SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal‑protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(c) – Kunċett ta’ “theddid serju u individwali” kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rekwiżit ta’ numru minimu ta’ vittmi ċivili (mejta u midrubin) fir-reġjun ikkonċernat”
Fil-Kawża C‑901/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura
CF,
DN
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal CF u DN, minn A. Kazak, Rechtsanwältin, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u D. Dubois, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Tomkin u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn CF u DN, żewġ ċittadini Afgani, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesminister des Innern, für Bau und Heimat (il-Ministru Federali tal-Intern, tal-Kostruzzjoni u tat-Territorju), li min-naħa tiegħu huwa rrappreżentat mid-Direttur tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ CF u ta’ DN. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 6, 12, 13, u 33 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. […] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut. […]” |
6 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Protezzjoni interna”, huwa fformulat kif ġej: “1. Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż tal-oriġini, hu jew hi:
u hu jew hi jista’ jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment għal u jidħol f’dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b’mod raġonevoli jissetilja hemmhekk. 2. Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Periklu serju”: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
8 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.” |
Id-dritt Ġermaniż
9 |
Id-Direttiva 2011/95 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal‑Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil, BGBl. 2008 I p. 1798) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”). |
10 |
L-Artikolu 3e tal-AsylG, intitolat “Protezzjoni ġewwa l-pajjiż”, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza ta’ alternattiva ta’ protezzjoni interna u jipprevedi: “(1) L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija meta:
(2) Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti mill-pajjiż ta’ oriġini tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet ġenerali f’din il-parti tal-pajjiż u s-sitwazzjoni personali tal-barrani, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE. Għal dan il-għan, informazzjoni preċiża u aġġornata għandha tinkiseb minn sorsi rilevanti, pereżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.” |
11 |
L-Artikolu 4(1) u (3) tal-AsylG jiddefinixxi, billi jittrasponi l‑Artikoli 2 u 15 tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja f’dan il-kliem: “(1) Barrani jista’ jistenna protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji u ssostanzjati sabiex jitwemmen li huwa f’riskju li jsofri dannu serju fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Huma kkunsidrati bħala dannu serju:
[…] L-Artikoli 3c sa 3e għandhom japplikaw mutatis mutandis. Persekuzzjoni, protezzjoni minn persekuzzjoni u biża’ fondat ta’ persekuzzjoni huma mibdula bir-riskju ta’ perikolu serju, protezzjoni kontra ħsara serja u riskju veru li jsofru perikolu serju; l-istatus ta’ refuġjat huwa ssostitwit bil-protezzjoni sussidjarja.” |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
CF u DN huma żewġ ċivili Afgani, li joriġinaw mill-provinċja ta’ Nangarhar. L-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil li huma ppreżentaw. Ir-rikorsi ppreżentati mill-persuni kkonċernati quddiem il-qrati amministrattivi ta’ Karlsruhe u ta’ Freiburg ma kellhomx suċċess. |
13 |
CF u DN ippreżentaw appell quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg il-Ġermanja) fejn talbu li jingħataw protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 4 tal-AsylG. |
14 |
F’dan il-kuntest, dik il-qorti qiegħda tfittex li tikseb kjarifiki dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja fil-każ ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ persuna ċivili minħabba “vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat”, fis-sens tal-Artikolu 15(c), moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95. |
15 |
Fil-fatt, minkejja l-preċiżazzjonijiet magħmula fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kriterji applikabbli sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ vjolenza meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddid serju u individwali minħabba vjolenza indiskriminata f’każ ta’ kunflitt armat. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-qrati l-oħra f’dan il-qasam ma hijiex uniformi. Minkejja li xi drabi saret evalwazzjoni globali abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, approċċi oħra huma essenzjalment ibbażati fuq analiżi relatata sostanzjalment man-numru ta’ vittmi ċivili. |
16 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex jiġi kkonstatat li persuna, li ma hijiex milquta speċifikament minħabba elementi inerenti għas-sitwazzjoni personali tagħha, issofri theddid serju u individwali, il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) dwar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-AsylG, li jittrasponi l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, titbiegħed b’mod sinjifikattiv minn dik ibbażata fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, imwettqa minn qrati oħra tal-Istati Membri u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
17 |
Skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-konstatazzjoni ta’ theddid serju u individwali (subit minn persuni li ma humiex esposti għal riskju speċifiku minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom) neċessarjament tippreżupponi evalwazzjoni kwantitattiva tar-“riskju ta’ mewt jew ta’ ġrieħi”, espress skont in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata meta mqabbel man-numru totali ta’ individwi li fiha l-popolazzjoni taż-żona, u r-riżultat miksub obbligatorjament ikollu jilħaq ċertu livell minimu. Jekk dan il-livell ma jintlaħaqx, ma għandha ssir l-ebda evalwazzjoni addizzjonali tal-intensità tar-riskju u lanqas evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni ma tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ theddid serju u individwali. |
18 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ CF u DN, il-qorti tar-rinviju tindika li ma kinitx konvinta li dawn, minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom, huma affettwati speċifikament mill-vjolenza li teżisti fil-provinċja ta’ Nangarhar. Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fil-qasam tas-sigurtà f’din il-provinċja, u b’mod partikolari tal-fatt li r-reġjun huwa t-teatru ta’ ġlied bejn diversi partijiet fil-kunflitt frammentati ħafna (inklużi gruppi terroristiċi) u strettament marbuta mal-popolazzjoni ċivili, u li ebda parti ma hija f’pożizzjoni li tikkontrolla effettivament ir-reġjun jew li tipproteġi l-popolazzjoni ċivili li hija vittma tar-ribelli u tal-forzi governattivi, hija tikkunsidra li CF u DN, jekk jiġu rritornati realment, jinkorru, minħabba l-fatt biss tal-preżenza tagħhom, ir-riskju reali li jissubixxu theddid serju u individwali minħabba l-vjolenza indiskriminata ġġenerata mill-kunflitt. Barra minn hekk, fid-dawl tal-profil partikolarment vulnerabbli tagħhom, jekk CF u DN ikollhom jirritornaw lejn l-Afganistan, huma lanqas ma jkollhom alternattiva aċċettabbli ta’ refuġju ġewwa l-pajjiż, peress li jkun, b’mod ġenerali, irraġonevoli li huma jistabbilixxu ruħhom f’postijiet oħra possibbli (bħal Kabul, Herat u Mazar‑e Sharif). |
19 |
Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, jekk issir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi oħra li jiġġeneraw riskji, il-livell attwali ta’ vjolenza li tirrenja fil-provinċja ta’ Nangarhar għandu jitqies li huwa tant għoli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma għandhomx aċċess għall-protezzjoni ġewwa l-pajjiż, ikunu mhedda serjament imqar minħabba l-preżenza biss tagħhom fit-territorju inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali tiddependi prinċipalment min-numru ta’ vittmi ċivili, it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiżi sabiex jiksbu l-protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu miċħuda. |
20 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ fejn persuna ċivili ma hijiex imsemmija speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ din il-persuna ċivili minħabba “vjolenza indiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-relazzjoni bejn in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata u n-numru totali ta’ individwi li jikkostitwixxu l-popolazzjoni ta’ din iż-żona tilħaq limitu ddeterminat. |
22 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/95, adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(b) TFUE, hija intiża, fost l-oħrajn, li tistabbilixxi sistema uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja. F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa li tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mad-definizzjoni tal-kliem “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u tal-kliem “status ta’ protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(g) tagħha, jirriżulta li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja msemmija f’din id-direttiva għandu, bħala prinċipju, jingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil kull persuna mingħajr stat li, fil-każ tar-ritorn tagħha, fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż tar-residenza abitwali tagħha, tkun f’riskju reali li ssofri dannu serju skont it-tifsira tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Għandu jitfakkar ukoll li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2011/95 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013 u li din il-bidla ta’ standard ma wasslet għal ebda emenda tas-sistema legali tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja u lanqas fir-rigward tan-numerazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, il-kliem tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 huwa strettament identiku għal dak tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83, b’tali mod li l-ġurisprudenza li tikkonċerna din it-tieni dispożizzjoni hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna apolida ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 37). |
25 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi tliet tipi ta’ “periklu serju” li l-karatterizzazzjoni tagħhom hija ta’ natura li twassal, għall-persuna li ssofri minnhom, għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Fir-rigward tal-motivi taħt il-punt (a), jiġifieri “piena tal-mewt jew eżekuzzjoni”, u taħt il-punt (b), jiġifieri riskju ta’ “tortura jew trattamenti inumani”, dan il-“periklu serju” jkopri sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja jkun espost speċifikament għar-riskju ta’ preġudizzju ta’ tip partikolari (sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 32). |
26 |
Min-naħa l-oħra, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-preġudizzju ddefinit fl-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, ikkostitwit minn “theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna” tal-applikant, ikopri riskju ta’ perikolu “iktar ġenerali” minn dak imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu. Għalhekk jissemma b’mod iktar wiesa’ “theddid […] għall-ħajja jew għall-persuna” ta’ persuna ċivili, iktar milli vjolenzi speċifiċi. Barra minn hekk, dan it-theddid huwa inerenti għal sitwazzjoni ġenerali ta’ kunflitt armat li tagħti lok għal “vjolenza indiskriminata”, li jimplika li din tista’ testendi għal persuni irrispettivament mis-sitwazzjoni personali tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 33 u 34). |
27 |
Fi kliem ieħor, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja jipproduċi l-prova li huwa affettwat speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu. |
28 |
Fil-fatt, f’dan il-kuntest, it-terminu “individwali” għandu jinftiehem bħala li jkopri l-perikoli diretti kontra persuni ċivili mingħajr kunsiderazzjoni tal-identità tagħhom, meta l-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat kurrenti, evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aditi b’applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew mill-qrati ta’ Stat Membru li għalihom isir riferiment ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni, jilħaq livell tant għoli li jkunu jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li jekk persuna ċivili tintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, tinkorri riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tagħha fit-territorju tiegħu, kif previst mill-Artikolu 15(c) tal-imsemmija direttiva (sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji, C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 35). |
29 |
F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex il-konvinzjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom, huma affettwati speċifikament mill-vjolenza li teżisti fil-provinċja ta’ Nangarhar. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fil-qasam tas-sigurtà f’din il-provinċja, ir-rikorrenti, kieku jintbagħtu lura, jinkorru, bis-sempliċi fatt tal-preżenza tagħhom, riskju reali li jġarrbu theddid serju u individwali minħabba l-vjolenza indiskriminata kkawżata mill-kunflitt. |
30 |
Madankollu, kif tfakkar ukoll fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-konstatazzjoni ta’ tali theddid serju u individwali tippreżupponi neċessarjament evalwazzjoni kwantitattiva tar-“riskju ta’ mewt u ta’ korriment”, espress mir-relazzjoni bejn in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata u n-numru totali ta’ individwi li jikkostitwixxu l-popolazzjoni ta’ din iż-żona, liema relazzjoni għandha obbligatorjament tilħaq ċertu livell minimu. Jekk dan il-livell minimu ma jintlaħaqx, ma ssir ebda evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. |
31 |
Issa, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward u, minn naħa, li l-kriterju użat mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), li jgħid li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, tippreżupponi li n-numru ta’ vittmi diġà kkonstatati, fir-rigward tal-popolazzjoni kollha fir-reġjun ikkonċernat, jilħaq limitu ddeterminat, jista’, ċertament, jitqies li huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali theddid. |
32 |
Fil-fatt, proporzjon għoli bejn in-numru totali ta’ persuni ċivili li jgħixu fir-reġjun ikkonċernat u l-vittmi effettivi tal-vjolenza mwettqa mill-partijiet fil-kunflitt kontra l-ħajja jew l-integrità fiżika tal-persuni ċivili f’dan ir-reġjun jista’ jwassal għall-konklużjoni li fil-futur jista’ jkun hemm vittmi ċivili oħra fl-imsemmi reġjun. Tali konstatazzjoni tippermetti għalhekk li tiġi stabbilita l-eżistenza tat-theddid serju msemmi fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
33 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat, min-naħa l-oħra, li din l-istess konstatazzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-uniku kriterju determinanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, l-assenza ta’ tali konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex teskludi sistematikament u fiċ-ċirkustanzi kollha l-eżistenza ta’ riskju ta’ tali theddid, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, minħabba f’hekk, twassal awtomatikament u mingħajr eċċezzjonijiet għall-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja. |
34 |
Fil-fatt, tali approċċ imur kontra, fl-ewwel lok, l-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 intiża sabiex tagħti l-protezzjoni sussidjarja lil kull persuna li teħtieġ tali protezzjoni. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 12 ta’ din id-direttiva, l-għan prinċipali tagħha huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, filwaqt li joffrulhom status xieraq. |
35 |
Issa, l-applikazzjoni sistematika mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ kriterju kwantitattiv wieħed, li jista’ jkun suġġett għal sogru fir-rigward tal-affidabbiltà tiegħu fid-dawl tad-diffikultà konkreta li jiġu identifikati sorsi ta’ informazzjoni oġġettivi u indipendenti qrib żoni ta’ kunflitt armat, bħal numru minimu ta’ vittmi ċivili, midrubin jew mejta, sabiex jirrifjutaw l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, tista’ twassal lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jirrifjutaw l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bi ksur tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jidentifikaw il-persuni li għandhom bżonn ġenwinament din il-protezzjoni sussidjarja. |
36 |
Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni tista’ tħeġġeġ lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali sabiex imorru fl-Istati Membri li ma japplikawx il-kriterju ta’ limitu ddeterminat ta’ vittmi diġà kkonstatati jew li għandhom, f’dan ir-rigward, livell inqas għoli, li jista’ jinkoraġġixxi prattika ta’ forum shopping intiża sabiex jiġu evitati r-regoli implimentati mid-Direttiva 2011/95. Issa, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 13 ta’ din id-direttiva, l-approssimazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat u tal-protezzjoni sussidjarja għandha, b’mod partikolari, tikkontribwixxi għal-“limitazzjoni tal-moviment sekondarju tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri”, fil-każijiet fejn dan il-moviment huwa dovut biss għad-differenzi li jeżistu bejn il-qafas legali tal-Istati Membri. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ fejn persuna ċivili ma tissemmiex speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ din il-persuna ċivili minħabba “vjolenza indiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-relazzjoni bejn in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata u n-numru totali ta’ individwi li jikkostitwixxu l-popolazzjoni ta’ din iż-żona tilħaq limitu ddeterminat. |
Fuq it-tieni domanda
38 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema rekwiżiti oħra għandhom jiġu ssodisfatti għal dan il-għan. |
39 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “theddida serja u individwali” għall-ħajja jew għall-persuna tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. |
40 |
Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, huwa meħtieġ teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari ta’ dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant. |
41 |
Fil-fatt, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata skont l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, anki jekk din l-applikazzjoni ma tinvokax elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-applikant, mill-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li tali applikazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali, li għall-finijiet tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sensiela sħiħa ta’ elementi. |
42 |
Fost dawn l-elementi hemm, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(3)(a) ta’ din id-direttiva, “il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni”. |
43 |
B’mod iktar speċifiku, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati fil-preżenza u t-tul tal-kunflitt bħala elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju reali ta’ danni serji fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 35), bħal elementi oħra bħall-portata ġeografika tas-sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata, id-destinazzjoni effettiva tal-applikant fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż jew fir-reġjun ikkonċernat u l-aggressjoni eventwalment intenzjonali kontra persuni ċivili eżerċitata mill-belliġerenti. |
44 |
Minn dan isegwi li l-applikazzjoni sistematika mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ kriterju, bħal numru minimu ta’ vittmi ċivili, midrubin jew mejta, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ intensità ta’ kunflitt armat, mingħajr ma jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-protezzjoni sussidjarja, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 sa fejn din tista’ twassal lil dawn l-awtoritajiet biex jirrifjutaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni, bi ksur tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jidentifikaw il-persuni li għandhom bżonn ġenwinament tal-imsemmija protezzjoni. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari ta’ dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant. |
Dwar l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.