13.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 164/15 |
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-21 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-587/16, HM vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-70/19 P)
(2019/C 164/17)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. S. Bohr, G. Gattinara, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: HM
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-587/16, HM vs Il-Kummissjoni; |
— |
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerlai; |
— |
tirriżerva l-ispejjeż esposti fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza u dik tal-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Bord tal-Għażla u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).
Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-att ikkontestat, jiġifieri d-deċiżjoni tal-EPSO tas-17 ta’ Awwissu 2015 li ma tiġix trażmessa lill-Bord tal-Għażla, minħabba tardività, it-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata mir-rikorrenti. Din il-komunikazzjoni saret fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-EPSO fil-punt 3.1.3 tad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-korrispondenza mal-kandidati.
Permezz tat-tieni parti tal-aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet ġenerali. Il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li jinqara l-punt 3.4.3 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali mhux biss konġuntament mal-punt 3.1.3, iżda wkoll fir-rigward tal-iskop u tal-finalità tal-punt 3.4.3 li jagħti lill-EPSO l-kompetenza fil-qasam tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern.
Permezz tat-tielet parti tal-aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-komunikazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, miżura amministrattiva intiża li tiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ normi uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni konformement mal-Artikolu 7(1) imsemmi iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa wkoll konformi mar-rwol ta’ assistent tal-Bord tal-Għażla żgurat mill-EPSO, kif imsemmi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T-361/10 P, Il-Kummissjoni vs Pachitis (1).
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-motiv dwar l-inkompetenza tal-awtur tal-att. Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fil-każ inkwistjoni, jekk, fis-sitwazzjoni fejn ikun ġie rrimedjat id-difett ta’ inkompetenza, att b’kontenut identiku jew b’kontenut differenti jkunx ġie adottat. Fin-nuqqas ta’ tali eżami, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, skont il-Kummissjoni, tannulla l-att ikkontestat.
(1) ECLI:EU:T:2011:742.