SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
20 ta’ Mejju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Artikolu 10 – Artikolu 11(1)(a) – Possibbiltà li l-assiguratur b’domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru jiġi mħarrek fi Stat Membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba mid-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni, mill-persuna assigurata jew minn benefiċjarju, quddiem il-qorti tal-post fejn ir-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu – Artikolu 13(2) – Azzjoni diretta mressqa mill-persuna leża kontra l-assiguratur – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Kunċett ta’ ‘persuna leża’ – Professjonist tas-settur tal-assigurazzjoni – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punti 2 u 5 tal-Artikolu 7 – Kunċetti ta’ ‘fergħa’, ta’ ‘aġenzija’ jew ta’ ‘stabbiliment ieħor’”
Fil-Kawża C‑913/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura
CNP spółka z ograniczoną odpowiedzialnością
vs
Gefion Insurance A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
Komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal CNP spółka z ograniczoną odpowiedzialnością, minn K. Janiec-Janowska, radca prawny, |
– |
għal Gefion Insurance A/S, minn I. Łyszkiewicz, radca prawny, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u B. Sasinowska, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati waqt is-seduta tal-14 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) moqri flimkien mal-Artikolu 10, u tal-punti 2 u 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CNP spółka z ograniczoną odpowiedzialnością (iktar ’il quddiem iċ-“CNP”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Polonja, u Gefion Insurance A/S (iktar ’il quddiem “Gefion”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fid-Danimarka, fir-rigward tal-kumpens għal danni kkawżati minn inċident tat-traffiku li seħħ fil-Polonja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1215/2012
3 |
Il-premessi 15, 18 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistipulaw:
[…]
[…]
|
4 |
Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, iddedikat għall-“[ġ]urisdizzjoni”, jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u li min-naħa tagħha tinkludi l-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan ir-regolament. |
5 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
6 |
Skont kliem l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.” |
7 |
It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tinkludi, b’mod partikolari l-Artikolu 7 ta’ dan tal-aħħar, li jistipula: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor: […]
[…]
[…]” |
8 |
It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni”, tinkludi l-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan tal-aħħar. |
9 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7.” |
10 |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi: “Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:
[…]”. |
11 |
L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jistipula: “Fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità jew assigurazzjoni fuq proprjetà immobbli, l-assiguratur jista’ jiġi mfittex ukoll fil-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment dannuż. L-istess japplika jekk proprjetà mobbli u immobli taqa’ taħt l-istess polza ta’ assigurazzjoni u t-tnejn jiġu affettwati ħażin bl-istess kontinġenza.” |
12 |
L-Artikolu 13(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità, l-assiguratur jista’ wkoll, jekk tippermetti l-liġi tal-qorti, jiġi kjamat fil-proċedimenti li l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun ressqet kontra l-assiguratur. 2. L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta tali azzjonijiet diretti jkunu permessi.” |
Id-Direttiva 2009/138/KE
13 |
L-Artikolu 145 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1; bir-rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, fil-ĠU 2016, L 262, p. 34 u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107), intitolat “Kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ fergħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriża tal-assigurazzjoni li tipproponi li tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha. Kull preżenza permanenti ta’ impriża fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal fergħa, anki fejn dik il-preżenza ma jkollhiex il-forma ta’ fergħa, iżda tikkonsisti biss f’uffiċċju amministrat mill-impjegati tal-impriża proprja jew minn persuna li tkun indipendenti iżda li jkollha l-awtorità permanenti biex taġixxi għall-impriża bħal ma kienet tagħmel aġenzija.” |
14 |
L-Artikolu 151 ta’ din id-direttiva, intitolat “Non-diskriminazzjoni ta’ persuni li jressqu klejms”, jindika: “L-Istat Membru ospitanti għandu jeħtieġ lill-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li tiżgura li l-persuni li għandhom klejms li joriġinaw minn avvenimenti li jseħħu fit-territorju tiegħu ma jitqiegħdux f’sitwazzjoni anqas favorevoli bħala riżultat tal-fatt li l-impriża tkun qiegħda tkopri riskju, ta’ xort’ oħra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 fil-Parti A tal-Anness I permezz ta’ provvista ta’ servizzi iktar milli permezz ta’ stabbiliment li jkun jinstab f’dak l-Istat.” |
15 |
L-Artikolu 152 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rappreżentant”, jipprovdi: “1. Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 151, l-Istat Membru ospitanti għandu jeħtieġ lill-impriża tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tiegħu li għandu jiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward ta’ klejms, u għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-impriża fir-rigward ta’ persuni li jsofru ħsara jew li jistgħu jsegwu klejms, inkluż il-pagament ta’ dawn il-klejms, u li jirrappreżentaha jew, meta neċessarju, li jara li tkun rappreżentata quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru f’relazzjoni għal dawn il-klejms. […] 3. Il-ħatra tar-rappreżentant ma għandhiex minnha nnifisha tfisser il-ftuħ ta’ fergħa għall-iskop tal-Artikolu 145. […]”. |
Id-dritt Pollakk
16 |
Konformement mal-Artikolu 1099 tal-kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-qorti adita għandha teżamina ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, l-eventwali nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwima u għandha tiddikjara t-talba inammissibbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jikkostitwixxi kawża ta’ nullità tal-proċedura. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali a d-domandi preliminari
17 |
Fit‑28 ta’ Frar 2018, seħħ inċident tat-traffiku fil-Polonja, fejn ħabtu żewġ vetturi. Il-persuna responsabbli għall-inċident kienet issottoskriviet, qabel dan l-inċident, kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ Gefion għar-responsabbiltà ċivili obbligatorja għal vetturi bil-mutur. |
18 |
Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-persuna leża kriet, bi ħlas, vettura ta’ sostituzzjoni mingħand il-garaxx tat-tiswija li lilu kienet ġiet fdata l-vettura maħbuta tagħha. Bħala ħlas għal dan is-servizz ta’ kiri, din il-persuna, abbażi ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, ittrasferixxiet il-kreditu fil-konfront ta’ Gefion lill-garaxx tat-tiswija. Fil‑25 ta’ Ġunju 2018, abbażi ta’ kuntratt ġdid ta’ trasferiment ta’ kreditu, il-garaxx tat-tiswija ttrasferixxa dan l-istess kreditu liċ-CNP. |
19 |
Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ġunju 2018, CNP talbet lill-Gefion tħallasha l-ammont iffatturat għall-kiri tal-vettura ta’ sostituzzjoni. Din l-ittra ntbagħtet fuq l-indirizz ta’ Polins spółka z ograniczoną odpowiedzialnością (iktar ’il quddiem “Polins”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fi Żychlin (il-Polonja) u, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, rappreżentant fil-Polonja tal-interessi ta’ Gefion. |
20 |
Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Awwissu 2018, Crawford Polska sp. z o.o., kumpannija stabbilita fil-Polonja u inkarigata minn Gefion biex tieħu r-responsabbiltà għall-ħlas tal-klejm, approvat parzjalment il-fattura dwar il-kiri tal-vettura ta’ sostituzzjoni u ħallset liċ-CNP parti mill-ammont iffatturat għal din il-kirja. |
21 |
Fil-parti finali ta’ din l-ittra, Crawford Polska indikat li klejm setgħet titressaq kontriha, fil-kwalità tagħha ta’ entità awtorizzata minn Gefion, jew direttament kontra Gefion, “kemm f’konformità mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, kif ukoll quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tas-sede tad-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, tal-persuna assigurata, tal-benefiċjarju jew tal-aventi kawża abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni”. |
22 |
Fl‑20 ta’ Awwissu 2018, CNP ħarrket lill-Gefion quddiem is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok, il-Polonja). Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dik il-qorti, CNP invokat l-informazzjoni ppubblikata minn Gefion li tgħid li r-rappreżentanta prinċipali tagħha fil-Polonja hija Polins. CNP talbet li n-notifiki indirizzati lil Gefion jintbagħtu fl-indirizz ta’ Polins. |
23 |
Fil-11 ta’ Diċembru 2018, l-imsemmija qorti ħarġet ordni ta’ ħlas. |
24 |
Gefion opponiet l-ordni ta’ ħlas billi kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwima. Fil-fatt, wara li osservat li ċ-CNP kienet teżerċita bħala professjoni l-attività ta’ xiri ta’ krediti fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, Gefion minn dan iddeduċiet li ċ-CNP ma kellhiex il-kwalità ta’ detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni, ta’ persuna assigurata jew ta’ benefiċjarju, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 u li għalhekk hija ma kellhiex il-possibbiltà li tressaq azzjonijiet ġudizzjarji fil-qasam tal-assigurazzjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru oħra għajr dik ta’ fejn l-assiguratur għandu s-sede tiegħu. |
25 |
Barra minn hekk, Gefion invokat is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe (C‑106/17, EU:C:2018:50), sabiex tiddikjara li, fid-dawl tal-funzjoni ta’ protezzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, persuna li teżerċita attività professjonali fil-qasam tal-irkupru ta’ krediti relatati ma kumpensi ta’ assigurazzjoni, fil-kwalità ta’ ċessjonarju kuntrattwali ta’ tali krediti, ma għandiex tibbenefika mill-protezzjoni speċifika kkostitwita mill-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament. |
26 |
Iċ-CNP irrispondiet li Gefion kienet iskritti fil-lista ta’ impriżi tal-assigurazzjoni tal-Istati Membri u tal-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li kienet is-suġġett ta’ notifika mal-Komisja Nadzoru Finansowego (il-Kumitat ta’ Superviżjoni Finanzjarja, il-Polonja), li hija kienet tbiegħ poloz tal-assigurazzjoni fil-Polonja u li ma jistax jiġi aċċettat li l-persuna li tixtri l-krediti ta’ persuna leża ma tistax titlob il-ħlas lura tal-ispejjeż ta’ tiswija inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tal-post ta’ fejn ġiet iġġenerata l-klejm u fejn seħħet it-tiswija. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, iċ-CNP tistax validament tinvoka r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012. B’mod iktar speċifiku hija tistaqsi lilha nnifisha jekk iċ-CNP, li hija impriża li xtrat, mingħand persuna leża, kreditu fil-konfront ta’ assiguratur li jirriżulta minn assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, tistax tibbenefika mill-protezzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima jirriżervaw għall-partijiet dgħajfa ta’ relazzjoni ġuridika. Skont l-imsemmija qorti, għandha pjuttost tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, b’mod iktar speċifiku tal-punt 2 tal-Artikolu 7 jew tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Fl-aħħar, hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija” jew ta’ “stabbiliment ieħor”, fis-sens ta’ dan il-punt 5 tal-Artikolu 7. |
28 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali ta’ Białystok) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
29 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jostakola li l-ġurisdizzjoni ġudizzjarja fil-każ ta’ tilwima bejn, minn naħa, professjonist li xtara kreditu miżmum, oriġinalment, minn persuna leża fil-konfront ta’ impriża tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili u, min-naħa l-oħra, din l-istess impriża tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili huwiex fondat, huwiex fondat, jekk ikun il-każ, b’mod awtonomu, fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7 jew fuq il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru°1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-persuni li għandhom id-domiċilju tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom, bħala prinċipju, jiġu mħarrka quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi madankollu, b’deroga, li dawn il-persuni jistgħu jiġu mħarrka quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor abbażi tar-regoli stipulati fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. |
32 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni”, din tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-assigurazzjoni (ara, b’analoġija, sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière u industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 29). |
33 |
Fil-fatt, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1215/2012 jispeċifika li, fil-qasam tal-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima 3, li tinkludi l-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-Artikolu 6 u tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. |
34 |
Minn dan isegwi li t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 tirregola l-ġurisdizzjoni ġudizzjarja b’mod awtonomu fil-qasam tal-assigurazzjoni, b’tali mod li, minbarra l-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti f’din it-Taqsima 3 nnifisha, huma esklużi, f’dan il-qasam, il-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni li ma humiex dawk li għalihom jagħmel speċifikament riferiment l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 6 u fil-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. |
35 |
Għalhekk, sa fejn l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jagħmilx riferiment għall-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ma hijiex applikabbli meta tilwima taqa’, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni ġudizzjarja, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. |
36 |
Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-kontenut tal-Artikolu 11(1)(a) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni analogi għal dawk li jinstabu, rispettivament, fl-Artikolu 4(1) u fil-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
37 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikoli 10 sa 12 tal-imsemmi regolament huma applikabbli fil-każ ta’ azzjoni diretta mressqa mill-persuna leża kontra l-assiguratur, meta l-azzjoni diretta tkun possibbli. |
38 |
F’dan ir-rigward, l-għan tar-riferiment hekk imwettaq fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament huwa li mal-lista ta’ persuni li jagħmlu talbiet, li tinsab fl-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmi regolament, jiġu miżjuda l-persuni li sofrew dannu, mingħajr ma ċ-ċirklu ta’ dawn il-persuni jiġi limitat għal dawk li sofrew id-dannu direttament (ara b’analoġija, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C-340/16, EU:C:2017:576, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Dan espost, għandu jitfakkar li l-għan tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa, skont il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament, li l-iktar parti dgħajfa f’kuntratt tiġi protetta permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li huma iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli huma favorevoli r-regoli ġenerali, u li tali għan jimplika li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-imsemmija taqsima ma tiġix estiża għal persuni li fir-rigward tagħhom din il-protezzjoni ma hijiex iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punti 27 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Issa, għalkemm ċessjonarju tad-drittijiet tal-persuna leża, li jista’ huwa nnifsu jitqies bħala parti dgħajfa, għandu jkun jista’ jibbenefika mir-regoli speċjali de ġurisdizzjoni ġudizzjarja ddefiniti fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 11(1)(b) u tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, madankollu ebda protezzjoni speċjali ma hija ġġustifikata fir-relazzjonijiet bejn professjonisti tas-settur tal-assigurazzjoni, li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jiġi preżunt li jinstab f’pożizzjoni ta’ djufija meta mqabbel mal-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punti 39 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li korp tas-sigurtà soċjali, ċessjonarju ipso jure tad-drittijiet tal-persuna li hija direttament leża f’inċident tat-traffiku, ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(b) u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalihom jikkorrispondu, rispettivament, l-Artikolu 11(1)(b) u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2021, sabiex jippreżenta azzjoni diretta quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-imsemmi inċident, u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li persuna li teżerċita attività professjonali fil-qasam tal-irkupru tal-krediti għall-ħlas ta’ kumpens tal-assigurazzjoni, bħala ċessjonarja kuntrattwali ta’ tali krediti, ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni speċjali li jikkostitwixxi l-forum actoris (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 43). |
43 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-attività taċ-CNP hija l-irkupru ta’ krediti mingħand impriżi tal-assigurazzjoni. Din iċ-ċirkustanza, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, ma tippermettix li din il-kumpannija tista’ titqies li hija parti f’pożizzjoni ta’ djufija meta mqabbla mal-parti avversarja, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li hija ma tistax tibbenefika mir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja previsti fl-Artikoli 10 sa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
44 |
Għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita b’tilwima bejn, minn naħa, professjonist li xtara kreditu fil-konfront ta’ impriża tal-assigurazzjoni, oriġinalment miżmum minn persuna leża, u, min-naħa l-oħra, din l-istess impriża tal-assigurazzjoni tistax tkun ibbażata fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7 jew fuq il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
45 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn talba mressqa minn assiguratur kontra assiguratur ieħor ma kinitx koperta mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, il-punt 2 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, jista’ jkun għal tali talba sakemm din tal-aħħar taqa’ taħt il-każijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C‑521/14, EU:C:2016:41, punt 31). |
46 |
B’analoġija, għandu jitqies li, fil-każ fejn it-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 ma hijiex applikabbli għal talba minħabba l-assenza ta’ parti f’pożizzjoni ta’ djufija meta mqabbla mal-parti l-oħra, jista’ jkun li din it-talba taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, u b’mod partikolari taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 jew taħt il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, anki jekk inkwistjoni jkun hemm tilwima fil-qasam tal-assigurazzjoni, dejjem sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà imposti mill-imsemmija dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli fil-każ ta’ tilwima bejn, minn naħa, professjonist li xtara kreditu miżmum, oriġinalment, minn persuna leża fil-konfront ta’ impriża tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili u, min-naħa l-oħra, din l-istess impriża tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, b’tali mod li huwa possibbli li l-ġurisdizzjoni ġudizzjarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar tali tilwima tkun ibbażata, jekk ikun il-każ, fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7 jew fuq il-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
Fuq it-tieni domanda
48 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija li teżerċita, fi Stat Membru, bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż ma impriża tal-assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’isem u għan-nom ta’ din tal-aħħar, attività ta’ likwidazzjoni ta’ danni fil-kuntest tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili obbligatorja għal vetturi bil-mutur għandha titqies bħala li hija fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
49 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li huwa biss b’deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa domiċiljat il-konvenut, li t-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn tkun tinsab fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor fir-rigward tal-kontestazzjonijiet dwar l-operat tagħhom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u restrittiv, u dan ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mill-istess regolament (ara, b’analoġija mal-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali hekk prevista fil-punt 5 tal-Artikoli 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati li jistgħu jieħdu konjizzjoni tal-kawża, li tiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni effettiva tal-proċeduri (ara, b’analoġija mal-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm żewġ kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kontestazzjoni tirrigwardax l-operat ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ stabbiliment ieħor, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
52 |
Fl-ewwel lok, il-kunċetti ta’ “fergħa” ta’ “aġenzija” jew ta’ “stabbiliment ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponu l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jkun jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali. Fit-tieni lok, it-tilwima għandha tikkonċerna jew atti li jirrigwardaw l-operat ta’ fergħa, jew impenji meħuda minnha f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn tinsab din il-fergħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48; tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 59, u tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 33). |
53 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm hemm żewġ kumpanniji li jirrappreżentaw l-interessi ta’ Gefion fil-Polonja, jiġifieri Polins u Crawford Polska, hija din tal-aħħar li ngħatat mandat minn Gefion sabiex twettaq il-likwidazzjoni tal-klejm inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandu jitqies li huwa fir-rigward tal-attività ta’ Crawford Polska li l-qorti tar-rinviju tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
54 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, Crawford Polska hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Pollakk, b’tali mod li hija għandha, bħala persuna ġuridika, eżistenza ġuridika indipendenti u hija mgħammra bi tmexxija. |
55 |
Barra minn hekk, skont il-kliem innifsu tal-mandat irċevut mingħand Gefion, Crawford Polska hija awtorizzata twettaq “trattament komplet tat-talbiet [għall-kumpens]”, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tispeċifika, barra minn hekk, li din għandha kompetenza sħiħa sabiex teżerċita attività li tipproduċi effetti ġuridiċi għall-impriża tal-assigurazzjoni u sabiex taġixxi f’isem u għan-nom ta’ Gefion. |
56 |
Għalhekk, hekk kif, essenzjalment, osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, bis-saħħa tal-imsemmi mandat, jidher li Crawford Polska għandha s-setgħa kollha sabiex teżerċita l-attività ta’ regolazzjoni u ta’ likwidazzjoni tal-klejms, fatt li jipproduċi effetti ġuridiċi għall-impriża tal-assigurazzjoni, b’tali mod li Crawford Polska għandha titqies bħala li hija ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali. |
57 |
Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan iċ-ċentru huwiex materjalment mgħammar b’mod li jkun jista’ jinnegozja ma’ terzi u li jeżentahom milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali. |
58 |
Fir-rigward tat-tieni kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għandiex titqies bħala li tirrigwarda atti relatati mal-operat ta’ Crawford Polska, għaliex din ma tirrigwardax id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali relatati mal-ġestjoni vera u proprja ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punt 13). |
59 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-punt li jsir magħruf jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwardax impenji meħuda minn Crawford Polska f’isem Gefion, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza ġie mfakkar li din tal-aħħar tat mandat lil din tal-ewwel sabiex twettaq ir-regolazzjoni u l-likwidazzjoni tal-klejm fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija Crawford Polska nnifisha li ħadet, f’isem u għan-nom ta’ Gefion, id-deċiżjoni li tagħti liċ-CNP biss parti mill-kumpens mitlub. Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk din iċ-ċirkustanza jkollha tiġi kkonfermata mill-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li Crawford Polska ma kinitx sempliċi intermedjarja inkarigata mit-trażmissjoni tal-informazzjoni, iżda kkontribwixxiet b’mod attiv għas-sitwazzjoni ġuridika li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk din it-tilwima għandha titqies, fid-dawl tal-involviment ta’ Crawford Polska fir-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, bħala li tirrigwarda impenji meħuda minn Crawford Polska f’isem Gefion (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punti 34 u 35). |
60 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument magħmul, b’mod inċidentali, mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll minn Gefion u mill-Kummissjoni Ewropea, li jgħid li l-kunċetti ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija u ta’ “stabbiliment ieħor”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandhom jinftehmu fid-dawl tad-Direttiva 2009/138, b’mod partikolari tal-kunċetti ta’ “preżenza permanenti” u ta’ “rappreżentant” previsti fl-Artikoli 145 u 152 ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, fil-kuntest tas-sistema u tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, u konformement mal-kriterji speċifiċi żviluppati mill-ġurisprudenza dwar l-imsemmija dispożizzjoni. |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija li teżerċita, fi Stat Membru, bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż ma impriża tal-assigurazzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’isem u għan-nom ta’ din tal-aħħar, attività ta’ likwidazzjoni ta’ danni fil-kuntest tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili obbligatorja għal vetturi bil-mutur għandha titqies bħala li hija fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din il-kumpannija:
|
Fuq l-ispejjeż
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.