SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax‑xogħol – Artikolu 2(1) – Kunċetti ta’ ‘perijodu ta’ serħan’ u ‘ħin tax‑xogħol’ – Taħriġ professjonali obbligatorju segwit fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega”

Fil-Kawża C‑909/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal‑Appell ta’ Iaşi, ir‑Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

BX

vs

Unitatea Administrativ Teritorială, D.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Wellman u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑punti 1 u 2 tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2003, Vol. 299, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BX u l-Unitatea Administrativ Teritorială D. (l-Unità Amministrattiva u Territorjali ta’ D., ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Lokali ta’ D.”) fuq ir-remunerazzjoni ta’ BX għall‑perijodi ta’ taħriġ professjonali segwiti fil-kuntest tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, fil‑paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”.

5

L-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl‑Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 186, p. 105), jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jkunu jirrikjedu li impjegatur jipprovdi t-taħriġ lil ħaddiem sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol li jkun ġie impjegat għalih, dan it-taħriġ għandu jingħata lill-ħaddiem mingħajr ħlas, jgħodd bħala ħin tax-xogħol u, fejn possibbli, għandu jsir waqt il‑ħinijiet tax-xogħol.”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 111 tal-Codul muncii (il-Kodiċi tax-Xogħol) jipprovdi:

“Ħin tax-xogħol ifisser kull perijodu li waqtu l-impjegat ikun ix-xogħol, għad‑dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u fit-twettiq tal-attività jew tal‑funzjonijiet tiegħu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, tal-kuntratt kollettiv applikabbli u/jew tal‑leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

7

Skont l-Artikolu 112(1) ta’ dan il-kodiċi, it-tul normali tal-ħin tax‑xogħol, għall‑ħaddiema impjegati full-time huwa ta’ 40 siegħa fil‑ġimgħa, permezz ta’ 8 sigħat fil-ġurnata.

8

L-Artikolu 120 tal-imsemmi kodiċi, dwar id-definizzjoni legali u l‑kundizzjonijiet tax-xogħol supplimentari, jipprevedi:

“1)   Ix-xogħol imwettaq barra l-ħin normali tax-xogħol fil-ġimgħa, previst fl‑Artikolu 112, jitqies li huwa xogħol supplimentari.

2)   Ix-xogħol supplimentari ma jistax jitwettaq mingħajr il-kunsens tal‑impjegat, ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri jew għal xogħol urġenti intiż li jiġu evitati inċidenti jew sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ inċident.”

9

L-Artikolu 196 tal-Kodiċi tax-Xogħol, dwar ir-regolamentazzjoni tal‑attività ta’ taħriġ professjonali, jipprovdi:

“1)   Il-parteċipazzjoni fit-taħriġ professjonali tista’ sseħħ fuq l‑inizjattiva tal‑persuna li timpjega jew tal-impjegat.

2)   Il-modalitajiet konkreti ta’ taħriġ professjonali, id-drittijiet u l‑obbligi tal‑partijiet, it-tul tat-taħriġ professjonali kif ukoll kull kwistjoni oħra relatata magħhom, inklużi l-obbligi kuntrattwali tal‑impjegat fil-konfront tal-persuna li timpjega li tkun sostniet l‑ispejjeż li jirriżultaw mit-taħriġ professjonali, għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim komuni bejn il-partijiet u għandhom ikunu s‑suġġett ta’ emendi għall-kuntratti ta’ xogħol.”

10

L-Artikolu 197 ta’ dan il-kodiċi, dwar l-ispejjeż tat-taħriġ professjonali u d‑drittijiet tal-impjegat, huwa fformulat kif ġej:

“1)   Meta min jimpjega jieħu l-inizjattiva għall-parteċipazzjoni f’kors jew f’taħriġ professjonali, huwa għandu jsostni l-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn din il-parteċipazzjoni.

2)   Kemm jekk jipparteċipa f’kors jew f’taħriġ professjonali fil‑kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-ħaddiem għandu dritt, matul il‑perijodu kollu tat-taħriġ professjonali, għar-remunerazzjoni sħiħa tiegħu.

3)   Il-perijodu li matulu l-impjegat jipparteċipa f’kors jew f’taħriġ professjonali taħt il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandu jgħodd għall‑anzjanità fis-servizz tiegħu, fejn dan il-perijodu jitqies li jkun perijodu ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-istat.”

11

Skont l-Artikolu 2(1) tal-ordin nr. 96 pentru aprobarea Criteriilor de performanță privind constituirea, încadrarea și dotarea serviciilor voluntare și a serviciilor private pentru situații de urgență (id-Digriet Nru 96, dwar l-Approvazzjoni tal‑Kriterji ta’ Prestazzjoni dwar l‑Istabbiliment, il-Klassifikazzjoni u l-Għoti tas‑Servizzi Volontarji u tas-Servizzi Privati għas-Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza), tal‑14 ta’ Ġunju 2016 (Monitorul Oficial al României, Nru 469 tat-23 ta’ Ġunju 2016), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 96/2016”), l‑amministrazzjoni lokali, l‑uffiċjali u l‑operaturi ekonomiċi/istituzzjonijiet huma marbuta li jikkostitwixxu servizzi volontarji jew servizzi privati għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, skont il-każ, kif ukoll uffiċjali ta’ servizzi privati għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkostitwiti bħala kumpanniji fornitriċi ta’ servizzi li jkollhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan id-digriet.

12

Skont l-Artikolu 9(1)(j) tal-kriterji ta’ prestazzjoni li jikkonċernaw l‑istabbiliment, il-klassifikazzjoni u l-għoti ta’ servizzi volontarji u ta’ servizzi privati għas‑sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif approvati bid‑Digriet Nru 96/2016 (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ prestazzjoni”):

“Għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni formali dwar l-istabbiliment tas-servizz volontarju jew tas-servizz privat, għandhom jiġu ppreżentati d‑dokumenti li ġejjin, skont il-każ:

[…]

j)

dokumenti li jiċċertifikaw il-kwalifika jew il-kompetenzi professjonali speċifiċi;

[…]”.

13

Skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-kriterji ta’ prestazzjoni, il-kap tad‑dipartiment jifforma parti mill-pożizzjonijiet speċifiċi ta’ servizzi volontarji u ta’ servizzi privati.

14

Skont l-Artikolu 17 tal-kriterji ta’ prestazzjoni:

“Il-persunal irreklutat għall-pożizzjonijiet speċifiċi msemmija fl‑Artikolu 14(1), u dak li jimla l-pożizzjonijiet ta’ kap tad-dipartiment u ta’ kap ta’ tim speċjalizzat għandhom ikollhom il-kwalifika jew il‑kompetenzi professjonali speċifiċi, iċċertifikati skont ir-regolamenti fis-seħħ.”

15

Mill-Artikolu 28(a) tal-kriterji ta’ prestazzjoni jirriżulta li l-kap tad‑dipartiment volontarju għandu jkollu l-awtorizzazzjoni formali tal‑Ispettorat (spezzjoni) tad‑dipartiment kompetenti, skont il-mudell previst fl-Anness Nru 4 tad-Digriet Nru 96/2016.

16

L-Artikolu 50(1) tal-Ordonanța Guvernului României nr. 129/2000 privind formarea profesională a adulților (l-Ordinanza tal-Gvern Rumen Nru 129/2000 dwar it-taħriġ professjonali tal-adulti), tat-31 ta’ Awwissu 2000, fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Nru 110 tat-13 ta’ Frar 2014), jipprovdi:

“L-impjegat għandu jirċievi r-remunerazzjoni stabbilita skont il-kuntratt ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-ħin tax-xogħol normali tiegħu matul il‑perijodu li matulu huwa jipparteċipa fi programm ta’ taħriġ professjonali ffinanzjat mill‑persuna li timpjega.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

BX huwa impjegat mill-amministrazzjoni tal-komun ta’ D. fi ħdan is‑servizz volontarju għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Il-pożizzjoni msemmija fil-kuntratt ta’ xogħol tagħha hija dik ta’ “kap tad‑dipartiment tal-prevenzjoni (pumpier) 541101, skont il‑klassifikazzjoni tal-professjonijiet fir-Rumanija”. BX iwettaq ix‑xogħol tiegħu full-time, bi 8 sigħat kuljum u 40 siegħa fil-ġimgħa.

18

Sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 28(a) tal‑kriterji ta’ prestazzjoni, bħala kundizzjoni neċessarja għall‑organizzazzjoni u l-eżerċizzju tal‑attività ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, BX irċieva istruzzjonijiet mingħand il‑persuna li timpjegah sabiex isegwi 160 siegħa ta’ taħriġ professjonali. Dan it-taħriġ twettaq matul ix-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2017, bis‑saħħa ta’ kuntratt ta’ taħriġ professjonali ffirmat mill‑amministrazzjoni tal-komun ta’ D. ma’ impriża ta’ taħriġ professjonali, kuntratt li fih BX deher bħala l-benefiċjarju finali. L‑imsemmi taħriġ seħħ fil-bini ta’ din l-impriża, mill-15.00 sat-20.00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-13.00 sas-18.00 nhar ta’ Sibt, u mis-13.00 sas-19.00 nhar ta’ Ħadd. Fl-aħħar nett, fost is-sigħat ta’ taħriġ segwiti minn BX, 124 seħħew barra mill-ħinijiet tax-xogħol normali tiegħu.

19

BX ħarrek lill-amministrazzjoni tal-komun ta’ D. quddiem it-Tribunalul Vaslui (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui, ir-Rumanija) sabiex jikseb, b’mod partikolari, il‑kundanna tagħha għall-ħlas ta’ dawn il-124 siegħa bħala sigħat supplimentari.

20

Wara ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, BX appella quddiem il-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iaşi, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju.

21

Din il-qorti tenfasizza, preliminarjament, li għalkemm ir‑remunerazzjoni tal‑impjegat hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li s-soluzzjoni tal‑kawża prinċipali tiddependi fuq il‑kwistjoni preliminari li jsir magħruf dwar jekk il-ħin li r-rikorrent fil‑kawża prinċipali ddedika għat-taħriġ professjonali, imwettaq fuq talba tal-persuna li timpjega, fis-sede tal-fornitur ta’ servizzi professjonali u barra mill-ħin tax-xogħol normali, għandux jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol jew perijodu ta’ serħan, fis-sens tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/88.

22

Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li mil-leġiżlazzjoni Rumena, kif interpretata mill‑qrati nazzjonali, jirriżulta li l-ħin iddedikat għat-taħriġ professjonali ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħin tax‑xogħol tal-impjegat, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu dritt biss għar-remunerazzjoni li tikkorrispondi għas-sigħat ta’ xogħol normali, indipendentement mit-tul u mill-perijodu iddedikat għat-taħriġ professjonali.

23

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il‑klassifikazzjoni bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, ta’ perijodu ta’ preżenza tal-ħaddiem tiddependi mill-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni tal‑persuna li timpjegah. Il-fattur determinanti, f’dan ir-rigward, huwa l‑fatt li l-impjegat huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi xierqa minnufih fil-każ ta’ bżonn.

24

Sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l‑possibbiltà li l‑ħaddiema jkunu jistgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom mingħajr ostakoli kbar u jiddedikaw ruħhom għall-interessi tagħhom stess huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien inkwistjoni ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, hemm lok li wieħed jikkonkludi li l-ħin iddedikat għall‑formazzjoni professjonali, fuq talba tal-persuna li timpjega, jikkostitwixxi ħin tax‑xogħol.

25

B’dan premess, tali konklużjoni ma tirriżultax b’mod ċar mill‑ġurisprudenza, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑87/14, EU:C:2015:449), li fiha l‑Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ħin ta’ taħriġ għat-tobba tal-isptarijiet mhux konsulenti, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

26

Madankollu, f’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda dubju li l‑parteċipazzjoni fit-taħriġ professjonali, segwit mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega barra mill‑ħinijiet tax-xogħol, f’komun differenti minn dak tad-domiċilju, sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni formali neċessarja għall-organizzazzjoni u għall-eżerċizzju tas-servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi ndħil fl-eżerċizzju sħiħ u liberu tad-dritt għal serħan, peress li l-persuna kkonċernata batiet il-kostrizzjoni li rriżultat, minn perspettiva ġeografika u temporali, min-neċessità li jiġi żgurat it‑taħriġ professjonali. Għalhekk, il-ħin iddedikat għat-taħriġ professjonali ma jistax jitqies li josserva r-rekwiżiti tad-definizzjoni tal-“perijodu ta’ serħan”, fis‑sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretata mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tevoka l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2019/1152, li minnu jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jikklassifika bħala ħin tax-xogħol il-ħin li ħaddiem jiddedika għal taħriġ għat-twettiq tax-xogħol li għalih ikun impjegat. Madankollu, din id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

28

Din il-qorti żżid li, għalkemm il-ħin iddedikat għat-taħriġ ta’ impjegat ma kellux jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, fis-sens tal‑Artikolu 2(l) tad‑Direttiva 2003/88, għandu jiġi konkluż li l-punt 2 tal-Artikolu 2, u l-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ din id-direttiva, li huma relatati, rispettivament, mas-serħan ta’ kuljum, mas-serħan fil-ġimgħa u mal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, kif ukoll mal‑Artikolu 31(2) tal-Karta, li jipprovdi, b’mod partikolari, li kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, u għal perijodi ta’ serħan kuljum u kull ġimgħa, jipprekludu kull interferenza tal‑eżerċizzju liberu tal-ħin ta’ serħan kuljum u kull ġimgħa tal‑impjegat, inkluż dak li jikkonċerna l-attivitajiet periferiċi, awżiljari jew anċillari għar-relazzjoni tax-xogħol, bħal, f’dan il-każ, dawk li jimplikaw il-parteċipazzjoni f’taħriġ professjonali.

29

Issa, skont l-istess qorti, għalkemm il-parteċipazzjoni f’taħriġ professjonali matul il-ħin normali tax-xogħol titqies, mil-leġiżlazzjoni Rumena, bħala perijodu ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat, u tgħodd għall-anzjanità fil-pożizzjoni u tippermetti lill‑impjegat jirċievi r-remunerazzjoni relatata, din il‑leġiżlazzjoni, min‑naħa l-oħra, ma tirregolax is-sitwazzjoni li fiha t-taħriġ professjonali jseħħ barra l-ħin tax-xogħol normali u hija ma timponi ebda obbligu fuq il-persuna li timpjega fir-rigward tal-ħinijiet ta’ taħriġ u lanqas xi limitazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-ħin tax-xogħol fil‑ġimgħa. Għalhekk, hija tistaqsi jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tistabbilixxi obbligu ta’ taħriġ professjonali tal-impjegat, ma timponix fuq il-persuna li timpjega lil dan tal-aħħar l-obbligu li tosserva l-perijodu ta’ serħan tal‑impjegat fir-rigward tal-ħin ta’ parteċipazzjoni f’dan it-taħriġ.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-perijodu li matulu impjegat isegwi taħriġ professjonali li huwa impost fuqu, li jseħħ barra mill-ħin normali tax-xogħol tiegħu, fis-sede tal‑fornitur tas-servizzi ta’ taħriġ, barra mill-post tax-xogħol tiegħu u li matulu ma jeżerċitax il‑funzjonijiet tax-xogħol tiegħu, huwa ‘ħin tax‑xogħol’?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u d-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva [2003/88] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tistabbilixxi l-ħtieġa għat‑taħriġ professjonali tal-impjegat, ma tobbligax lill-persuna li timpjega tirrispetta l-perijodu ta’ mistrieħ tal-impjegat sa fejn dan jikkonċerna ż‑żmien li matulu għandhom jiġu segwiti l-korsijiet ta’ taħriġ?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda r‑remunerazzjoni li għaliha ħaddiem qiegħed jallega li għandu dritt għal perijodi ta’ taħriġ professjonali li huwa kellu jwettaq fuq istruzzjoni tal-persuna li timpjegah.

32

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bl‑eċċezzjoni tal‑ipoteżi partikolari dwar il-leave annwali mħallas, imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva sempliċement tirregola ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax‑xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar‑remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Madankollu, peress li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal‑kawża prinċipali, il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ professjonali segwiti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tiddependi mill-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula, li jirrigwardaw din il‑klassifikazzjoni.

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu ħaddiem isegwi taħriġ professjonali li jiġi impost fuqu mill‑persuna li timpjegah, li jseħħ barra mill-post abitwali tax-xogħol tiegħu, fil‑bini tal-fornitur tas‑servizzi ta’ taħriġ, u li matulu ma jeżerċitax il-funzjonijiet abitwali tiegħu, jikkostitwixxi ħin tax-xogħol, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha l‑għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi li jtejbu l‑kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol. Din l‑armonizzazzjoni fil-livell tal‑Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal‑ħin tax-xogħol hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas‑saħħa tal‑ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan — b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa — kif ukoll minn perijodi ta’ pawża adegwati, u billi tipprevedi limitu massimu għat-tul ta’ xogħol fil-ġimgħa (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

36

Id-diversi regoli li d-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi fil-qasam tat-tul massimu tax‑xogħol u tal-ħin minimu ta’ serħan jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal‑Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem u li tagħhom l-osservanza ma għandhiex tkun suġġetta għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika. Billi tistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, l-imsemmija direttiva tippreċiża d-dritt fundamentali espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 31(2). Isegwi b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiema jisiltu minnha (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punti 2627 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

37

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il‑ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l‑attivitajiet jew id-doveri tiegħu”. Fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il‑kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” huwa ddefinit negattivament bħala kull perijodu li ma huwiex ħin tax‑xogħol.

38

B’hekk, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” huma esklużivi waħda mill-oħra. Il-perijodu ta’ taħriġ professjonali ta’ ħaddiem għandu għalhekk jiġi kklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol”, jew bħala “perijodu ta’ serħan” għall‑finijiet tal-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/88, peress li din tal-aħħar ma tipprevedix kategorija intermedja (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għan tad‑Direttiva 2003/88. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura l-effett sħiħ ta’ din id-direttiva kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fattur determinanti sabiex jitqies li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad‑Direttiva 2003/88, ikunu preżenti huwa l-fatt li l-ħaddiem ikun marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill‑persuna li timpjega u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ din tal‑aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu minnufih fil-każ ta’ bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 33).

41

F’dan il-kuntest, il-post tax-xogħol għandu jinftiehem bħala kull post fejn il‑ħaddiem jissejjaħ jeżerċita attività fuq ordni tal-persuna li timpjegah, inkluż meta dan il-post ma jkunx il-post fejn abitwalment iwettaq l-attività professjonali tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ pagamenti ta’ penalità f’post irtirat), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 34).

42

Issa, meta ħaddiem jirċievi istruzzjonijiet mingħand il-persuna li timpjegah sabiex isegwi taħriġ professjonali sabiex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet li huwa jokkupa u li, barra minn hekk, din il-persuna li timpjega stess tkun iffirmat il‑kuntratt ta’ taħriġ professjonali mal‑impriża msejħa biex tipprovdi dan it-taħriġ, hemm lok li jitqies li, matul il-perijodi ta’ taħriġ professjonali, dan il-ħaddiem jinsab għad‑dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, fis-sens tal-punt 1 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

43

Għandu jiġi enfasizzat li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li, f’dan il-każ, l‑obbligu ta’ BX li jsegwi taħriġ professjonali jirriżulta mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali peress li, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, BX kien diġà impjegat mill‑amministrazzjoni tal-komun ta’ D. fil‑pożizzjoni li għaliha kien meħtieġ it-taħriġ professjonali u, min-naħa l-oħra, din l‑amministrazzjoni kienet marbuta li tobbliga lil BX isegwi dan it-taħriġ sabiex ikun jista’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu.

44

Huwa wkoll irrilevanti l-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li l‑perijodi ta’ taħriġ professjonali jinżammu, kollha jew parzjalment, barra mill-ħin normali tax‑xogħol, peress li, għall-finijiet ta’ “ħin tax‑xogħol”, id-Direttiva 2003/88 ma tiddistingwix skont jekk dan il-ħin jitwettaqx fil-kuntest tas-sigħat normali tax‑xogħol (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 51).

45

Barra minn hekk, il-fatt li t-taħriġ professjonali inkwistjoni ma jseħħx fuq il-post abitwali ta’ xogħol tal-ħaddiem, iżda fil-bini tal-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ taħriġ, ma jneħħi xejn mill-fatt li, b’dan il-mod, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il‑ħaddiem ikun marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjega u, konsegwentement, ma jipprekludix, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is‑sentenza, li jiġu kklassifikati l-perijodi ta’ taħriġ inkwistjoni bħala “ħin tax‑xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

46

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-attività li ħaddiem iwettaq matul il-perijodi ta’ taħriġ professjonali hija distinta minn dik li huwa jwettaq fil-kuntest tal‑funzjonijiet abitwali tiegħu lanqas ma jipprekludi li dawn il-perijodi jiġu kklassifikati bħala ħin tax-xogħol fil-każ fejn it-taħriġ professjonali jiġi segwit fuq l-inizjattiva tal‑persuna li timpjega u fejn, konsegwentement, il-ħaddiem ikun suġġett, fil‑kuntest tal-imsemmi taħriġ, għall-istruzzjonijiet tagħha.

47

Għandu jintqal ukoll li l-interpretazzjoni hekk mogħtija hija kkorroborata mill‑għan tad-Direttiva 2003/88, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-ġurisprudenza, imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva għad‑detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jislet minnha. Fil-fatt, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-punt 1 tal‑Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li ma tippermettix li jiġu inklużi l‑perijodi ta’ taħriġ professjonali mwettqa mill-ħaddiem fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjegah, tkun tista’ tippermetti lil dan tal-aħħar jimponi fuq il-ħaddiem, li huwa l-parti dgħajfa fir-relazzjoni tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 44, u tas-17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 51), obbligi ta’ taħriġ barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol, għad-detriment tad-dritt tal-ħaddiem li jibbenefika minn serħan suffiċjenti.

48

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-perijodi ta’ taħriġ professjonali ta’ BX għandhom jitqiesu li huma ħin tax-xogħol, fis-sens tal-punt 1 tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/88, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar‑rinviju.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall‑ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-punt 1 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑perijodu li matulu ħaddiem isegwi taħriġ professjonali impost fuqu mill-persuna li timpjegah, li jseħħ barra mill-post abitwali tax-xogħol tiegħu, fil-bini tal-fornitur tas-servizzi ta’ taħriġ, u li matulu ma jeżerċitax il-funzjonijiet abitwali tiegħu, jikkostitwixxi “ħin tax‑xogħol”, fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑perijodu li matulu ħaddiem isegwi taħriġ professjonali impost fuqu mill‑persuna li timpjegah, li jseħħ barra mill-post abitwali tax-xogħol tiegħu, fil-bini tal-fornitur tas-servizzi ta’ taħriġ, u li matulu ma jeżerċitax il‑funzjonijiet abitwali tiegħu, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal‑kawża: ir-Rumen.