Kawżi magħquda C‑363/19 P u C‑364/19 P

Fiat Chrysler Finance Europe

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑8 ta’ Novembru 2022

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali, u li tordna l-irkupru tagħha – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Vantaġġ – Natura selettiva – Prinċipju ta’ distakkament – Qafas ta’ referenza – Dritt nazzjonali applikabbli – Tassazzjoni msejħa ‘normali’”

  1. Appell – Aggravji – Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d) u Artikolu 169(2))

    (ara l-punti 52, 53)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent mill-Istat f’oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Tassazzjoni diretta – Inklużjoni – Kompetenzi tal-Istati Membri – Limiti

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 65, 66, 119 sa 121)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Parametru rilevanti sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura – Introduzzjoni, bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, ta’ differenzazzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta’ sistema fiskali ġenerali

    (Artikolu 107(1)TFUE)

    (ara l-punti 67, 68, 70, 122)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ impriża integrata – Qafas ta’ referenza sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni ratione materiae – Kriterji – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali ordinarja jew normali – Eżami tat-trattament fiskali tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali biss sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet konkreti tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 69, 71 sa 74, 92 sa 105)

  5. Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Stħarriġ tal-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lill-fatti tat-tilwima – Inklużjoni

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

    (ara l-punti 82 sa 85)

Sunt

Fiat Chrysler Finance Europe, li kienet Fiat Finance and Trade Ltd (iktar ’il quddiem “FFT”), tagħmel parti mill-grupp tal-karozzi Fiat/Chrysler u tipprovdi servizzi ta’ teżorerija u ta’ finanzjament lill-kumpanniji ta’ dan il-grupp stabbiliti fl-Ewropa. Peress li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, FFT kienet talbet mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment. Wara din it-talba, l-awtoritajiet Lussemburgiżi adottaw deċiżjoni bil-quddiem li tapprova metodu ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ FFT, inkwantu kumpannija integrata, għas-servizzi pprovduti lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp Fiat/Chrysler, fatt li kien jippermetti lil FFT tiddetermina kull sena l-profitt taxxabbli tagħha għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2015 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni kkunsidrat li din id-deċiżjoni bil-quddiem kienet tikkostitwixxi għajnuna għal funzjonament inkompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien naqas milli jinnotifikalha l-abbozz relatat u ma kienx għalhekk osserva l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

Kemm il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u kemm FTT ippreżentaw rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Billi ċaħdet dawn ir-rikorsi ( 2 ), il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ivvalidat l-approċċ tal-Kummissjoni li skontu, fil-preżenza ta’ sistema fiskali li ssegwi l-għan ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji residenti kollha, irrispettivament minn jekk ikunux integrati jew le, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament għall-finijiet tad-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza tkun ġġustifikata indipendentement mill-inkorporazzjoni ta’ dan il-prinċipju fid-dritt nazzjonali.

Adita b’żewġ appelli, ippreżentati din id-darba minn FFT u mill-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u sussegwentement, hija u tiddeċiedi definittivament fuq it-tilwima, tannulla wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan il-kuntest, hija tagħmel preċiżazzjonijiet ġodda dwar jekk deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem mogħtija mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li japprovaw metodoloġiji ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ miżuri fiskali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-eżami tal-kundizzjoni dwar il-vantaġġ selettiv jimplika, fl-ewwel lok, li tiġi ddeterminata s-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u sussegwentement li jintwera, fit-tieni lok, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema, sa fejn din tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din tal-aħħar, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, mingħajr madankollu ma jkun hemm ġustifikazzjoni fid-dawl tan-natura jew tal-istruttura tas-sistema inkwistjoni.

B’mod iktar preċiż, id-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha toħroġ minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali u, f’oqsma li ma humiex oqsma li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, bħat-tassazzjoni diretta, din għandha ssir, kif huwa l-każ għat-tassazzjoni diretta, fid-dawl biss tad-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar in-natura selettiva. Dan japplika b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa u tal-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk, f’dan il-każ, billi kkonfermat il-metodoloġija tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali ddelimitatx b’mod xieraq is-sistema ta’ referenza rilevanti u, b’estensjoni, applikatx b’mod korrett il-prinċipju ta’ distakkament, hija kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika tad-dritt nazzjonali li tista’ tkun is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta ddefinixxiet is-sistema ta’ referenza għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni bil-quddiem inkwistjoni tagħtix vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tagħha, il-Kummissjoni ma wettqitx paragun mas-sistema ta’ tassazzjoni normalment applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, wara eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, hija applikat prinċipju ta’ distakkament distint minn dak iddefinit fid-dritt Lussemburgiż billi sempliċement identifikat l-espressjoni astratta ta’ dan il-prinċipju fl-għan imfittex mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Lussemburgu, u eżaminat id-deċiżjoni bil-quddiem inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-mod kif l-imsemmi prinċipju huwa konkretament inkorporat f’dan id-dritt fir-rigward b’mod partikolari tal-kumpanniji integrati.

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, meta kkonfermat tali approċċ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, meta aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tinvoka regoli li ma jagħmlux parti mid-dritt Lussemburgiż, hija kisret id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-adozzjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ miżuri ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, b’mod partikolari l-Artikolu 114(2) u l-Artikolu 115 TFUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, qabelxejn, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni, l-eventwali ffissar tal-metodi u tal-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat riżultat ta’ “distakkament” jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li huma biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma rilevanti għall-finijiet tal-analiżi ta’ jekk tranżazzjonijiet partikolari għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament u, jekk ikun il-każ, jekk il-prezzijiet ta’ trasferiment, li fuqhom tkun ibbażata l-bażi tad-dħul taxxabbli minn persuna taxxabbli u t-tqassim ta’ dan id-dħul fost l-Istati kkonċernati, humiex differenti jew le minn riżultat f’kundizzjonijiet ta’ distakkament.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ppreveda regoli speċifiċi għad-determinazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ distakkament fir-rigward tal-kumpanniji ta’ finanzjament ta’ grupp, bħalma hija FFT, li madankollu ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-analiżi tas-sistema ta’ referenza u, b’estensjoni, tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti lil FFT.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza, is-sentenza Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni ( 3 ) ma tikkorroborax il-pożizzjoni li l-prinċipju ta’ distakkament huwa applikabbli meta d-dritt fiskali nazzjonali jkun intiż li jintaxxa lill-kumpanniji integrati u lill-kumpanniji awtonomi bl-istess mod, indipendentement minn jekk dan il-prinċipju ġiex inkorporat f’dan id-dritt u minn kif ġie inkorportat. Fil-fatt, f’dik il-kawża, kien fid-dawl tar-regoli ta’ tassazzjoni stabbiliti fid-dritt nazzjonali rilevanti, jiġifieri d-dritt Belġjan, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kellu jintuża l-prinċipju ta’ distakkament.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tqis li l-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża u, filwaqt li taqta’ l-kawża, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tar-regoli effettivament applikabbli skont id-dritt nazzjonali rilevanti u, għaldaqstant, fl-identifikazzjoni tat-taxxa msejħa “normali” li fir-rigward tagħha kellha tiġi evalwata d-deċiżjoni bil-quddiem inkwistjoni jivvizzja r-raġunament kollu marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, b’mod partikolari, li l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba l-iżball ta’ liġi mwettaq minn din tal-aħħar ma jistax jiġi evitat minħabba l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod sussidjarju, raġunament ibbażat fuq l-Artikolu 164(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa Lussemburgiż u fuq iċ-Ċirkulari Nru 164/2 marbuta miegħu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dan ir-raġunament sempliċement jagħmel riferiment għall-analiżi prinċipali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni korretta tas-sistema ta’ referenza, b’tali mod li jirrimedja biss b’mod superfiċjali l-iżball tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza li kellha tkun il-bażi tal-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2326 tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38375 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu għal Fiat (ĠU 2016, L 351, p. 1).

( 2 ) Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il-Lussemburgu u Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑755/15 u T‑759/15, EU:T:2019:670).

( 3 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416).