Kawża C-948/19

UAB “Manpower Lit”

vs

E. S. et

u
L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑11 ta’ Novembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘impriża pubblika’ u ta’ ‘eżerċizzju ta’ attività ekonomika’ – Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bħala ‘impriża utenti’, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg – Kunċett ta’ ‘l-istess impjieg’ – Regolament (KE) Nru 1922/2006 – Artikolu 335 TFUE – Prinċipju tal-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Artikolu 336 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni”

  1. Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ impriża utenti, ta’ impriżi pubbliċi u privati u ta’ attività ekonomika – Portata – Aġenziji tal-Unjoni – L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – Assenjazzjoni, minn impriża ta’ xogħol temporanju, ta’ persuni li kkonkludew kuntratt ta’ impjieg ma’ din l-impriża, ma’ din l-aġenzija – Inklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1922/2006, Artikoli 3(1), 5 u 14(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/104, Artikolu 1)

    (ara l-punti 32, 34, 38, 39, 42 sa 46, 50 u d-dispożittiv 1)

  2. Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104 – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett tal-istess impjieg – L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – Impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju assenjat għal din l-aġenzija tal-Unjoni – Inklużjoni – Kapaċità ġuridika tal-Unjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni – Assenza ta’ effett

    (Artikoli 335 u 336 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/104, Artikolu 5(1))

    (ara l-punti 55 sa 60, 62, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Manpower Lit, impriża ta’ xogħol temporanju Litwana, assenjat lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), aġenzija tal-Unjoni stabbilita f’Vilnjus (il-Litwanja), ħames impjegati bħala, rispettivament, assistenti u assistent tal-informatika. Wara li r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom ma’ Manpower Lit intemmu bejn ix-xahar ta’ April u x-xahar ta’ Diċembru 2018, dawn l-impjegati, peress li qiesu li kienu dovuti lilhom arretrati tar-remunerazzjoni, adixxew lill-Valstybinės darbo inspekcijos Vilniaus teritorinio skyriaus Darbo ginčų komisija (il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali tat-Taqsima Territorjali ta’ Vilnjus tal-Ispettorat tax-Xogħol, il-Litwanja) sabiex jiksbu l-ħlas.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018, din il-kummissjoni, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol li tittrasponi fid-dritt Litwan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema temporanji stabbilit mid-Direttiva 2008/104 ( 1 ), ordnat l-irkupru tal-imsemmija arretrati, billi qieset li l-impjegati inkwistjoni kienu jeżerċitaw de facto l-funzjonijiet ta’ membri tal-persunal permanenti tal-EIGE u li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom kellhom jikkorrispondu għal dawk applikati minnha għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tagħha.

Peress li r-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, Manpower Lit ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

Din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun taf jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema temporanji previst mid-Direttiva 2008/104 huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li l-kwalità ta’ utent li juża s-servizzi ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji tappartjeni lil aġenzija tal-Unjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/104, inklużi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza, fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet ( 2 ) mill-EIGE sabiex id-direttiva tkun applikabbli, jiġifieri li dan għandu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impriżi pubbliċi u privati”, jikkorrispondi għal “impriża utenti” u jeżerċita “attività ekonomika”.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-EIGE jistax jitqies bħala “impriża utenti” ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-impjegati inkwistjoni ħadmu, bħala ħaddiema temporanji, b’mod temporanju għall-EIGE u taħt il-kontroll u d-direzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, din l-aġenzija tal-Unjoni għandha titqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tad-direttiva. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-EIGE huwa, f’dan il-kuntest, “impriża utenti”.

Fir-rigward tal-portata tal-kunċetti ta’ “impriżi pubbliċi u privati” u ta’ “attività ekonomika”, peress li dawn il-kunċetti ma humiex iddefiniti fid-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-EIGE teżerċitax attività ekonomika li tikkonsisti f’li jiġu offruti oġġetti jew servizzi f’suq partikolari.

F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, qabelxejn, li l-attivitajiet ta’ din l-aġenzija tal-Unjoni ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika u konsegwentement ma humiex esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika. Sussegwentement, fid-dawl ta’ ċerti attivitajiet tal-EIGE, elenkati fir-Regolament Nru 1922/2006 ( 4 ), jeżistu swieq li fihom joperaw impriżi kummerċjali li jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-EIGE. Iċ-ċirkustanza li, fl-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, l-EIGE ma jfittixx skop ta’ lukru huwa irrilevanti. Fl-aħħar nett, id-dħul tal-EIGE jinkludi ( 5 ) b’mod partikolari l-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti, u dan jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb li dan tal-aħħar kien ser jaġixxi, tal-inqas parzjalment, bħala attur tas-suq.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-EIGE għandu jitqies li jeżerċita, tal-inqas parzjalment, attività li tikkonsisti f’li jiġu offruti servizzi f’suq partikolari, u, konsegwentement, li l-assenjazzjoni, minn impriża ta’ xogħol temporanju, ta’ persuni li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ xogħol ma’ din l-impriża, mal-EIGE sabiex jipprovdu servizzi ta’ xogħol hemmhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju assenjat għall-EIGE jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi l-“istess impjieg” fis-sens tad-Direttiva 2008/104, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-direttiva ( 6 ), il-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-ħaddiema temporanji għandhom ikunu, matul il-perijodu tal-missjoni tagħhom ma’ impriża utenti, mill-inqas dawk li jkunu applikabbli għalihom li kieku ġew irreklutati direttament mill-imsemmija impriża sabiex jokkupaw l-istess impjieg.

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu pparagunati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji ma’ dawk tal-persunal tal-EIGE impjegat abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument tal-Kummissjoni Ewropea li dan il-paragun jista’ jikser l-Artikoli 335 TFUE, li jagħtu lill-Unjoni l-kapaċità ġuridika l-iktar wiesgħa mogħtija lill-persuni ġuridiċi mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, u 336 TFUE, dwar l-adozzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, dan il-paragun bl-ebda mod ma għandu l-konsegwenza li jagħti l-istatus ta’ uffiċjal lill-ħaddiema temporanji. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika, meta l-aġenziji tal-Unjoni jirrikorru għal ħaddiema temporanji abbażi ta’ kuntratti konklużi ma’ impriżi ta’ xogħol temporanju, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika b’mod sħiħ għal dawn il-ħaddiema matul il-kompiti li huma jwettqu fi ħdan tali aġenzija.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-impjieg okkupat minn ħaddiem temporanju assenjat lill-EIGE jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-“istess impjieg”, fis-sens tad-direttiva, anki jekk jitqies li l-impjiegi kollha li għalihom l-EIGE jirrekluta ħaddiema direttament jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu biss minn persuni suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni.


( 1 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).

( 2 ) Previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, id-direttiva hija applikabbli għall-impriżi pubbliċi u privati li huma impriżi ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti li jeżerċitaw attività ekonomika, kemm jekk isegwu skop ta’ lukru kif ukoll jekk le.

( 3 ) Fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-direttiva, jiġifieri “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha”.

( 4 ) Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU 2006, L 403, p. 9), fejn hemm b’mod partikolari, taħt il-punt (g), l-organizzazzjoni tal-konferenzi, tal-kampanji u tal-laqgħa fuq il-livell Ewropew.

( 5 ) Konformement mal-Artikolu 14(3)(b) tar-Regolament Nru 1922/2006.

( 6 ) Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.