SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 13(2) – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz – Żamma, f’każ ta’ divorzju, tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu – Obbligu li tintwera l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2003/86/KE – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament skont jekk l-isponsor huwiex ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz – Assenza ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑930/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura
X
vs
État belge,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Prechal, M. Vilaras, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, K. Jürimäe, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal X, minn J. Wolsey u E. Didi, avocats, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs, u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn E. Derriks, K. de Haes u G. van Witzenburg, avocats, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn D. Warin u R. van de Westelaken, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert u R. Meyer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u E. Montaguti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u État belge (l-Istat Belġjan), dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju Belġjan. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/38
3 |
Skont il-premessi 1 sa 3, 5, 10 u 15 tad-Direttiva 2004/38:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Taħt l-intestatura “Suġġett”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi:
|
5 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:
2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).” |
6 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ Stat Membru. Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1). 2. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:
[…]
[…] Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. “Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4). Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.” |
7 |
Taħt it-titolu “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, l-Artikolu 37 tal-istess direttiva jipprovdi: “Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.” |
Id-Direttiva 2003/86/KE
8 |
Skont il-premessi 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224):
[…]
[…]
|
9 |
L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jipprovdi: “[…] 3. Fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta’ qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli. 4. Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.” |
Id-dritt Belġjan
10 |
L-Artikolu 42c(1) u (4) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin), tal‑15 ta’ Diċembru 1980 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), li huwa intiż sabiex jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jipprevedi li l-Ministru li għandu aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin fil-kompetenzi tiegħu (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), jew id-delegat tiegħu, jista’ jtemm, fil-ħames snin wara r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza tagħhom, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma humiex huma stess ċittadini tal-Unjoni u li jirrisjedu bħala membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, meta ż-żwieġ maċ-ċittadin tal-Unjoni li huma akkumpanjaw jew ingħaqdu miegħu jinħall jew ma jkunx għad hemm ħajja tad-dar komuni, sakemm il-membru tal-familja kkonċernat ma jurix l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli, bħall-fatt li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika fil-kuntest taż-żwieġ jew tas-sħubija rreġistrata u sa fejn il-persuna kkonċernata turi li hija ħaddiema impjegata jew mhux impjegata fil-Belġju, jew li għandha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali Belġjana matul ir-residenza tagħha, u li għandha assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha fil-Belġju, u li hija membru ta’ familja diġà kkostitwita f’dan l-Istat Membru ta’ persuna li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. |
11 |
L-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, jipprevedi li l-Ministru jew id-delegat tiegħu jistgħu jtemmu, fil-ħames snin ta’ wara, skont il-każ, il-ħruġ tal-permess ta’ residenza jew il-ħruġ tad-dokument li jiċċertifika li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza kienet ġiet ippreżentata, għad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, awtorizzat jew ammess għar-residenza, meta huma ma jkollhomx jew ma kellhomx iktar ħajja konjugali jew tal-familja effettiva, sakemm il-membru tal-familja kkonċernat ma jipprovax li kien vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew matul is-sħubija. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, X, ċittadin Alġerin, iżżewweġ ċittadina Franċiża fis‑26 ta’ Settembru 2010 f’Alġeri (l-Alġerija) qabel mar il-Belġju, fit‑22 ta’ Frar 2012, b’viża għal soġġorn qasir, sabiex jingħaqad mal-konjuġi tiegħu, li kienet tirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
13 |
Fl‑20 ta’ April 2012, twieldet tifla mill-unjoni bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konjuġi tiegħu, li, bħal ommha, għandha n-nazzjonalità Franċiża. |
14 |
Fis‑7 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadina Franċiża, permess li nħariġlu, fit‑13 ta’ Diċembru ta’ wara, validu sat‑3 ta’ Diċembru 2018. |
15 |
Wara kważi ħames snin ta’ żwieġ li sentejn minnhom kienu ħajja flimkien fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie mġiegħel jitlaq id-domiċilju konjugali, minħabba atti ta’ vjolenza domestika li kien vittma tagħhom min-naħa tal-konjuġi tiegħu. Huwa stabbilixxa ruħu l-ewwel f’“rifuġju”, qabel ma sab akkomodazzjoni f’Tournai (il-Belġju), fejn iddomiċilja ruħu fit‑22 ta’ Mejju 2015. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment fit‑2 ta’ Marzu 2015 għall-atti ta’ vjolenza domestika li kien vittma tagħhom. |
16 |
Wara relazzjoni ta’ koabitazzjoni stabbilita fit‑30 ta’ Ottubru 2015, u li kkonkludiet minħabba l-assenza ta’ koabitazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tal-konjuġi tiegħu, b’din tal-aħħar tirrisjedi fi Franza ma’ binthom mill‑10 ta’ Settembru 2015, il-Gvern Belġjan, b’deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2016, temm id-dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali billi ordnalu li jitlaq it-territorju Belġjan. Madankollu din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), tas‑16 ta’ Settembru 2016. |
17 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Marzu 2017, l-Istat Belġjan talab informazzjoni addizzjonali mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kellha tinkludi prova tal-mezzi ta’ sussistenza tiegħu u tal-pussess ta’ assigurazzjoni għall-mard. Fit‑2 ta’ Mejju ta’ wara, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali informa lill-Istat Belġjan li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu u talab iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 42quater(4)(4) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, l-Istat Belġjan temm id-dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li, minkejja li kien f’sitwazzjoni diffiċli, huwa ma kienx ipproduċa l-prova li kellu riżorsi suffiċjenti sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu stess. Madankollu, din id-deċiżjoni ma kinitx tordnalu jitlaq mit-territorju Belġjan. Fis‑26 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin). |
19 |
Din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 42quater(4) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jissuġġetta, fil-każ ta’ divorzju jew ta’ tmiem tal-ħajja tad-dar komuni tal-konjuġi, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu ċittadin tal-Unjoni, għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari, dik li jkollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard, filwaqt li, fl-istess ċirkustanzi, l-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li ttraspona fid-dritt Belġjan l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, ma jissuġġettax l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fil-Belġju ħlief bil-prova tal-eżistenza ta’ atti ta’ vjolenza domestika. |
20 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom, jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk ibbenefikawx minn riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, u li differenza bħal din fit-trattament toriġina mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 13(2) tad-[Direttiva 2004/38] jikser l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], sa fejn dan jipprevedi li d-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ unjoni rreġistrata ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru – b’mod partikolari meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeżiġu dan, per eżempju l-fatt li kienu vittma ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ jew l-unjoni rreġistrata kienu għadhom fis-seħħ –, iżda biss bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati juru li huma ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri tal-familja, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-[Direttiva 2003/86], li jipprevedi l-istess possibbiltà ta’ żamma ta’ dritt ta’ residenza, ma jissuġġettax din iż-żamma għal din il-kundizzjoni tal-aħħar?” |
22 |
Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Settembru 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Settembru ta’ wara, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet indirizzat lill-qorti tar-rinviju fl‑14 ta’ Awwissu preċedenti, din tal-aħħar indikat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ressaq talba għal divorzju fil‑5 ta’ Lulju 2018 u li d-divorzju tal-persuna kkonċernata u tal-konjuġi tiegħu kien ingħata fl‑24 ta’ Lulju ta’ wara. |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 |
Il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula, għar-raġuni li, l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward mhux ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, iżda ta’ dispożizzjoni legali stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenza rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86, it-tieni, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jippreġudika r-regoli ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati membri u, it-tielet, id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux iwasslu għal bidla fil-kompetenzi tal-Unjoni, u, għaldaqstant, sabiex jidħlu fuq il-kompetenzi li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jappartjenu lill-Istati Membri, bħal dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kundizzjoni li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
24 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, peress li dawn l-atti għandhom ikunu totalment kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
F’dan il-każ, billi jqisu li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għaż-żamma, b’mod partikolari, fil-każ ta’ divorzju, tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom, is-sistema stabbilita fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-konjuġi tagħhom huwa ċittadin tal-Unjoni hija inqas favorevoli minn dik stabbilita fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-konjuġi tagħhom huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula. |
Fuq id-domanda preliminari
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 huwiex validu fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
28 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, billi ssuġġetta, fil-każ ta’ divorzju, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom ċittadin tal-Unjoni għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, fosthom, b’mod partikolari, il-kundizzjoni dwar in-natura suffiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma jimponix tali kundizzjonijiet għall-finijiet tal-għoti, fl-istess ċirkustanzi, ta’ permess ta’ residenza awtonomu għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tagħhom ukoll ċittadin ta’ pajjiż terz, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika, għad-dannu tal-ewwel waħda fosthom, bi ksur tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. |
29 |
L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr ma eċċepixxew formalment l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u l-Parlament Ewropew, fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, esprimew dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-Direttiva 2004/38 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. |
30 |
Dawn id-dubji huma bbażati fuq is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 51), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li mingħandu ssubixxa atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju huwa sussegwenti għat-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni minn dan l-Istat Membru. |
31 |
Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 16 u 22 ta’ din is-sentenza, għalkemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien vittma, matul iż-żwieġ tiegħu, ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-ex konjuġi tiegħu, ċittadina tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din tirrisjedi, mat-tifla tagħhom, fi Franza mill‑10 ta’ Settembru 2015. Il-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju nbdiet biss kważi tliet snin wara t-tluq ta’ dawn tal-aħħar mill-Belġju, jiġifieri fil‑5 ta’ Lulju 2018, u wasslet għad-divorzju fl‑24 ta’ Lulju ta’ wara. |
32 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 qabel ma tiġi evalwata l-validità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-motivi msemmija mill-qorti tar-rinviju. |
33 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, jirriżulta mill-kliem użat kemm fit-titolu, kif ukoll fil-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li ż-żamma tad-dritt ta’ residenza li minnu jibbenefikaw, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija prevista b’mod partikolari f’każ ta’ divorzju u li, konsegwentement, meta l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, tali divorzju ma jwassalx għat-telf ta’ tali dritt ta’ residenza (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 40). |
34 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz jisiltu drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru minn din id-direttiva, iżda unikament dawk li huma “membri tal-familja” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu, liema prinċipju kien ġie stabbilit fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Fil-fatt, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 ikopri l-każijiet eċċezzjonali fejn id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiż terz ikkonċernat, taħt id-Direttiva 2004/38, minkejja li, wara d-divorzju tagħhom, dawn iċ-ċittadini ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 42). |
36 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iskop tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni tissodisfa l-għan, stabbilit fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva, li tiġi offruta protezzjoni ġuridika lill-membri tal-familja fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem tas-sħubija rreġistrata, billi għal dan il-għan jittieħdu l-miżuri sabiex jiġi żgurat li, f’tali ċirkustanzi, il-membri tal-familja li jirrisjedu diġà fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fuq bażi individwali (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 45). |
37 |
F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar partikolari, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM (2001) 257 final), jirriżulta li, skont id-dritt tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, il-konjuġi ddivorzjat setà jiġi mċaħħad mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 46). |
38 |
F’dan il-kuntest, din il-proposta għal direttiva tispeċifika li d-dispożizzjoni prevista, li saret l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, għandha l-għan li toffri ċerta protezzjoni ġuridika liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa marbut mar-rabta tal-familja rrappreżentata miż-żwieġ u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jiġu rrikattati b’theddida ta’ divorzju, u li tali protezzjoni hija meħtieġa biss f’każ ta’ deċiżjoni finali ta’ divorzju, peress li, f’każ ta’ separazzjoni de facto, bl-ebda mod ma huwa affettwat id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 47). |
39 |
Fil-fatt, sakemm iż-żwieġ jippersisti, il-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, iżomm il-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, u jibbenefika f’dan ir-rigward minn dritt idderivat ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jew, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 61). |
40 |
Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta mill-formulazzjoni, mill-kuntest u mill-iskop tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 li l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż id-dritt ibbażat fuq il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hija suġġetta għad-divorzju tal-persuni kkonċernati (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA, C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 48). |
41 |
Fil-punt 62 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-ipoteżi fejn, qabel il-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju, iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq l-Istat Membru fejn jirrisjedi l-konjuġi tiegħu, għall-finijiet li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, id-dritt idderivat ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, ikun intemm mat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u ma jistax jinżamm iktar abbażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva. |
42 |
Madankollu, fil-każ previst fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, li jiġi rikjest għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tinbeda qabel it-tluq ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jista’ joffri lil dan tal-aħħar mezz ta’ pressjoni li jmur manifestament kontra l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittma ta’ tali atti u li jesponi minħabba dan il-fatt, u hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punti 87 u 88 tal-konklużjonijiet, lil din il-vittma għal rikatt għad-divorzju jew għat-tluq. |
43 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punt 51 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487), għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza abbażi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, il-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tista’ tinbeda wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju tiegħu ma nbdietx qabel it-tluq ta’ dan tal-aħħar mill-Istat Membru ospitanti ma jistax jinvoka ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ħlief sa fejn din il-proċedura tinbeda f’terminu raġonevoli wara tali tluq. |
44 |
Fil-fatt, għandu jitħalla liċ-ċittadin ikkonċernat tal-pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, iż-żmien suffiċjenti sabiex jeżerċita l-għażla bejn iż-żewġ possibbiltajiet li d-Direttiva 2004/38 toffrilu sabiex iżomm dritt ta’ residenza skont din id-direttiva li huma jew il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza personali skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, jew l-istabbiliment tiegħu fl-Istat Membru fejn jirrisjedi ċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jinżamm id-dritt idderivat tiegħu ta’ residenza. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-konjuġi ma għandux neċessarjament jgħix b’mod permanenti maċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex ikollu dritt idderivat ta’ residenza (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1985, Diatta, 267/83, EU:C:1985:67, punti 20 u 22, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 58). |
45 |
F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ngħaqadx mal-konjuġi tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha. Huwa beda l-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju fil‑5 ta’ Lulju 2018, jiġifieri kważi tliet snin wara t-tluq tal-konjuġi tiegħu u ta’ binthom mill-Istat Membru ospitanti, li ma jidhirx li jikkorrispondi għal terminu raġonevoli. |
46 |
Madankollu u fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tittrasponi l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ċittadin ta’ pajjiż terz li jsib ruħu fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domanda magħmula, sa fejn tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
48 |
Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti ta’ rinviju hija ammissibbli. |
Fuq il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38
49 |
Hemm lok li l-ewwel jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta humiex rilevanti meta, hekk kif il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jistax iwassal għal diskriminazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika, li l-konjuġi tagħhom huwa ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla ma’ dawk li l-konjuġi tagħhom huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz. |
50 |
L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-Karta, id-differenza fit-trattament li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi hija bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konjuġi awtur tal-atti ta’ vjolenza domestika, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[fil]-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita”, jikkorrispondi, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u għandu japplika konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
51 |
Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fihom ċittadin ta’ Stat Membru jissubixxi trattament diskriminatorju meta pparagunat maċ-ċittadini nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, abbażi biss tan-nazzjonalità tiegħu, u ma huwiex intiż sabiex japplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-pajjiżi terzi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 52). |
52 |
Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża sabiex tapplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, bħaż-żewġ kategoriji ta’ vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86. |
53 |
Isegwi li l-Artikolu 21 tal-Karta huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ validità mitlub mill-qorti tar-rinviju. |
54 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-Artikolu 20 tal-Karta, dan l-artikolu, li jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, ma jipprevedi ebda limitazzjoni speċifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u għaldaqstant japplika għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt id-Direttivi 2004/38 u 2003/86 (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (CETA UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 20 tal-Karta huwa rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-validità mitlub mill-qorti tar-rinviju. |
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta li hemm lok li tiġi evalwata l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. |
57 |
Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, prinċipji u għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sakemm is-sitwazzjonijiet ma jkunux komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (Opinjoni 1/17, CETA UE-Kanada, tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn dan jistabbilixxi sistema differenti minn dik prevista fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, filwaqt li t-tnejn li huma japplikaw, fil-fehma tagħha, f’sitwazzjonijiet identiċi. |
60 |
F’dan ir-rigward, fil-każ, l-ewwel, tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, b’mod partikolari meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeħtieġu dan, bħall-fatt li kienu vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ kien għadu jeżisti. Hekk kif huwa ppreċiżat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, dawn il-membri tal-familja jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom esklużivament fuq bażi personali. |
61 |
Il-benefiċċju taż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ dawn il-membri tal-familja, qabel il-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti huwa, madankollu, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri li l-persuna kkonċernata turi kemm li hija ħaddiema kif ukoll li għandha, għaliha nnifisha u għall-membri tal-familja tagħha, riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul it-tul tar-residenza tagħhom, u li huma kompletament koperti minn assigurazzjoni għall-mard f’dan l-Istat membru, kif ukoll li hija membru tal-familja, diġà kkostitwita fl-imsemmi Stat Membru, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. |
62 |
Għandu jiġi rrilevat li dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, li ċ-ċittadini tal-Unjoni stess huma obbligati jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza temporanja, għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn tliet xhur, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. |
63 |
Fl-aħħar nett, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-istess kundizzjonijiet huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. |
64 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ divorzju, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, jekk meħtieġ fuq talba, lill-persuni li jkunu daħlu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja u li l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 3 tal-punt 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE (COM(2014) 210 final), jiċċita bħala eżempju ta’ “ċirkostanzi diffiċli partikolari” l-każijiet ta’ vjolenza domestika. |
65 |
L-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali. |
66 |
B’hekk jidher li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu sistemi u kundizzjonijiet differenti. |
67 |
Hemm lok, għalhekk, li jiġi vverifikat jekk, minn naħa, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli f’dak li jikkonċerna ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fi Stat Membru, fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw iż-żewġ sitwazzjonijiet. |
Fuq l-għanijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86
68 |
Fir-rigward tal-iskop li għandu jintlaħaq mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi, fil-każ ta’ divorzju, annullament ta’ żwieġ jew tmiem ta’ sħubija rreġistrata, ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun issubixxa atti ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, meta ż-żwieġ jew is-sħubija rreġistrata kienu għadhom jeżistu, billi tagħtih dritt ta’ residenza personali fl-Istat Membru ospitanti. |
69 |
Id-Direttiva 2003/86 tikkondividi dan l-istess skop ta’ protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika peress li tipprevedi, fl-Artikolu 15(3) tagħha, li, f’każ b’mod partikolari ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ lill-persuni li jkunu daħlu permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja u li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ dan il-permess ta’ residenza f’każ ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli. |
70 |
Għaldaqstant, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 jikkondividu l-għan li tiġi żgurata protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. |
Fuq l-oqsma li jaqgħu taħthom id-Direttivi 2004/38 u 2003/86
71 |
Fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu taħthom id-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 12, 18, 40, 44 u 52 KE, li saru rispettivament l-Artikoli 18, 21, 46, 50 u 59 TFUE, jiġifieri fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, u b’hekk tagħmel parti mill-għan tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 3 TUE, li jiġi stabbilit suq intern, li jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni li fih din il-libertà fundamentali hija żgurata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. |
72 |
Hemm lok li jitfakkar li mill-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom, inkwantu l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi, barra minn hekk, waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern, stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri restrittivi għat-tneħħija), C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri huwa, barra minn hekk, mogħti lill-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom. |
74 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-drittijiet li jingħataw liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza minn ċittadin tal-Unjoni. L-iskop u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ tali drittijiet huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et, C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 63(3)(a) KE, li sar l-Artikolu 79 TFUE, jiġifieri abbażi tal-politika komuni tal-immigrazzjoni tal-Unjoni, politika intiża li tiżgura, fl-istadji kollha, ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji, trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu regolarment fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u ġlieda msaħħa kontrihom. |
76 |
F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni hija ġurisdizzjoni ta’ armonizzazzjoni. Regoli komuni huma, għalhekk, adottati permezz ta’ direttivi, bħad-Direttiva 2003/86, li l-Istati Membri huma obbligati jittrasponu fid-dritt intern tagħhom, fejn madankollu jistgħu jilleġiżlaw fuq il-kwistjonijiet mhux koperti mid-dritt tal-Unjoni u jidderogaw mir-regoli komuni sa fejn dan id-dritt jippermetti dan. |
Fuq l-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86
77 |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt ta’ residenza permanenti, fit-territorju tal-Istati Membri, taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. |
78 |
Fil-fatt, hekk kif dan jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma huwiex inkundizzjonat, iżda suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et. (Miżuri restrittivi għat-tneħħija), C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa, għalhekk, mid-Direttiva 2004/38 li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola, konformement ma’ dawn l-artikoli tat-Trattat FUE, dawn il-limitazzjonijiet u dawn il-kundizzjonijiet. |
79 |
F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar għandha bħala għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 6 tagħha, li tistabbilixxi, skont kriterji komuni, il-kundizzjonijiet materjali li fihom jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. |
80 |
Għalhekk, permezz tad-Direttiva 2003/86, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86
81 |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u sabiex issaħħaħ dan id-dritt fundamentali (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
It-twettiq tal-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament jeħtieġ ċertament li jintlaħqu wkoll l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-familja tiegħu u ta’ integrazzjoni tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jagħti dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin. Bl-istess mod, kien ġie deċiż li kundizzjonijiet favorevoli għall-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan ta’ moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, EU:C:1986:157, punt 28, u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 51). Madankollu, dawn l-għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ integrazzjoni huma sekondarji meta pparagunati mal-għan ewlieni ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
83 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, din tal-aħħar għandha bħala għan ewlieni li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tagħha (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 2004/38 u 2003/86
84 |
Fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, din is-setgħa hija limitata, bla ħsara għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 37 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 83). |
85 |
Min-naħa l-oħra, is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86 hija wiesgħa fir-rigward, preċiżament, tal-kundizzjonijiet għall-għoti, abbażi tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, ta’ permess ta’ residenza awtonomu, fil-każ ta’ divorzju, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa matul iż-żwieġ mill-isponsor. |
86 |
Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu, f’tali ipoteżi, l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali. |
87 |
Għalhekk, billi introduċa, fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86, riferiment għad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li kien xtaq iħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jiddetermina b’liema kundizzjonijiet permess ta’ residenza awtonomu kellu jinħareġ, f’każ ta’ divorzju, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal fit-territorju tiegħu skont ir-riunifikazzjoni tal-familja u li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa matul iż-żwieġ mill-konjuġi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Fi kwalunkwe każ, is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri ma għandhiex tintuża minnhom b’mod li tippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva u l-effett utli tagħha jew li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 50 u 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja l-fatt li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 it-tnejn għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, is-sistemi stabbiliti minn dawn id-direttivi jaqgħu taħt oqsma differenti fejn fosthom il-prinċipji, is-suġġetti u l-għanijiet tagħhom huma wkoll differenti. Barra minn hekk, il-benefiċjarji tad-Direttiva 2004/38 igawdu minn status differenti u minn drittijiet ta’ natura differenti minn dawk li jistgħu jinvokaw il-benefiċjarji tad-Direttiva 2003/86, u s-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-direttivi ma hijiex l-istess. Hija b’mod partikolari għażla magħmula mill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li ġiet irrikonoxxuta lilhom mill-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86 li wasslet għat-trattament differenti li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jilmenta dwaru. |
90 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/38, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz, li kienu vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn dan tal-aħħar u li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/86, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 20 tal-Karta, jiżgura l-osservanza tiegħu. |
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta. |
Fuq l-ispejjeż
92 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-eżami tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.