Kawża C821/19

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas16 ta’ Novembru 2021

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttivi 2013/32/KE u 2013/33/UE – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Kunċetti ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’ u tal-‘ewwel pajjiż ta’ ażil’ – Għajnuna mogħtija lill-applikanti għall-ażil – Kriminalizzazzjoni – Projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona tal-fruntiera tal-Istat Membru kkonċernat”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Motivi – Eżistenza ta’ pajjiż terz bla periklu – Eżistenza tal-ewwel pajjiż ta’ ażil – Applikazzjoni ppreżentata minn persuna li wettqet tranżitu minn pajjiż li kien jiżguralha livell xieraq ta’ protezzjoni jew li fih hija ma kinitx esposta għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serji – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33)

(ara l-punti 33, 34)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ titqies bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Motiv – Eżistenza ta’ pajjiż terz bla periklu – Kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu – Rekwiżit ta’ rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat – Tranżitu tal-applikant mill-imsemmi pajjiż – Assenza ta’ rabta suffiċjenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli abbażi ta’ tali motiv – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33(2)(c) u 38(2)(a))

(ara l-punti 36 sa 42, u d-dispożittiv 1)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Assistenza lill-imsemmija applikanti – Kampijiet ta’ applikazzjoni – Assistenza pprovduta sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil minn persuna konxja mill-impossibbiltà tagħha li tirnexxi – Inklużjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 8(2) u 22(1), u 2013/33, Artikolu 10(4))

(ara l-punti 79, 87, 92, 93)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Assistenza lill-imsemmija applikanti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona kriminalment assistenza pprovduta sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil minn persuna konxja mill-impossibbiltà tagħha li tirnexxi – Inammissibbiltà – Restrizzjoni għad-drittijiet stabbiliti mill-imsemmija direttivi – Ġustifikazzjoni – Assenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 8(2) u 22(1), u 2013/33, Artikolu 10(4))

(ara l-punti 95, 96, 99, 115 sa 117, 133, 134, 138, 143, 144, u d-dispożittiv 1)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Preżunzjonijiet – Inammissibbiltà – Rikors li jirrigwarda l-kontenut u l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, mhux ikkontestati mill-Istat Membru kkonċernat – Issodisfar tar-rekwiżiti ta’ prova

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punt 106)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Projbizzjoni li d-dritt tal-Unjoni jiġi invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv – Preżenza ta’ prattika frawdolenti jew abbużiva – Obbligu li jiġi rrifjutat il-benefiċċju tad-dritt tal-Unjoni

(ara l-punt 111)

7.        Drittijiet Fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Aċċess għal qorti li tiżgura r-rispett tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni – Neċessità għad-detentur tad-dritt li jikser id-dritt nazzjonali u li jesponi ruħu għas-sanzjoni marbuta ma’ dan ir-reat – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punt 124)

8.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Assistenza lill-imsemmija applikanti – Reat ikkostitwit mill-għoti ta’ għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil minn persuna konxja mill-impossibbiltà tagħha li tirnexxi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lil kull persuna ssuspettata b’tali reat mid-dritt milli tersaq lejn il-fruntieri esterni – Inammissibbiltà – Restrizzjoni għad-drittijiet stabbiliti mill-imsemmija direttivi – Ġustifikazzjoni – Assenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikoli 8(2), 12(1)(c) u 22(1), u 2013/33, Artikolu 10(4))

(ara l-punti 154, 163, 164, u d-dispożittiv 1)


Sunt

Billi ssanzjonat kriminalment l-attività ta’ organizzazzjoni intiża li tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali minn persuni li ma jissodisfawx il-kriterji nazzjonali għall-għoti ta’ din il-protezzjoni, l-Ungerija kisret id-dritt tal-Unjoni. Il-kriminalizzazzjoni ta’ din l-attività tikser l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

Fl‑2018, l-Ungerija emendat ċerti liġijiet dwar il-miżuri kontra l-immigrazzjoni irregolari u adottat, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li, minn naħa, introduċew motiv ġdid ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal ażil u, min-naħa l-oħra, ipprevediet l-kriminalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ organizzazzjoni intiżi li jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal ażil, minn persuni li ma jkollhomx dritt għall-ażil skont id-dritt Ungeriż, kif ukoll restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment għall-persuni ssuspettati li jkunu wettqu tali reat.

Billi qieset li, meta adottat dawn id-dispożizzjonijiet, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-direttivi “proċeduri” (1) u “akkoljenza” (2), il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ltaqgħet bħala Awla Manja, laqgħet il-parti prinċipali tar-rikors tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva “proċeduri” (3), billi ppermettiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant ikun wasal fit-territorju tagħha minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, jew li fih livell adegwat ta’ protezzjoni jkun żgurat. Fil-fatt, id-Direttiva “proċeduri” (4) telenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli. Issa, il-motiv ta’ inammissibbiltà introdott mil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma jikkorrispondi għal ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet (5).

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-direttivi “proċeduri” (6) u “akkoljenza” (7), billi ssanzjonat kriminalment fid-dritt intern tagħha l-aġir ta’ kull persuna li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, tipprovdi għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ażil fit-territorju tagħha, meta jkun jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li din il-persuna kienet konxja mill-fatt li din l-applikazzjoni ma setgħetx tintlaqa’, skont dan id-dritt.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, minn naħa, jekk il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tipprevedi dan ir-reat tikkostitwixxix restrizzjoni għad-drittijiet li jirriżultaw mid-direttivi “proċeduri” u “akkoljenza” u, min-naħa l-oħra, jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

Għalhekk, fl-ewwel lok, wara li vverifikat li ċerti attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali msemmija mid-Direttivi “proċeduri” u “akkoljenza” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din tikkostitwixxi restrizzjoni għad-drittijiet stabbiliti minn dawn id-direttivi. B’mod iktar partikolari, din il-leġiżlazzjoni tirrestrinġi, minn naħa, id-drittijiet ta’ aċċess għall-applikanti għal protezzjonijiet internazzjonali u l-komunikazzjoni magħhom (8) u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-dritt iggarantit lill-applikant għal ażil li jkun jista’ jikkonsulta, bi spejjeż tiegħu, konsulent legali jew konsulent ieħor (9).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għanijiet invokati mil-leġiżlatur Ungeriż, jiġifieri l-ġlieda kontra l-għajnuna mogħtija għall-użu abbużiv tal-proċedura ta’ ażil u kontra l-immigrazzjoni illegali bbażata fuq il-qerq.

Fir-rigward tal-ewwel għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tirreferi wkoll għal aġir li ma jistax jitqies bħala prattiki frawdolenti jew abbużivi. Fil-fatt, meta jkun jista’ jiġi pprovat li l-persuna kkonċernata kienet taf bil-fatt li l-individwu, li hija tkun assistiet, ma setax jikseb l-istatus ta’ refuġjat skont id-dritt Ungeriż, kull għajnuna pprovduta, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, sabiex tiffaċilita l-fatt li applikazzjoni għall-ażil issir jew tiġi ppreżentata, tista’ tiġi ssanzjonata kriminalment, anki jekk din l-għajnuna tingħata b’osservanza tar-regoli proċedurali u mingħajr ir-rieda li tiżgwida materjalment lill-awtorità determinanti.

Għalhekk, qabelxejn, jesponi ruħu għal proċeduri kriminali kull min jgħin sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ażil, meta jkun jaf li din l-applikazzjoni ma tistax tirnexxi fid-dawl tar-regoli tad-dritt Ungeriż, iżda jqis li dawn ir-regoli jmorru kontra, b’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-applikanti jistgħu jiġu mċaħħda minn assistenza li tippermettilhom jikkontestaw, fi stadju ulterjuri tal-proċedura tal-għoti ta’ ażil, ir-regolarità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni.

Sussegwentement, din il-leġiżlazzjoni tissanzjona l-għajnuna mogħtija lil persuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ażil meta din il-persuna ma tkunx ġiet suġġetta għal persekuzzjonijiet u ma tkunx esposta għal riskju ta’ persekuzzjonijiet f’mill-inqas Stat wieħed li minnu tkun wettqet tranżitu qabel ma tkun wasslet fl-Ungerija. Issa, id-Direttiva “proċeduri” tipprekludi li applikazzjoni għal ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal tali raġuni. Għaldaqstant, tali għajnuna fl-ebda każ ma tista’ tiġi assimilata ma’ prattika frawdolenti jew abbużiva.

Fl-aħħar, sa fejn hija ma teskludix li persuna tiġi ssanzjonata kriminalment meta jista’ jiġi stabbilit b’mod konkret li hija ma setgħetx ma tkunx taf li l-applikant li hija għenet ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-ażil, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-persuni li jixtiequ jipprovdu tali għajnuna l-obbligu li jeżaminaw, sa minn meta ssir jew tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, jekk din l-applikazzjoni tkunx tista’ tirnexxi skont id-dritt Ungeriż. Issa, minn naħa, tali kontroll ma jistax jiġi mistenni minn dawn il-persuni, peress li l-applikanti jista’ jkollhom diffikultajiet sabiex jistabbilixxu, f’dan l-istadju, l-elementi rilevanti li jippermettulhom jiksbu l-istatus ta’ refuġjat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju, għall-persuni kkonċernati, li jiġu esposti għal sanzjoni kriminali partikolarment severa, jiġifieri ċ-ċaħda tal-libertà, għas-sempliċi raġuni li huma ma setgħux ma jkunux jafu li l-applikazzjoni għal ażil kienet iddestinata li ma tirnexxix, jirrendi inċerta l-legalità ta’ kull għajnuna intiża li tippermetti t-twettiq ta’ dawn iż-żewġ stadji essenzjali tal-proċedura ta’ għoti ta’ ażil. Din il-leġiżlazzjoni tista’ għalhekk tiddisswadi b’mod qawwi kull persuna li tkun tixtieq tagħti għajnuna f’dawn l-istadji tal-proċedura, minkejja li din l-assistenza tkun intiża biss li tippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jeżerċita d-dritt fundamentali tiegħu li jitlob l-ażil fi Stat Membru, u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu miġġielda l-prattiki frawdolenti jew abbużivi.

Għal dak li jirrigwarda t-tieni għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-provvista ta’ assistenza sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ażil fi Stat Membru ma tistax titqies li hija attività li tiffavorixxi d-dħul jew ir-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li l-kriminalizzazzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tikkostitwixxix miżura xierqa sabiex jintlaħaq tali għan.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-direttivi “proċeduri” (10) u “akkoljenza” (11), billi ċaħħdet mid-dritt li tersaq lejn il-fruntieri esterni tagħha kull persuna ssuspettata li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, tkun ipprovdiet għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ażil fit-territorju tagħha, meta jkun jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li din il-persuna kienet konxja mill-fatt li din l-applikazzjoni ma setgħetx tintlaqa’. Din il-leġiżlazzjoni tillimita d-drittijiet iggarantiti minn dawn id-direttivi, sa fejn il-persuna kkonċernata hija ssuspettata li wettqet reat, billi tipprovdi għajnuna fiċ-ċirkustanzi ċċitati iktar ’il fuq, minkejja li l-kriminalizzazzjoni ta’ dan l-aġir tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod raġonevoli fid-dawl ta’ dan l-istess dritt.


1      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”).


2      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘akkoljenza’”).


3      Artikolu 33(2) tad-Direttiva “proċeduri”, li jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli.


4      Artikolu 33(2) tad-Direttiva “proċeduri”.


5      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 149, 151 u 161 sa 164) (SI Nru 60/20).


6      Artikolu 8(2) tad-Direttiva “proċeduri”, dwar l-aċċess għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali tal-organizzazzjonijiet u tal-persuni li jipprovdulhom pariri u gwida, u l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, dwar id-dritt għall-assistenza legali u għar-rappreżentanza fl-istadji kollha tal-proċedura.


7      Artikolu 10(4) tad-Direttiva “akkoljenza”, dwar l-aċċess għaċ-ċentru ta’ detenzjoni, b’mod partikolari, tal-konsulenti legali jew tal-konsulenti u tal-persuni li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mhux governattivi.


8      Dawn id-drittijiet huma rrikonoxxuti lill-persuni jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva “proċeduri” u fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva “akkoljenza”.


9      Dan id-dritt huwa ggarantit mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva “proċeduri”.


10      Artikolu 8(2), Artikolu 12(1)(c) u Artikolu 22(1) tad-Direttiva “proċeduri”.


11      Artikolu 10(4) tad-Direttiva “akkoljenza”.