważi esklużivament bil-modalità?


(1)  ĠU 2007, L 171, p. 1.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.