Kawża C‑897/19 PPU
Proċedura kriminali
kontra
I.N.
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovni sud)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ April 2020
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ŻEE – Nondiskriminazzjoni – Artikolu 36 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen – Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-Islanda u n-Norveġja, min-naħa l-oħra – Estradizzjoni ta’ ċittadin Islandiż lejn Stat terz – Protezzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru kontra l-estradizzjoni – Assenza ta’ protezzjoni ekwivalenti għaċ-ċittadini ta’ Stat ieħor – Ċittadin Islandiż li kien kiseb l-ażil bis-saħħa tad-dritt nazzjonali qabel akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża – Restrizzjoni tal-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u ċ-ċittadini ta’ Stat terz li huwa Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles – Esklużjoni
(Artikolu 18 TFUE)
(ara l-punti 39, 40)
Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadin ta’ Stat terz li huwa Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles – Esklużjoni
(Artikoli 20 u 21 TFUE)
(ara l-punti 39, 41)
Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Portata legali identika għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni – Ċittadin ta’ Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li huwa Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li mar fi Stat Membru sabiex hemmhekk jibbenefika minn servizzi – Inklużjoni – Konsegwenza – Sitwazzjoni tal-imsemmi ċittadin li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
(Artikolu 56 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 36)
(ara l-punti 49, 50, 52 sa 54)
Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Talba minn Stat terz indirizzata lil Stat Membru u intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li huwa Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li mar fl-imsemmi Stat Membru sabiex hemmhekk jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Stat Membru li jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess – Obbligu għal dan l-Istat Membru li jinforma lill-Istat tal-EFTA u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-Istat tal-aħħar, jikkonsenjalu ċ-ċittadin tiegħu, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja konkluż bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat tal-EFTA – Kundizzjoni
(Ftehim ŻEE, Artikolu 36; Ftehim bejn l-Unjoni u l-Islanda u n-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja)
(ara l-punti 56, 57, 59, 60, 62, 69, 70, 71, 75 sa 77, u d-dispożittiv)
Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Talba minn Stat terz indirizzata lil Stat Membru u intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li huwa Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li mar fl-imsemmi Stat Membru sabiex hemmhekk jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Obbligu li jiġu vverifikati l-garanziji previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Elementi ta’ evalwazzjoni – Għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-imsemmi ċittadin, qabel l-akkwist tan-nazzjonalità tal-Istat tal-EFTA – Natura partikularment serja ta’ dan il-fatt
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 19(2); Ftehim ŻEE, Artikolu 36)
(ara l-punti 63 sa 68, 77, u d-dispożittiv)
Sunt
Meta Stat Membru jkun meħtieġ jiddeċiedi dwar talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, dan l-Istat Membru għandu jivverifika li dan iċ-ċittadin ma huwiex ser ikun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti
Qabel jikkunsidra li jeżegwixxi t-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Istat tal-EFTA dwarha sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu
Fis-sentenza Ruska Federacija (C‑897/19 PPU), mogħtija fit-2 ta’ April 2020 fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar l-obbligi ta’ Stat Membru li jkun meħtieġ jiddeċiedi dwar talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex Membru tal-Unjoni Ewropea iżda li huwa Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) u Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ( 1 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru rikjest għandu jivverifika, qabel kollox, konformement mal-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li, fil-każ ta’ estradizzjoni, l-individwu kkonċernat ma huwiex ser ikun espost għar-riskju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Issa, fil-kuntest ta’ din il-verifika, jikkostitwixxi element partikolarment serju l-fatt li l-individwu kkonċernat, qabel akkwista n-nazzjonalità tal-Istat tal-EFTA kkonċernat, kien ingħata l-ażil minn dan l-Istat, preċiżament minħabba l-proċeduri li wasslu għat-talba għal estradizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, qabel jikkunsidra li jeżegwixxi din it-talba, l-imsemmi Stat Membru għandu jinforma lill-Istat tal-EFTA dwarha sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jitlob il-konsenja taċ-ċittadin tiegħu, bil-kundizzjoni li l-imsemmi Stat tal-EFTA jkollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra dan iċ-ċittadin fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.
F’din il-kawża, fl-20 ta’ Mejju 2015, ċittadin Russu kien is-suġġett ta’ avviż għal tfittxija internazzjonali ppubblikat mill-uffiċju ta’ Interpol f’Moska. Fit-30 ta’ Ġunju 2019, dan iċ-ċittadin, li fil-frattemp kien akkwista n-nazzjonalità Islandiża, ġie arrestat fil-Kroazja fuq il-bażi tal-imsemmi avviż għal tfittxija internazzjonali. Fis-6 ta’ Awwissu 2019, l-awtoritajiet Kroati saritilhom talba għal estradizzjoni mir-Russja. Il-qorti Kroata responsabbli sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-estradizzjoni qieset li l-kundizzjonijiet legali kienu ssodisfatti u awtorizzat din l-estradizzjoni.
L-individwu kkonċernat għalhekk talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja). F’dan il-kuntest huwa invoka l-eżistenza ta’ riskju ta’ tortura u ta’ trattamenti inumani u degradanti fil-każ ta’ estradizzjoni lejn ir-Russja u l-fatt li, qabel ma kien kiseb in-nazzjonalità Islandiża, l-Islanda kienet irrikonoxxietlu l-istatus ta’ refuġjat, preċiżament minħabba l-proċeduri li kien is-suġġett tagħhom fir-Russja. Huwa allega wkoll nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza Petruhhin ( 2 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li ssirlu talba għal estradizzjoni fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u li jkun jinsab fit-territorju tiegħu, għandu jinforma b’din it-talba lil dan l-Istat Membru tal-aħħar u, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, għandu jikkonsenjalu l-imsemmi ċittadin, konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 3 ), bil-kundizzjoni li l-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità dan iċ-ċittadin ikollu l-kompetenza li jiftaħ proċeduri għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.
Fil-kawża ineżami, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kienx hemm lok li tiġi segwita l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Petruhhin f’sitwazzjoni li ma tikkonċernax ċittadin tal-Unjoni iżda ċittadin Islandiż, sa fejn l-Islanda hija Stat tal-EFTA u Parti fil-Ftehim ŻEE.
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal din is-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, hija indikat li, sa fejn ma huwiex involut ċittadin tal-Unjoni li mar fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu iżda huwa involut ċittadin ta’ Stat terz, l-Artikoli 18 TFUE (projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità) u 21 TFUE (libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni) , interpretati fis-sentenza Petruhhin, ma humiex applikabbli għall-kawża ineżami. Madankollu, is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, li jagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni bħala ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, qabel kollox, ir-relazzjonijiet privileġġati li l-Islanda għandha mal-Unjoni sa fejn, minbarra li hija Membru taż-żona ta’ Schengen u Parti fil-Ftehim ŻEE, l-Islanda tipparteċipa fis-sistema ta’ ażil Ewropew komuni u kkonkludiet ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja mal-Unjoni ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi osservat li l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE jiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dan b’mod essenzjalment identiku għall-Artikolu 56 TFUE. Fl-aħħar nett, hija ddeċidiet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kemm fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE u kemm fis-sens tal-Ftehim ŻEE, tinkludi l-libertà li wieħed imur fi Stat ieħor sabiex hemmhekk jibbenefika minn servizz, li kien il-każ fil-kawża ineżami sa fejn iċ-ċittadin Islandiż xtaq iqatta’ l-vaganzi tiegħu fil-Kroazja u, għalhekk, xtaq jibbenefika minn servizzi marbuta mat-turiżmu hemmhekk.
Fit-tieni lok, wara li indikat li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma wkoll intiżi li japplikaw, peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 19(2) tal-Karta, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jiġi estradit lejn Stat li fih ikun hemm riskju serju li ser jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti oħra. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru li jkun irċieva t-talba għal estradizzjoni għandu jivverifika, qabel jgħaddi għall-eventwali eżekuzzjoni tagħha, li din l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija f’dan l-artikolu. Għal dan il-għan, hija enfasizzat li, fil-kawża ineżami, il-fatt li l-individwu kkonċernat kien ingħata l-ażil fl-Islanda jikkostitwixxi element partikolarment serju għall-finijiet ta’ din il-verifika. Dan jgħodd iktar u iktar f’sitwazzjoni fejn dan l-għoti kien ibbażat preċiżament fuq il-proċeduri kriminali li wasslu għat-talba għal estradizzjoni. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi, bħalma hija bidla importanti fis-sitwazzjoni fir-Russja jew elementi li juru li l-individwu kkonċernat kien naqas milli jsemmi l-imsemmija proċeduri kriminali meta ppreżenta l-applikazzjoni għal ażil tiegħu, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Islandiżi li tilqa’ din it-talba għandha twassal lill-Kroazja sabiex tirrifjuta l-estradizzjoni.
Fit-tielet lok, fil-każ, b’mod partikolari, li l-Istat Membru li rċieva t-talba għal estradizzjoni jqis li l-Karta ma tipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali, bħalma huwa l-każ fil-Kroazja, jintroduċu differenza fit-trattament sa fejn iwasslu sabiex iċ-ċittadini tal-Istati l-oħra tal-EFTA, li huma Parti fil-Ftehim ŻEE, ma jingħatawx l-istess protezzjoni kontra l-estradizzjoni. B’hekk, dawn ir-regoli jistgħu jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi osservat li tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fil-każ biss li tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati mal-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jinsabu f’territorju li ma jkunx dak li fih ikunu allegatament wettqu r-reat invokat huwa ta’ natura leġittima. Barra minn hekk, regoli li jippermettu l-estradizzjoni ta’ dawn il-persuni lejn Stat terz jidhru li huma adegwati sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan. Madankollu, fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ tali restrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għandu jiġi pprivileġġat l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat tal-EFTA li tiegħu l-persuna kkonċernata jkollha n-nazzjonalità, sabiex dan l-Istat jingħata l-opportunità jressaq talba għall-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin għall-finijiet ta’ ftuħ ta’ proċeduri. Fir-rigward tal-Islanda, peress li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tapplikax, tali konsenja tista’ tkun possibbli fuq il-bażi tal-Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma simili ħafna għal dawk tad-Deċiżjoni Qafas.
B’hekk, bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Petruhhin għandha tiġi applikata b’analoġija għal ċittadin Islandiż li jinsab, fil-konfront tal-Istat terz li jkun qiegħed jitlob l-estradizzjoni tiegħu, f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli għal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li lilu, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni toffri spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni.
( 1 ) Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3).
( 2 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630); ara wkoll l-Istqarrija għall-Istampa Nru 84/2016.
( 3 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).
( 4 ) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja (ĠU 2006, L 292, p. 2), approvat, f’isem l-Unjoni, permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/835/UE tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2014, L 343, p. 1) u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2019.