SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttivi 2013/32/KE u 2013/33/UE – Proċedura għall‑għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Kunċetti ta’ ‘pajjiż terz bla perikolu’ u tal-‘ewwel pajjiż ta’ ażil’ – Għajnuna mogħtija lill‑applikanti għall-ażil – Kriminalizzazzjoni – Projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona tal‑fruntiera tal-Istat Membru kkonċernat”

Fil-Kawża C‑821/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑8 ta’ Novembru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Tomkin, A. Tokár u M. Condou‑Durande, sussegwentement minn J. Tomkin u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn K. Szíjjártó, M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K Lenaerts, President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos (Relatur), E. Regan, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c), l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l‑akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96):

billi introduċiet motiv ta’ inammissibbiltà ġdid tal-applikazzjonijiet għall-ażil li jiżdied mal-motivi stabbiliti espressament mid-Direttiva 2013/32 u

billi stabbilixxiet bħala reat kriminali l-attività ta’ organizzazzjoni intiża sabiex tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil minn individwi li ma jissodisfawx il-kriterji tad-dritt għall-ażil stabbiliti mid-dritt nazzjonali u billi ħadet miżuri li joħolqu restrizzjonijiet fil-konfront tal-persuni akkużati jew issanzjonati għal tali reat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2013/32

2

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprevedi li:

“1.   Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

3

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni u konsulenza f’faċilitajiet ta’ detenzjoni f’punti ta’ qsim bejn fruntieri”, jistabbilixxi li:

“1.   Fejn hemm indikazzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi miżmuma f’faċilitajiet ta’ detenzjoni jew li jinsabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri esterni, jistgħu jkunu jridu jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħtuhom informazzjoni dwar il-possibbiltà li jagħmlu dan. F’dawk il-faċilitajiet ta’ detenzjoni u ż-żoni fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal interpretazzjoni sa fejn ikun neċessarju għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-proċedura ta’ asil.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet u l-persuni li jipprovdu pariri u konsulenza lill-applikanti jkollhom aċċess effettiv għall-applikanti li jinsabu fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri, inklużi żoni ta’ tranżitu, fil-fruntieri esterni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal regoli li jkopru l-presenza ta’ dawn l-ogranizzazzjonijiet u persuni f’dawk iż-żoni u b’mod partikolari li l-aċċess ikun suġġett għal ftehim mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-limiti fuq tali aċċess jistgħu jiġu imposti biss, fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, huma oġġettivament neċessarji għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva tal-punti ta’ qsim ikkonċernati sakemm l-aċċess ma jkunx limitat severament b’dawn jew ma jsirx impossibbli minħabba fihom.”

4

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 41 jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skont il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor skont obbligi f’konformità ma’ mandat ta’ arrest Ewropew jew diversament, jew lejn pajjiż terz jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali.”

5

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji għall-applikanti”, jgħid li:

“1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

[…]

(c)

ma għandhiex tiġi miċħuda lilhom l-opportunità li jikkomunikaw mal-[Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)] jew ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tipprovdi pariri legali jew konsulenza lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali taħt il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

2.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu V, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b) sa (e).”

6

Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt għal assistenza u rappreżentanza legali fl-istadji kollha tal-proċedura”:

“L-applikanti għandhom jingħataw l-opportunità li jikkonsultaw, bi spejjeż tagħhom stess, b’mod effettiv konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, dwar materji relatati mal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, fl-istadji kollha, inkluż wara deċiżjoni negattiva.”

7

L-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ambitu tal-għajnuna u r‑rappreżentanza legali”, jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor li jassisti jew jirrappreżenta applikant ikollu aċċess għal postijiet magħluqa, bħal faċilitajiet ta’ detenzjoni u żoni ta’ tranżitu, sabiex jikkonsulta ma’ dak l-applikant f’konformità mal-Artikolu 10(4) u mal-Artikolu 18(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2013/33/UE.”

8

Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jipprevedi, fl-Artikoli 31 sa 43 tiegħu, ir-regoli dwar il-proċedura għall-eżami tal‑applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

9

Skont l-Artikolu 31(8) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

(a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9)]; jew

(b)

l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

(c)

l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

(d)

probabbilment, b’malafede, l-applikant iddistruġġa jew iddispona minn dokument tal-identità jew tal-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

(e)

l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

(f)

l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li mhix ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 40(5); jew

(g)

l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu/tagħha; jew

(h)

l-applikant daħal fit-territorju tal-Istat Membru illegalment jew tawwal is-soġġorn tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu lill-awtoritajiet jew ma ppreżentax applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-dħul tiegħu; jew

l-applikant jirrifjuta li jikkonforma mal-obbligu li jittieħdulu l-marki tas-swaba’ f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u għal talbiet għal tqabbil mad-dejta tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi [u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)], jew

[…]”

10

Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

(c)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; [jew]

(e)

persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

11

L-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil”, jipprevedi li:

“Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

(a)

huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

(b)

huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement,

sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

[…]”

12

L-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu”, jgħid li:

“1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

(a)

il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

(b)

ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva [2011/95];

(c)

jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545) (1954), kif emendata bil-protokoll marbut mal-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967];

(d)

tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

(e)

tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati].

2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

(a)

regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

(b)

regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

(c)

regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

[…]

4.   Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.

[…]”

Id-Direttiva 2013/33

13

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ detenzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-familja, konsulenti legali jew counsellors u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi relevanti rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat ikollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw ma’ u jżuru l-applikanti f’kondizzjonijiet li jirrispettaw il-privatezza. Limiti għall-aċċess għall-faċilità ta’ detenzjoni jistgħu jiġu imposti biss fejn, minħabba l-liġi nazzjonali, dawn ikunu oġġettivament meħtieġa għas-sigurtà, l-ordni pubblika jew il-ġestjoni amministrattiva tal-faċilità tad-detenzjoni, bil-kundizzjoni li l-aċċess ma jkunx ristrett severament jew magħmul impossibbli.”

14

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jipprevedi li:

“1.   Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a)

binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ssir fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu;

(b)

ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

(c)

djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jiġu addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.

2.   Bla ħsara għal kwlaunkwe kundizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikoli 10 u 11, rigward l-akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

(b)

l-applikanti jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw mal-qraba, konsultenti legali, jew counsellors, persuni li jirrappreżentaw lill-UNHCR u organizzazzjonijiet u korpi oħra nazzjonali, internazzjonali u mhux governattivi relevanti;

(c)

Membri tal-familja, konsulenti legali jew counsellors, persuni li jirrappreżentaw lill-UNHCR u organizzazzjonijiet mhux governattivi relevanti rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat jingħataw aċċess biex jgħinu lill-applikanti. Limiti dwar tali aċċess jistgħu jkunu imposti biss għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà tal-binjiet u tal-applikanti.

[…]”

Id-Direttiva 2002/90/KE

15

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat‑28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64), jistabbilixxi li:

“1.   Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

(a)

kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat;

(b)

kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernati.

2.   Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi ma jimponix sanzjonijiet fir-rigward ta’ l-imġieba ddefinita fil-paragrafu 1(a) billi japplika l-liġi nazzjonali u l-prassi (prattika) tiegħu għal każijiet fejn l-għan ta’ l-imġieba hu li jipprovdi assistenza umanitarja lill-persuna kkonċernata.”

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI

16

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat‑28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 61), jipprevedi li:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi ddefinit fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva [2002/90] ikun ikkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinvolvu estradizzjoni.”

17

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Din id-Deċiżjoni qafas għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni li tingħata lil refuġjati u persuni li jfittxu ażil skond il-liġi internazzjonali dwar refuġjati u strumenti internazzjonali oħra konnessi ma’ drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-osservanza ta’ Stati Membri ta’ l-obbligi internazzjonali tagħhom skond l-Artikoli 31 u 33 tal-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati].”

Id-dritt Ungeriż

18

L-Artikolu 51(2)(f) tal-menedékjogról szóló 2007. Évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil), tad‑29 ta’ Ġunju 2007 (Magyar Közlöny 2007/83), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-finijiet ta’ din il‑proċedura (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”), jipprevedi motiv ġdid ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil, iddefinit f’dan il-kliem:

“L-applikazzjoni tkun inammissibbli meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għar-riskju ta’ dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 12(1) jew li fih protezzjoni ta’ livell adegwat hija ggarantita.”

19

Skont l-Artikolu 51(12) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil:

“Fil-każ li jkun japplika l-paragrafu 2(f), l-applikant jista’, hekk kif ikun ġie informat, u fi kwalunkwe każ fi żmien tlett ijiem minn dik il-komunikazzjoni, jiddikjara li fil-każ individwali tiegħu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2(f) ma kinux issodisfatti għal dak il-pajjiż partikolari.

[…]”

20

L-Artikolu 353/A tal-Büntető Törvénykönyvről szóló 2012. évi C. törvény (il-Liġi Nru C tal‑2012 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali), tat‑13 ta’ Lulju 2012 (Magyar Közlöny 2012/92), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), intitolat “Faċilitazzjoni tal‑immigrazzjoni irregolari”, jipprevedi li:

“1)   Kull min iwettaq attivitajiet ta’ organizzazzjoni intiżi

a) li jippermettu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil fl-Ungerija minn persuna li ma tkunx ġarrbet persekuzzjonijiet fil-pajjiż li hija ċittadin tiegħu, fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħha jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor li tkun waslet minnu, minħabba r-razza tagħha, in-nazzjonalità tagħha, l-appartenenza tagħha għal ċertu grupp soċjali, it-twemmin reliġjuż jew politiku tagħha, jew li ma jkollhiex raġuni valida ta’ biża’ minn persekuzzjonijiet diretti, jew

b) li jgħinu lil persuna li tkun daħlet jew li tkun tirrisjedi illegalment fl‑Ungerija sabiex tikseb permess ta’ residenza,

jitqiegħed taħt detenzjoni, sakemm ma jkunx wettaq reat kriminali iktar serju.

(2)   Kull min jipprovdi riżorsi materjali li jippermettu li jitwettaq ir-reat kriminali msemmi fil-paragrafu 1 jew iwettaq tali attivitajiet ta’ organizzazzjoni b’mod regolari għandu jkun suġġett għal piena massima ta’ sena priġunerija.

(3)   Kull min iwettaq ir-reat kriminali msemmi fil-paragrafu 1

a) sabiex jikseb gwadann finanzjarju,

b) billi jgħin lil iktar minn persuna waħda, jew

c) f’distanza ta’ inqas minn tmien kilometri mill-fruntiera jew mill-marka tal‑fruntiera li tikkorrispondi għall-fruntiera esterna skont l-Artikolu 2(2) tar‑Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32], għandu jġarrab il-piena prevista fil-paragrafu 2.

(4)   Is-sanzjoni tal-awtur tar-reat kriminali msemmi fil-paragrafu 1 tista’ titnaqqas mingħajr restrizzjoni jew, fil-każijiet li jkunu jeħtieġu trattament partikolari, tista’ titneħħa jekk l-awtur jiżvela ċ-ċirkustanzi li fihom ikun twettaq ir-reat kriminali sa mhux iktar tard mit-tqegħid tiegħu taħt investigazzjoni.

(5)   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jinkludu b’mod partikolari, bl-għan imsemmi fil-paragrafu 1:

a) it-twettiq ta’ sorveljanza fil-fruntieri, fil-fruntiera jew f’marka tal-fruntiera li tikkorrispondi għall-fruntiera esterna tal-Ungerija skont l-Artikolu 2(2) tar‑Regolament 2016/399,

b) it-tfassil jew it-tixrid ta’ dokumenti ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ inkarigu lil terzi biex iwettqu dawn l-atti, u

c) il-kostituzzjoni jew l-isfruttar ta’ network.”

21

L-Artikolu 46/F tar-Rendőrségről szóló 1994. Évi XXXIV. törvény (il-Liġi Nru XXXIV tal‑1994 dwar il-Pulizija), tal‑20 ta’ April 1994 (Magyar Közlöny 1994/41), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pulizija”), intitolat “Miżuri ta’ tneħħija użati fil‑kuntest tas-sigurtà tal-fruntieri”, jistabbilixxi li:

“Sabiex jinżamm l-ordni fil-fruntiera tal-Istat u sabiex jiġi evitat disturb eventwali tas-sorveljanza tal-fruntieri, il-pulizija għandha tipprekludi lil kull persuna suġġetta għal proċeduri kriminali għar-reati ta’ qsim illegali tal-barriera tal‑fruntiera (Artikolu 352/A tal-Kodiċi Kriminali), degradazzjoni tal-barriera tal‑fruntiera (Artikolu 352/B tal-Kodiċi Kriminali), ostakolu għall-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni tal-barriera tal-fruntiera (Artikolu 352/C tal-Kodiċi Kriminali), traffikar ta’ bnedmin (Artikolu 353 tal-Kodiċi Kriminali), għajnuna għar-residenza irregolari (Artikolu 354 tal-Kodiċi Kriminali) jew faċilitazzjoni tal‑immigrazzjoni irregolari (Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali) milli tidħol f’perimetru li jinsab f’distanza ta’ inqas minn tmien kilometri mill-fruntiera jew mill-marka tal-fruntiera li tikkorrispondi għall-fruntiera esterna tat-territorju Ungeriż, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [2016/399] jew teżiġi li din il-persuna titlaq minn din iż-żona jekk tkun tinsab hemmhekk.”

Il-proċedura prekontenzjuża

22

Fid‑19 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, li permezz tagħha hija qieset, b’mod partikolari, bħala kuntrarji għad-dritt tal‑Unjoni, l-estensjoni mil-leġiżlatur Ungeriż tal-motivi ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-kriminalizzazzjoni, minnu, tal‑attivitajiet ta’ organizzazzjoni intiżi sabiex jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil minn persuni li ma għandhomx dritt għall-ażil skont id-dritt Ungeriż kif ukoll ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment imposti fuq il-persuni kkonċernati minn din il-kriminalizzazzjoni.

23

L-Ungerija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, permezz ta’ ittra rċevuta mill‑Kummissjoni fid‑19 ta’ Settembru 2018, billi qieset li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

24

Fl‑24 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija sostniet, b’mod partikolari, li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c), l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 33(2) tad‑Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33:

billi introduċiet motiv ġdid ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-ażil, li jiżdied mar-raġunijiet espressament previsti fid-Direttiva 2013/32,

billi stabbilixxiet bħala reat kriminali l-attività ta’ organizzazzjoni intiża sabiex tiffaċilita l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil, u

billi introduċiet miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuni akkużati li wettqu tali reat jew ikkundannati għal din ir-raġuni.

25

L-Ungerija wieġbet għal din l-opinjoni motivata, fit‑23 ta’ Marzu 2019, billi tenniet il-pożizzjoni tagħha li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Ungeriżi kkonċernati kienu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u ġġustifikati fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva fit-territorju tagħha.

26

Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mill-Ungerija, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

L-argumenti tal-partijiet

27

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, billi pprevediet, fl-Artikolu 51(2)(f) tal‑Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li applikazzjoni għall-ażil għandha titqies bħala inammissibbli meta l-applikant ikun wasal minn pajjiż li fih ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet jew li fih livell adegwat ta’ protezzjoni huwa ggarantit.

28

Skont il-Kummissjoni, dan il-motiv ta’ inammissibbiltà ma jistax jiġi assimilat ma’ wieħed mill-motivi ta’ inammissibbiltà elenkati b’mod eżawrjenti fl‑Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. B’mod partikolari, ma jistax jitqies li huwa konformi mal-kunċetti tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” jew ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

29

Filwaqt li tieħu konjizzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218), l-Ungerija tiddubita jekk l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 huwiex ta’ natura li joħloq bilanċ adegwat bejn il-piż żejjed fuq is-sistemi ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għall‑ażil, ikkawżat mill-applikazzjonijiet mhux iġġustifikati, u l-interessi leġittimi tal-applikanti li għandhom realment bżonn protezzjoni internazzjonali.

30

Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huwa intiż li jippenalizza l-abbużi billi jipprevedi li, konformement mal-motiv ta’ inammissibbiltà dwar il-“pajjiż terz bla perikolu”, kif imsemmi fl‑Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32, l-applikazzjoni ppreżentata minn persuna li tkun wettqet tranżitu, jekk ikun il-każ għal żmien twil, minn Stat li fih hija ma ġietx ippersegwitata u li fih ma hemmx riskju li tiġi ippersegwitata hija, bħala prinċipju, inammissibbli, anki jekk din il-persuna ma tkunx għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat.

31

In-natura insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu miġġielda l-prattiki abbużivi tirriżulta, barra minn hekk, mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id‑Direttiva 2013/32/UE (COM (2016) 467 final).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni l‑Ungerija, is-sempliċi fatt li emenda tad-Direttiva 2013/32 hija prevista mil‑leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex element rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l‑ilment, li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fi tmiem it-terminu msemmi fl-opinjoni motivata indirizzata lil dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑52/08, EU:C:2011:337, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Bis-saħħa ta’ din l-osservazzjoni preliminari, għandu jiġi osservat li, skont l‑Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013, l-Istati Membri ma humiex obbligati jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l‑Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél‑alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 149 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

34

Issa, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id‑Dritt għall-Ażil ma jikkorrispondi għal ebda wieħed mill-motivi ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2)(a), (b), (d) u (e) tad-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél‑alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 151161 sa 164).

35

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 32(2)(c) ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies li huwa pajjiż terz bla perikolu għall-applikant bis-saħħa tal‑Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.

36

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu” hija suġġetta għall‑osservanza tal-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél‑alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, konformement mal-Artikolu 38(2)(a) tal-imsemmija direttiva, għandha teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li l-applikant imur f’dak il-pajjiż.

37

F’dan il-każ, ir-rabta li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jistabbilixxi bejn tali applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat tirriżulta mis-sempliċi tranżitu ta’ dan l-applikant mit-territorju ta’ dan il-pajjiż.

38

Issa, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun wettaq tranżitu mit-territorju ta’ pajjiż terz ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi raġuni valida sabiex jitqies li l‑imsemmi applikant jista’ raġonevolment jirritorna f’dan il-pajjiż (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 47).

39

Barra minn hekk, l-obbligu impost mill-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32 fuq l-Istati Membri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, li jistabbilixxu regoli li jipprevedu l-metodi applikabbli sabiex jiġi evalwat, każ b’każ, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala bla perikolu għall-applikant, kif ukoll il-possibbiltà għall-imsemmi applikant li jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni ma’ dan il-pajjiż terz, ma jistax jiġi ġġustifikat jekk is-sempliċi tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat kien jikkostitwixxi rabta suffiċjenti jew sinjifikattiva għal dawn l-għanijiet (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sempliċi tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat ma jistax jikkostitwixxi “rabta ta’ konnessjoni” ma’ dan il-pajjiż terz, fis-sens tal‑Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél‑alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 159 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

41

Konsegwentement, l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jistax jikkostitwixxi applikazzjoni tal-motiv ta’ inammissibbiltà relatat mal-pajjiż terz bla perikolu, previst fl-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 51) u għalhekk ma jistax, kuntrarjament għal dak li tallega l‑Ungerija, jikkostitwixxi traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l‑Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 33(2) tad‑Direttiva 2013/32, billi ppermettiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant ikun wasal fit-territorju tagħha minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, jew li fih livell adegwat ta’ protezzjoni huwa żgurat.

Fuq l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali

L-argumenti tal-partijiet

43

Il-Kummissjoni tqis li, billi adottat l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, l‑Ungerija kisret l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33.

44

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-formulazzjoni tal-elementi kostituttivi tar-reat previst fl-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali hija “estensiva” u “impreċiża”.

45

Għalhekk, l-ewwel, għalkemm, skont l-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan l‑Artikolu 353/A, l-istabbiliment ta’ dan ir-reat huwa ġġustifikat mir-riskju ikbar ta’ użu abbużiv tal-proċedura ta’ ażil, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi reat ma huwiex limitat biss, skont il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 353/A, li jkopri l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni deliberatament abbużiva jew il-fatt li l‑awtoritajiet jiġu mqarrqa.

46

Il-ġurisprudenza tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) dwar l-istess Artikolu 353/A ma kienx irnexxielha tikkjarifikah, peress li hija ħalliet lill‑qorti ordinarja tiddetermina f’liema każ l-assistenza lill-applikant għall-ażil tista’ tiġi assimilata ma’ għajnuna umanitarja u, għaldaqstant, tevita l‑kriminalizzazzjoni.

47

Barra minn hekk, l-obbligu li tintwera intenzjoni ċara tal-awtur tar-reat imsemmi fl-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali lanqas ma joffri garanziji suffiċjenti lill‑persuni li jipprovdu għajnuna lill-applikanti għall-ażil. Fil-fatt, dan l-artikolu huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-persuna li teżerċita attività ta’ organizzazzjoni bil-għan li tipproponi tali għajnuna tkun taf minn qabel jekk dawn l-applikanti għall-ażil jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-ażil fl-Ungerija, filwaqt li ma hijiex din il-persuna li għandha tiddeċiedi jekk dawn għandhomx il-kwalità ta’ refuġjati.

48

It-tieni, b’estensjoni tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l‑Artikolu 353/A(1) tal-Kodiċi Kriminali jippermetti li tiġi ssanzjonata attività ta’ organizzazzjoni intiża li tippermetti lil persuna, li ma ġġarrabx persekuzzjonijiet f’kull pajjiż li minnu hija waslet jew li ma għandhiex raġuni valida sabiex tibża’ minn persekuzzjonijiet diretti, li tippreżenta applikazzjoni għall-ażil.

49

Issa, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva ddikjarata fl-Ungerija sa mis-sena 2015, l-applikazzjonijiet għall-ażil jistgħu jiġu ppreżentati biss fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke (l-Ungerija) u ta’ Tompa (l‑Ungerija), li jinsabu fil-fruntiera Serbo‑Ungeriża, li huma aċċessibbli biss mis‑Serbja. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dawn it-talbiet, skont il‑leġiżlazzjoni Ungeriża, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. F’tali kuntest, il‑persuni li jipprovdu għajnuna jew informazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandhom inevitabbilment ikunu jafu li l-applikanti preżenti f’żona ta’ tranżitu setgħu waslu hemmhekk billi jgħaddu biss mis-Serbja u li ma humiex ser ikunu jistgħu, bħala prinċipju, jiksbu d-dritt għall-ażil skont id‑dritt Ungeriż. Konsegwentement, huwa faċli li jiġi pprovat l-element intenzjonali fir-rigward tal-persuni li jeżerċitaw tali attivitajiet.

50

It-tielet, il-fatt li t-twettiq tar-reat kriminali previst fl-Artikolu 353/A(1) tal-Kodiċi Kriminali jeħtieġ l-eżerċizzju ta’ attività ta’ organizzazzjoni lanqas ma jikkostitwixxi garanzija suffiċjenti. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-attività ta’ organizzazzjoni hija s-suġġett ta’ formulazzjoni “estensiva” u “impreċiża” li ma tippermettix li jiġi eskluż li s-sempliċi fatt li persuna tiġi assistita sabiex tippreżenta applikazzjoni għall-ażil jiġi ssanzjonat kriminalment, peress li l‑Artikolu 353/A(5) ta’ dan il-kodiċi jillimita ruħu li jelenka eżempji, partikolarment ġenerali, ta’ attivitajiet ta’ organizzazzjoni. Is-sentenza tal‑Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali), tal‑25 ta’ Frar 2019, ma tatx ċertezza legali f’dan ir-rigward, peress li tagħti lill-qorti ordinarja l-kompitu li tiddefinixxi preċiżament dak li jikkostitwixxi attività ta’ organizzazzjoni.

51

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, minn naħa, jirriżulta li attività tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ta’ organizzazzjoni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, anki jekk ma titwettaqx b’mod regolari u hija intiża biss sabiex tgħin persuna waħda biss u, min-naħa l-oħra, li persuna li tipprovdi appoġġ finanzjarju, anki jekk modest, lil organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li tipprovdi d-dokumentazzjoni dwar ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil lill-applikanti għall-ażil preżenti f’żona ta’ tranżitu tista’ tesponi ruħha għal sanzjoni kriminali.

52

Għaldaqstant, minkejja l-għan tal-liġi, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha, jiġifieri t-tnaqqis tal-applikazzjonijiet għall-ażil li għandhom natura abbużiva u qarrieqa, l-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali joħloq riskju ta’ proċeduri kriminali fil-konfront ta’ kważi kull persuna li tipprovdi għajnuna għall‑ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil fl-Ungerija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li kull għajnuna mogħtija matul il-proċedura ta’ ażil tista’ titqies bħala għajnuna għall-ftuħ ta’ tali proċedura peress li, mill-mument meta l-korp semiġudizzjarju jew amministrattiv ta’ Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar dawn l-applikazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“awtorità determinanti”) jibda jeżamina l-fajl, numru kunsiderevoli ta’ obbligi jsiru r-responsabbiltà tal-applikant, bil-għan li jipprova d-dritt tiegħu li jikseb l-istatus ta’ refuġjat.

53

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali ma jistax jitqies bħala t-traspożizzjoni fid-dritt Ungeriż tad-Direttiva 2002/90, peress li l‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu huwa differenti mill-għajnuna għad‑dħul, għat-tranżitu u għar-residenza illegali, kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

54

Bis-saħħa ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali huwa inkompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2013/32.

55

Fil-fatt, peress li kważi kull organizzazzjoni, kif ukoll kull voluntier jew konsulent legali, li teżerċita attività ta’ organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 353/A tal‑Kodiċi Kriminali, tkun, fil-prattika, esposta għal proċeduri kriminali, l-aċċess effettiv tal-organizzazzjonijiet u tal-persuni li jipprovdu pariri u gwida lill‑applikanti għall-ażil li jippreżentaw ruħhom fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera fil‑fruntieri esterni, inkluż fiż-żoni ta’ tranżitu, jirriskja li jsir impossibbli.

56

Ċertament, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 tippermetti lill-Ungerija tiddetermina min jista’ jidħol fiż-żoni ta’ tranżitu sabiex hemmhekk tipprovdi pariri legali lill-applikanti għall-ażil. Madankollu, huwa possibbli li jiġu imposti tali restrizzjonijiet biss meta jkunu oġġettivament neċessarji għas-sigurtà, għall-ordni pubbliku jew għall-ġestjoni amministrattiva tal-punti ta’ qsim u sakemm l-imsemmi aċċess ma jkunx kunsiderevolment ristrett jew magħmul impossibbli. Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika ma humiex issodisfatti u l-Artikolu 353/A ma jipprevedix il-verifika ta’ tali kundizzjonijiet.

57

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, l-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali jista’ jiġi applikat għal kull persuna li teżerċita attività ta’ organizzazzjoni li tgħin il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12(1)(c), b’mod partikolari billi tingħata informazzjoni dwar l-għajnuna legali jew dwar il-formalitajiet neċessarji sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni.

58

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Artikolu 353/A huwa wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, jekk jinbdew proċeduri kriminali kontra l-konsulenti, b’mod partikolari legali, għaliex dawn jipprovdu s-servizzi msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-applikanti għall-ażil, inkluż fil-każ ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil.

59

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata hija wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33. Iż-żoni ta’ tranżitu għandhom, fil-fatt, jiġu assimilati ma’ ċentri ta’ detenzjoni, fis-sens tal‑Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. L-applikanti għall-ażil preżenti fiż-żoni ta’ tranżitu konsegwentement jaqgħu taħt l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva. Issa, l‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali jneħħi kull sens mid-dritt previst f’dan l‑Artikolu 10(4).

60

L-Ungerija ssostni, fl-ewwel lok, li, fid-dawl tal-espressjoni “intiż li”, l-Artikolu 353/A(1) tal-Kodiċi Kriminali jista’ jinftiehem biss bħala li jistabbilixxi reat intenzjonali. Għaldaqstant, persuna tista’ tiġi ssanzjonata abbażi tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali biss fil-każ fejn l-awtoritajiet ikunu f’pożizzjoni li jipprovaw, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li hija aġixxiet bl-għarfien li l-individwu li fl-interess tiegħu eżerċitat l-attività ta’ organizzazzjoni ma kienx espost għal persekuzzjonijiet jew li l-biżgħat tiegħu f’dan ir-rigward kienu infondati, u li hija riedet li, bis-saħħa ta’ din l-attività, dan l-individwu jista’ jibda proċedura ta’ ażil jew jikseb permess ta’ residenza.

61

Fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2019, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonfermat tali interpretazzjoni, filwaqt li enfasizzat li attività ta’ organizzazzjoni altruwistika li permezz tagħha jiġi ssodisfatt id-dmir ta’ assistenza lill-persuni foqra u fil-bżonn ma tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali. L-interpretazzjoni adottata mill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) torbot lill-qorti ordinarja.

62

Mill-bqija, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar għandu l-għan li jrażżan l-assistenza għall-użu abbużiv tal-proċedura ta’ ażil u l-għajnuna għall-immigrazzjoni bbażata fuq il‑qerq, kif ukoll l-aġir intiż għall-organizzazzjoni ta’ tali attivitajiet. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-proċeduri kriminali, l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jipprovaw li l-awtur kellu l-għan li jgħin lill-persuni li jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sabiex jevitaw il-leġiżlazzjoni, jabbużaw mis‑sistema ta’ ażil jew jevadu r-regoli dwar il-permessi ta’ residenza. Għaldaqstant, ir-reat imsemmi fl-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali ma jistax jitwettaq minn persuni u organizzazzjonijiet b’bona fide, li ma humiex intiżi li jilħqu għanijiet ipprojbiti mil-liġi jew li jaħarbu mill-applikazzjoni tad-dritt.

63

Għalhekk, persuna li tagħti l-għajnuna tagħha fil-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta tkun taf li probabbilment l-applikant ma jkollux dritt għall-istatus ta’ refuġjat ma tkunx qiegħda twettaq ir-reat previst fl‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li persuna ma jkollhiex, bħala prinċipju, dritt għall-ażil, għar-raġuni li hija tkun wettqet tranżitu minn pajjiż terz bla perikolu, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż mill-bidu li hija tista’ titqies bħala persuna li għandha d-dritt li tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat, peress li l-motiv ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħha bbażata fuq dan it‑tranżitu hija konfutabbli, skont l-Artikolu 51(12) tal-Liġi dwar id-Dritt għall‑Ażil.

64

Fit-tieni lok, l-Ungerija tenfasizza li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni” huwa użat bħala element kostituttiv ta’ reati oħra previsti fil-Kodiċi Kriminali. Il-fatt li l‑Artikolu 353/A(5) ta’ dan il-kodiċi jagħmel użu minn lista ta’ eżempji ma jirrendix l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dan il-kunċett diffiċli, iżda għall‑kuntrarju jiffaċilitaha.

65

Barra minn hekk, tali attività ta’ organizzazzjoni ma tistax tiġi assimilata mas‑sempliċi fatt li jingħataw pariri jew informazzjoni, peress li l-kunċett ta’ “organizzazzjoni” jirreferi għal forma ta’ aġir iktar kumplessa u wiesgħa, intiża sabiex jintlaħaq għan miftiehem u speċifiku, permezz ta’ koordinazzjoni. Fis‑sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2019, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet barra minn hekk li l-fatt li jiġi pprovdut servizz ta’ rappreżentanza legali ma huwiex ekwivalenti, fih innifsu, għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali. Mill‑bqija, l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ konsulent legali, ta’ informazzjoni jew ta’ assistenza huwa espressament iggarantit mil-leġiżlazzjoni Ungeriża fil-qasam tal-ażil.

66

Fit-tielet lok, l-Ungerija sostniet, waqt is-seduta, li, sa fejn l-għajnuna mogħtija lil applikant għall-ażil hija punibbli biss sa fejn din tippermetti l-ftuħ tal-proċedura ta’ ażil, kull għajnuna mogħtija wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kriminalizzazzjoni. Issa, għalkemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom huwa allegat mill-Kummissjoni jirrigwardaw biss l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat jiksbu l-kwalità ta’ applikant biss mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

67

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma tibbaża ruħha fuq ebda fatt oġġettiv sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-effett dissważiv li hija tinvoka fir-rigward tal‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali. Issa, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika, minnha, tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni.

68

Fil-ħames lok, għalkemm l-adozzjoni tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali ma hijiex intiża li tittrasponi d-Direttiva 2002/90 fid-dritt Ungeriż, dan l-artikolu ġie madankollu adottat b’mod konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva, sabiex jissanzjona aġir kriminali li kien għadu ma huwiex magħruf fil-mument meta l‑imsemmija direttiva ġiet adottata, iżda b’rabta stretta mal-aġir imsemmi fl‑Artikolu 1 tagħha.

69

Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li l-konfinament fiż-żoni ta’ tranżitu ma jikkostitwixxix miżura ta’ detenzjoni, b’tali mod li l-Artikolu 10(4) tad‑Direttiva 2013/33 ma huwiex, fi kwalunkwe każ, rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-Ungerija rrestrinġiet, b’mod mhux iġġustifikat, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 8(2), mill-Artikolu 12(1)(c) u mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mill-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, billi stabbilixxiet bħala reat kriminali l-attività ta’ organizzazzjoni intiża sabiex tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil minn persuni li ma jistgħux jiksbu l-istatus ta’ refuġjat skont il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali tagħha.

71

Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jinftiehem bħala li tressaq kontra r-reat previst fl-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, peress li l-elementi ta’ tali reat huma speċifikati fl-Artikolu 353/A(2), (3) u (5) ta’ dan il-kodiċi.

72

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi lment huwiex fondat, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għad-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 imsemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza u, sa fejn dan ikun il-każ, fit-tieni lok, jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

73

Sabiex jiġi evalwat jekk l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali jikkostitwixxix restrizzjoni tad-drittijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad‑Direttivi 2013/32 u 2013/33 imsemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, fl-affermattiv, jekk dan l‑Artikolu 353/A(1)(a) jirrestrinġix id-drittijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

74

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 353/A(1)(a) għal tali attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi osservat li l-ksur previst f’din id-dispożizzjoni huwa bbażat fuq tliet elementi kostituttivi.

75

Għalhekk, l-ewwel, sabiex jiġi stabbilit il-ksur, mill-formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni jirriżulta li l-għajnuna pprovduta mill-awtur tal-reat għandha tkun intiża sabiex “tippermetti l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ażil fl-Ungerija”.

76

Minn dan isegwi, skont dan l-Istat Membru, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni huwa limitat biss għall-fażijiet tal-proċedura ta’ ażil qabel l‑eżami, fis-sens strett tal-kelma, tal-applikazzjoni għall-ażil mill-awtorità determinanti, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tissanzjona biss l‑għajnuna li hija pprovduta liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni mingħajr Stat sabiex jagħmlu, biex imbagħad jippreżentaw, l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

77

Il-Kummissjoni ma wrietx li tali interpretazzjoni kienet żbaljata. Fil-fatt, huwa bis-saħħa ta’ qari manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tal‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali li hija ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jinftiehem bħala li jestendi għall-assistenza pprovduta matul il-proċedura kollha ta’ ażil, għas-sempliċi raġuni li, waqt l-eżami fis-sens strett tal-kelma tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, l-applikant jibqa’ suġġett għal ċertu numru ta’ obbligi li jistgħu jeħtieġu assistenza min-naħa tal‑persuni jew tal-organizzazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni msemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

78

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-elementi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li ma tistax tkun il-bażi ta’ kundanna kriminali fil-konfront ta’ persuna li tassisti applikant għall-ażil, ladarba l‑applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar tkun ġiet ippreżentata, skont l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 2013/32.

79

Madankollu, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-attivitajiet imsemmija fl‑Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll fl‑Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33 huma intiżi li jiġu eżerċitati qabel il‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u għalhekk jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

80

Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat tikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta tagħmel tali applikazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jiggarantixxu wkoll li assistenza tkun tista’ tiġi offruta sabiex issir tali applikazzjoni. Fil-fatt, minbarra l-fatt li d-Direttiva 2013/32 hija intiża li tiggarantixxi aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, inkluż sa mill-fażi ta’ meta ssir l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 104 sa 106), mill-qari tal-paragrafu 1 flimkien mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-assistenza pprovduta fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera għandha b’mod partikolari l-għan li tiffaċilita l-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ssir miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew mill-persuni mingħajr Stat li jippreżentaw ruħhom hemmhekk. Barra minn hekk, l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi espressament id-dritt ta’ konsultazzjoni ma’ konsulent fl-istadji kollha tal-proċedura.

81

Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss għall-proċeduri previsti fil‑Kapitolu III ta’ din id-direttiva, jiġifieri mill-fażi tal-eżami fis-sens strett tal‑kelma tal-applikazzjoni għall-ażil. Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑Artikolu 31(3) tal-imsemmija direttiva, din il-fażi tibda biss wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, wara li l-istadju tal-aċċess għall-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 6 tagħha, ikun ingħalaq.

82

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkriminalizzati mill-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32. Il-kriminalizzazzjoni tagħhom għalhekk ma hijiex ta’ natura li tirrestrinġi d-drittijiet li huma ggarantiti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali taħt din id-dispożizzjoni.

83

It-tieni, sabiex jiġi stabbilit ir-reat previst f’dan l-Artikolu 353/A(1)(a), huwa neċessarju wkoll li l-għajnuna tingħata fil-kuntest ta’ “attività ta’ organizzazzjoni”.

84

Għalkemm il-kunċett ta’ “attività ta’ organizzazzjoni” ma huwiex iddefinit fl‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, peress li l-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi biss lista ta’ eżempji ta’ tali attivitajiet, mill-formulazzjoni stess tal‑paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-għajnuna pprovduta sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil tista’ titqies li hija “attività ta’ organizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, anki meta din tingħata lil persuna waħda biss, okkażjonalment u indipendentement minn kull għan li jinkiseb profitt.

85

L-Ungerija ssostni madankollu li, sabiex hija tkun tista’ titqies bħala “attività ta’ organizzazzjoni”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-assistenza pprovduta lill‑persuna li tixtieq tikseb l-ażil fit-territorju tagħha għandha taqa’ fil-kuntest ta’ ċerta koordinazzjoni intiża sabiex jintlaħaq għan miftiehem u speċifiku.

86

Fi kwalunkwe każ, dan l-element ma huwiex ta’ natura li jipprekludi li jiġu kkriminalizzati ċerti attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll tal‑Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, abbażi tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal‑Kodiċi Kriminali.

87

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 10(4) tad‑Direttiva 2013/33 jiggarantixxu, b’mod partikolari, lil ċerti organizzazzjonijiet id-dritt ta’ aċċess għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri jew li jitqiegħdu f’detenzjoni fit‑territorju tagħhom. Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil‑punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attività ta’ dawn l-organizzazzjonijiet hija, min-natura tagħha, is-suġġett ta’ ċerta koordinazzjoni bil-għan li jintlaħaq għan miftiehem u speċifiku. Għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija lil dawn l-applikanti għall-ażil mill-membri tal-imsemmija organizzazzjonijiet għandha titqies bħala “attività ta’ organizzazzjoni” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 353/A(1)(a).

88

Min-naħa l-oħra, anki jekk l-organizzazzjonijiet li joffru assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma humiex imsemmija espressament fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32, ma jistax madankollu jiġi eskluż li l-konsultazzjonijiet, inklużi dawk legali, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jwettaq bi spejjeż tiegħu, skont din id-dispożizzjoni, jitwettqu fil-kuntest ta’ “attività ta’ organizzazzjoni”, fis-sens li l-Ungerija tagħti lil din il-frażi.

89

Fil-fatt, minkejja li tali konsultazzjonijiet iseħħu favur persuna speċifika, huwa perfettament possibbli li dawn isiru fil-kuntest, iktar ġenerali, ta’ attività koordinata u miftiehma intiża sabiex tingħata assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

90

Mis-sentenza tal-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Frar 2019, invokata mill-Ungerija insostenn tad-difiża tagħha, lanqas ma jirriżulta li l-konsultazzjonijiet legali, inkluża dik mogħtija minn avukat, huma, fi kwalunkwe każ, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, f’dik is-sentenza, dik il-qorti enfasizzat li l-għajnuna legali ma tikkostitwixxix, bħala tali, attività ta’ organizzazzjoni li tista’ tiġi ssanzjonata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma eskludietx li, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, tali assistenza tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ppreċiżat li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, l-eżerċizzju tal-attività ta’ avukat ma jistax ikun intiż sabiex tiġi evitata l-liġi.

91

It-tielet, ir-reat previst f’dan l-Artikolu 353/A(1)(a) jippreżupponi element intenzjonali. Fil-fatt, kif indikat l-Ungerija, sabiex dan ir-reat jiġi stabbilit, l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jipprovaw, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-awtur tiegħu kien konxju mill-fatt li l-persuna li lilha pprovda assistenza ma setgħetx tikseb l-ażil skont id-dritt Ungeriż.

92

Madankollu, la l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32, la l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u lanqas l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33 ma jeskludu mill‑kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom l-assistenza li tingħata lil applikant għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk il-persuna li tipprovdi tali assistenza kienet konxja li l-applikazzjoni kienet, fi kwalunkwe każ, iddestinata li ma tirnexxix.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, tal-inqas, ċerti attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl‑Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll fl‑Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

94

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-Artikolu 353/A(1)(a) jirrestrinġix id‑drittijiet li huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

95

Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 u mill-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, għalkemm huwa minnu li dan l-Artikolu 353/A(1)(a), (2) u (3) ma jipprekludix formalment lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali milli jkollhom aċċess għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew għal persuni mingħajr Stat li jixtiequ jiksbu l-ażil fl-Ungerija, li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri esterni ta’ dan l-Istat Membru jew li jitqiegħdu f’detenzjoni fit-territorju tiegħu, jew milli jikkomunikaw magħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, billi tissanzjona kriminalment ċertu tip ta’ assistenza pprovduta f’din l-okkażjoni, din id-dispożizzjoni tirrestrinġi d-drittijiet ta’ aċċess għal dawn l-applikanti u ta’ komunikazzjoni magħhom, drittijiet li huma espressament irrikonoxxuti f’dan l-Artikolu 8(2) u f’dan Artikolu 10(4).

96

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32, minkejja li ma hemmx riskju ta’ sanzjoni kriminali għall-applikant għall-ażil stess, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal‑Artikolu 353/A(2) u (3), jirrestrinġi wkoll l-effettività tad-dritt, li huwa ggarantit lil dan l-applikant permezz ta’ dan l-Artikolu 22(1), li jkun jista’ jikkonsulta, bi spejjeż tiegħu, konsulent legali jew konsulent ieħor, sa fejn din id‑dispożizzjoni kriminali hija ta’ natura li tiddisswadi tali fornituri ta’ servizzi milli jipprovdulu assistenza. Barra minn hekk, tali kriminalizzazzjoni tillimita wkoll id-dritt li tingħata tweġiba għat-talbiet tal-applikanti għall-ażil li dawn il-fornituri ta’ servizzi jiksbu indirettament minn dan l-Artikolu 22(1).

97

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrikonoxxiet l-Ungerija waqt is‑seduta, il-kriminalizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta’ assistenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali hija akkumpanjata minn piena ta’ detenzjoni, li tikkostitwixxi miżura li ċċaħħad il-libertà. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 353/A(2) ta’ dan il-kodiċi, meta dan ir-reat jitwettaq b’mod regolari, l-awtur tiegħu jesponi ruħu għal piena ta’ sena priġunerija. L-istess japplika meta l-imsemmi reat jitwettaq fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 353/A(3) tal-imsemmi kodiċi.

98

L-introduzzjoni ta’ tali sanzjonijiet kriminali għandha bla dubju effett dissważiv kbir ħafna, li jista’ jwassal lill-persuni, li jixtiequ jassistu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni mingħajr Stat li jixtiequ jiksbu l-istatus ta’ refuġjat fl‑Ungerija, sabiex jastjenu milli jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ assistenza li huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is‑sentenza.

99

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 353/A(2) u (3) tiegħu, għandu jitqies li huwa restrizzjoni għad-drittijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkontribwixxu, mill‑bqija, sabiex jikkonkretizzaw id-dritt stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

100

Għandu jingħad ukoll li l-ebda argument imressaq mill-Ungerija ma jista’ jikkontesta tali konstatazzjoni.

101

Għalhekk, l-ewwel, anki jekk jitqies li, kif isostni dan l-Istat Membru, id-drittijiet iggarantiti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 imsemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza huma stabbiliti espliċitament minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Ungeriż, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali għandu jitqies bħala leġiżlazzjoni speċifika fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li tillimita l-portata tagħhom, u mhux bil-kontra.

102

It-tieni, fir-rigward tar-riżerva ta’ interpretazzjoni fformulata mill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Frar 2019, għandu jiġi kkonstatat li, skont din, dan l-Artikolu 353/A(1)(a) ma jistax jissanzjona l-aġir altruwistiku li jissodisfa d-dmir ta’ għajnuna lill-persuni foqra u fil-bżonn u li ma jipproċedix bl-intenzjonijiet ipprojbiti f’din id-dispożizzjoni.

103

Issa, minn naħa, għandu jiġi osservat li din ir-riżerva ta’ interpretazzjoni hija limitata għall-attivitajiet altruwistiċi biss u għalhekk ma tirrigwardax lill-persuna li tipprovdi assistenza lill-applikanti għall-ażil bi ħlas, minkejja li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 jiggarantixxi biss id-dritt tal-applikant li jikkonsulta konsulent legali jew konsulent ieħor bi spejjeż tiegħu.

104

Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija riżerva ta’ interpretazzjoni jirriżulta li assistenza pprovduta, fuq bażi volontarja, lill-applikanti għall-ażil ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali biss jekk l-element intenzjonali ta’ dan ir-reat ma jkunx issodisfatt. Għaldaqstant jidher li huwa eskluż li, abbażi tal-istess riżerva ta’ interpretazzjoni, il-persuna li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, tipprovdi għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil meta jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li hija kienet konxja li din l-applikazzjoni ma setgħetx tirnexxi skont id-dritt Ungeriż, tiġi eżentata minn kull responsabbiltà kriminali.

105

It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipproduċi, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tad-drittijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, provi li juru li l-effett dissważiv tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali rriżulta konkretament fi tnaqqis tal-aċċess għall-applikanti għall-ażil jew fi tnaqqis tal-konsultazzjonijiet effettivament ipprovduti għall-benefiċċju ta’ dawn l-applikanti.

106

Fil-fatt, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ madankollu tiġi pprovata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva jew regolamentari li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħha ma humiex ikkontestati, permezz ta’ analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Issa, f’din il-kawża, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni timputa lill-Ungerija joriġina mill-adozzjoni tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, li l‑eżistenza u l-applikazzjoni tiegħu ma humiex ikkontestati minn dan l-Istat Membru u li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir‑rikors promotur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod iktar partikolari, li l-Ungerija ammettiet, waqt is-seduta, li kienu nbdew proċeduri kriminali abbażi tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

108

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, fi kwalunkwe każ, li, anki jekk jitqies li, kif tiddikjara l-Ungerija, din id-dispożizzjoni għadha ma servietx bħala bażi għal kundanna kriminali, tali fatt ma jikkostitwixxix element determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din għandhiex effett dissważiv li jirrestrinġi d-drittijiet iggarantiti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minbarra l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li dan ikun il-każ fil-futur, huwa proprju l-effett dissważiv marbut mar-reati kriminali li jiskoraġġixxi lil kwalunkwe persuna milli twettaq l-attività kkunsidrata bħala illegali u li b’hekk tesponi ruħha għas-sanzjonijiet assoċjati magħha.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

109

Sa fejn l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien, jekk ikun il‑każ, mal-Artikolu 353/A(2) u (3) ta’ dan il-kodiċi, jikkostitwixxi restrizzjoni għad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 8(2) u mill-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2013/32 kif ukoll mill-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk tali restrizzjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

110

F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet tal-Ungerija jirriżulta li l‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali ġie adottat sabiex jissanzjona kemm l‑għajnuna mogħtija għall-użu abbużiv tal-proċedura ta’ ażil kif ukoll l-assistenza għall-immigrazzjoni illegali bbażata fuq il-qerq. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ilħuq allegat ta’ tali għanijiet jistax jiġġustifika r-restrizzjoni tad-drittijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

– Fuq il-ġlieda kontra l-għajnuna mogħtija għall-użu abbużiv tal-proċedura ta’ ażil

111

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jagħmlu użu frawdolenti jew abbużiv tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta dawn ma jkunux invokati sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju minn vantaġġ mogħti mid-dritt tal-Unjoni minkejja li r-rekwiżiti sabiex jinkiseb benefiċċju minn dan il-vantaġġ huma biss formalment issodisfatti (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 70 sa 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112

Għaldaqstant, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri milli jissanzjonaw lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet li huma jsemmu meta dawn tal-aħħar jadottaw aġir li jikkostitwixxi użu tad-dritt ta’ aċċess għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għal finijiet inkompatibbli mal-għanijiet li għalihom tali dritt ta’ aċċess huwa rrikonoxxut lilhom.

113

Bl-istess mod, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jistax jiġi interpretat fis‑sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissanzjonaw il-prattiki frawdolenti jew abbużivi mwettqa mill-konsulenti legali jew mill-konsulenti l-oħra fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet li huma jagħmlu għall-benefiċċju ta’ dawn l-applikanti.

114

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 353/A(2) u (3) ta’ dan il-kodiċi, jikkostitwixxix miżura xierqa sabiex jiġu miġġielda l-prattiki frawdolenti jew abbużivi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 ta’ din is-sentenza.

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatt li din id-dispożizzjoni kriminali tad-dritt Ungeriż tippermetti li jiġi ssanzjonat aġir li jista’ b’mod leġittimu jaqa’ taħt il-ġlieda tal-Istati Membri kontra l-prattiki frawdolenti jew abbużivi.

116

Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni kriminali tad-dritt Ungeriż ma tillimitax ruħha li tissanzjona tali aġir. Fil-fatt, in-natura illegali tal-għajnuna ssanzjonata abbażi tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali hija stabbilita meta jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-persuna kkonċernata kienet taf bil-fatt li l-individwu li hija assistiet ma setax jikseb l-istatus ta’ refuġjat skont id‑dritt Ungeriż. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, meta tali prova tkun tista’ tiġi prodotta, kull għajnuna pprovduta, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, sabiex tiffaċilita l-fatt li applikazzjoni għall-ażil issir jew tiġi ppreżentata, anki jekk din l-għajnuna tingħata b’osservanza stretta tar-regoli proċedurali previsti f’dan ir-rigward u mingħajr ir-rieda li tiżgwida materjalment lill-awtorità determinanti, tista’ tiġi ssanzjonata kriminalment.

117

B’dan il-mod, l-Ungerija tissanzjona aġir li ma jistax jitqies bħala prattiki frawdolenti jew abbużivi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 ta’ din is‑sentenza.

118

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Ungerija ma ċaħditx li persuna li tgħin sabiex applikazzjoni għall-ażil issir jew tiġi ppreżentata fl-Ungerija, minkejja li taf li din l-applikazzjoni ma tistax tintlaqa’ fid-dawl tar-regoli tad-dritt Ungeriż, iżda li hija tqis li dawn ir-regoli huma kuntrarji għad-dritt internazzjonali jew għad-dritt tal-Unjoni, tesponi ruħha għal proċeduri kriminali abbażi tal‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

119

Issa, ikun kuntrarju għall-għan tad-Direttiva 2013/32, li, kif ġie enfasizzat fil‑punt 80 ta’ din is-sentenza, jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li dawn l-applikanti jiġu mċaħħda minn assistenza li tippermettilhom jikkontestaw, fi stadju ulterjuri ta’ din il-proċedura, ir-regolarità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni.

120

F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal‑avukati kkonsultati mill-applikanti u li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaqgħu, kif ġie enfasizzat fil-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

121

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li avukat għandu jkun effettivament f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni tiegħu ta’ konsulenza, ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-klijent tiegħu b’mod adegwat, bir-riskju li dan tal-aħħar jiġi mċaħħad mid-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 206 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Issa, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali huwa ta’ natura li jipprekludi lill-avukati milli jiżguraw id-difiża effettiva tal-interessi tal-applikanti li jikkonsultawhom billi jiddisswaduhom milli jagħtu parir lil dawn tal-aħħar sabiex jagħmlu jew jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija, sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw sussegwentement id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti li jidhrilhom li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

123

Ċertament, l-Ungerija ssostni li l-persuna akkużata abbażi ta’ dan l‑Artikolu 353/A(1)(a) tista’, jekk ikun il-każ, tqajjem quddiem il-qorti responsabbli sabiex tiddeċiedi dwar il-proċeduri mressqa fir-rigward tagħha, il‑ksur tad-dritt tal-Unjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, sabiex dik il‑qorti teħlisha mill-akkużi kontriha.

124

Xorta jibqa’ l-fatt li jkun kuntrarju għall-Artikolu 47 tal-Karta li, sabiex tkun tista’ jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxilha, persuna tiġi mġiegħla tikser regola jew obbligu legali u tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta ma’ dak il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

125

Fit-tieni lok, kif ikkonfermat l-Ungerija waqt is-seduta, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali jirriżulta li din id-dispożizzjoni tissanzjona l-aġir ta’ kwalunkwe persuna li tgħin, b’għarfien sħiħ tal-fatti u fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, persuna tagħmel jew tippreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija meta din il-persuna ma tkunx ġarrbet persekuzzjonijiet u ma tkunx esposta għal riskju ta’ persekuzzjonijiet f’mill-inqas Stat wieħed li minnu tkun wettqet tranżitu qabel ma wasslet fl-Ungerija.

126

Issa, kif huwa indikat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2013/32 tipprekludi li applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal tali raġuni. Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa manifest li, sa fejn jikkriminalizza l-għoti ta’ għajnuna bħal dik deskritta fil-punt preċedenti, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali jissanzjona aġir li, bħala tali, fl-ebda każ ma jista’ jiġi assimilat ma’ prattika frawdolenti jew abbużiva u b’hekk jikser id-drittijiet li huma ggarantiti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

127

Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, għalkemm it-twettiq tar-reat previst f’dan l-Artikolu 353/A(1)(a) jeżiġi, hekk kif huwa enfasizzat fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-awtur tiegħu kien konxju mill-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddestinata li ma tirnexxix, tali rekwiżit ma jippermettix madankollu li jiġi eskluż, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li kundanna kriminali, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tkun tista’ tiġi stabbilita meta jkun jista’ jiġi kkonstatat b’mod konkret li l-persuna akkużata ma setgħetx ma tkunx taf li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat li lilha tat assistenza ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Ungeriż sabiex tibbenefika mid-dritt għall-ażil.

128

It-tieni, sa fejn ma jeskludix li persuna tiġi ssanzjonata kriminalment għas‑sempliċi raġuni li jkun jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li hija ma setgħetx ma tkunx taf li l-applikant li hija għenet ma kienx jissodisfa l‑kundizzjonijiet sabiex jikseb l-ażil, skont id-dritt Ungeriż, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali għandu bħala konsegwenza li kull persuna li tixtieq tagħti tali għajnuna ma tistax tillimita ruħha li tipprovdi assistenza purament formali lill‑applikant, sabiex dan tal-aħħar jagħmel jew jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu, iżda għandha, għall-kuntrarju, teżamina, f’dan l-istadju, jekk din l-applikazzjoni tistax tirnexxi skont id-dritt Ungeriż.

129

Issa, minn naħa, kif tosserva essenzjalment l-Kummissjoni, ma jistax jiġi mistenni mill-persuni li jipprovdu assistenza lill-applikanti għall-ażil, ikun xi jkun it-titolu li bih dawn jintervjenu, li jeżerċitaw tali kontroll qabel ma jkunu jistgħu jgħinu lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat sabiex tagħmel jew tippreżenta l‑applikazzjoni għall-ażil tagħha.

130

Barra minn hekk, l-applikanti għall-ażil jista’ jkollhom diffikultajiet sabiex jistabbilixxu, mill-istadju meta jagħmlu jew jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, l-elementi rilevanti li jippermettu li jiġi ġġustifikat li huma jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat.

131

Min-naħa l-oħra, ir-riskju, għall-persuna kkonċernata, li tiġi esposta għal sanzjoni kriminali, għas-sempliċi raġuni li hija ma setgħetx ma tkunx taf li l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddestinata li ma tirnexxix, jirrendi inċerta l-legalità ta’ kull għajnuna intiża li tippermetti t-twettiq ta’ dawn iż-żewġ stadji essenzjali tal‑proċedura ta’ għoti ta’ ażil li huma dawk meta persuna tagħmel jew tippreżenta tali applikazzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali jissanzjona dan ir-reat b’piena partikolarment severa, peress li tieħu l-forma ta’ ċaħda tal-libertà.

132

Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura li tiddisswadi b’mod qawwi lil kull persuna li tixtieq tipprovdi kwalunkwe għajnuna intiża li ssir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil, ikun xi jkun it-titolu li bih din il-persuna tintervjeni, minkejja li din l-assistenza tkun intiża biss li tippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lill-persuna mingħajr Stat teżerċita d-dritt fundamentali tagħha li titlob l-ażil fi Stat Membru, kif iggarantit fl-Artikolu 18 tal-Karta u ppreċiżat fl‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32.

133

Mill-punti 116 sa 132 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 353/A(1)(a) tal‑Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, imur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż għall‑ġlieda kontra l-prattiki frawdolenti jew abbużivi.

– Fuq il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali bbażata fuq il-qerq

134

Fir-rigward tal-għan intiż għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali bbażata fuq il-qerq, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali għan jippermettix li jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet għad-drittijiet kollha stabbiliti fid‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal‑Kodiċi Kriminali ma huwiex miżura xierqa sabiex jintlaħaq tali għan.

135

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali ma għandux l‑għan li jissanzjona lill-persuna li tipprovdi assistenza materjali jew finanzjarja intiża sabiex tiffaċilita d-dħul jew ir-residenza irregolari fit-territorju Ungeriż, peress li dan l-aġir huwa barra minn hekk issanzjonat minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-kodiċi, kif tirrikonoxxi l-Ungerija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

136

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, minn naħa, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandha d-dritt li tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntieri tiegħu jew fiż‑żoni ta’ tranżitu tiegħu, anki jekk tkun tinsab f’residenza irregolari f’dan it‑territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020,Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 73, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan id-dritt għandu jiġi rrikonoxxut lilha, ikunu xi jkunu l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ tali applikazzjoni.

137

Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, sa minn meta ssir tali applikazzjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat tikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2013/32. Issa, tali applikant ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa għamel l-applikazzjoni tiegħu, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwarha fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 40, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 209 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

138

Għalhekk, il-provvista ta’ assistenza sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta jkun ċar għall-persuna li tipprovdi din l-għajnuna li din l-applikazzjoni mhux ser tirnexxi, ma tistax titqies li hija attività li tiffavorixxi d-dħul jew ir-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

139

Dan ikun il-każ anki jekk l-applikant għall-ażil ma kellux jibbenefika mid-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu fl-ewwel istanza, kif jipprevedi, b’mod eċċezzjonali, l-Artikolu 9(2) tad‑Direttiva 2013/32. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn l-għajnuna ikkriminalizzata fl-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali tippermetti sempliċement lill-persuna kkonċernata tagħmel jew tippreżenta tali applikazzjoni u mhux li tibqa’, f’tali każ, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija ma tistax tiġi assimilata ma’ għajnuna għal residenza irregolari.

140

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem l-Ungerija fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-attività kkriminalizzata minn dan l‑Artikolu 353/A(1)(a) hija distinta b’mod ċar mill-aġir li l-Istati Membri huma obbligati jissanzjonaw b’mod xieraq skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90. Fil-fatt, dan l-aġir jikkonsisti, minn naħa, fil-fatt li persuna ċittadina ta’ pajjiż terz tiġi megħjuna konxjament sabiex tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru jew sabiex twettaq tranżitu fih, bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul jew it-tranżitu tal-barranin, u, min-naħa l-oħra, fil-fatt li tali persuna tiġi megħjuna konxjament, għal skop ta’ lukru, sabiex tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar ir-residenza tal-barranin.

141

Issa, ma jistax jitqies li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat jkun qiegħed jikser ir-regoli dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri għas-sempliċi raġuni li huwa jitlob, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, il-persuna li tillimita ruħha li tgħin lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil din il-persuna mingħajr Stat tagħmel jew tippreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, anki jekk hija tkun taf li din l-applikazzjoni hija ddestinata li ma tirnexxix, ma tistax titqabbel ma’ persuna li tipprovdi għajnuna għad-dħul, għat-tranżitu jew għar-residenza illegali, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90.

142

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946. Fil-fatt, għalkemm din tal-aħħar timponi fuq l-Istati Membri l‑obbligu li jimponu sanzjonijiet effettivi li jissanzjonaw it-twettiq tar-reati previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90, l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi espressament li dan huwa applikabbli bla ħsara għall-protezzjoni mogħtija lill-applikanti għall-ażil konformement mad-dritt internazzjonali.

143

Għaldaqstant, ir-restrizzjoni imposta mill-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, fuq id-drittijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 93 ta’ din is-sentenza ma hijiex iġġustifikata.

144

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l‑Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2) u l‑Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll taħt l-Artikolu 10(4) tad‑Direttiva 2013/33 billi ssanzjonat kriminalment fid-dritt intern tagħha l-aġir ta’ kull persuna li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, tipprovdi għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tagħha, meta jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li din il-persuna kienet konxja mill-fatt li din l-applikazzjoni ma setgħetx tintlaqa’, skont dan id-dritt.

145

Min-naħa l-oħra, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud sa fejn dan huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-Ungerija milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32, minħabba l-adozzjoni tal‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

Fuq l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija

L-argumenti tal-partijiet

146

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33 billi pprevediet li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment imposti mill-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija huma applikabbli għall-persuni ssuspettati li wettqu r-reat imsemmi fl-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali jew ikkundannati f’dan ir-rigward.

147

F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’żieda mal-argumenti żviluppati fir-rigward tal‑Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, li, anki jekk l-organizzazzjonijiet u l‑persuni msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 jiddeċiedu li jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom minkejja r-riskju ta’ proċeduri kontrihom, minħabba din id-dispożizzjoni kriminali, ikun faċli li dawn jiġu preklużi milli jagħmlu dan abbażi tal-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija, li jipprojbixxi lil kull persuna, minkejja li tkun għadha biss issuspettata li kisret dan l‑Artikolu 353/A, milli tersaq lejn il-fruntieri esterni tal-Ungerija. Issa, tali restrizzjoni għad-dritt iggarantit mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-miżuri tal-pulizija previsti f’dan l-Artikolu 46/F jirriżultaw awtomatikament mill-ftuħ ta’ proċeduri kriminali.

148

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija għall-persuni ssuspettati li wettqu r-reat, imsemmi fl‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, jew ikkundannati abbażi ta’ din l‑aħħar dispożizzjoni, hija ta’ natura li tirrendi mingħajr sustanza d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 12(2)(c) u mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll mill-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33.

149

L-Ungerija twieġeb, flimkien mal-argumenti li hija ssostni insostenn tad-difiża tagħha dwar l-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, li huwa loġiku li persuna ssuspettata li wettqet reat ma tkunx tista’ tidħol f’installazzjoni daqstant sinjifikattiva bħal żona ta’ tranżitu.

150

Barra minn hekk, peress li “suspett fondat”, fis-sens tal-A büntetőeljárásról szóló 2017. Évi XC. törvény (il-Liġi Nru XC tal‑2017 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali), tas‑26 ta’ Ġunju 2017 (Magyar Közlöny 2017/99), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa neċessarju sabiex tinbeda l-azzjoni kriminali, l-esklużjoni miż-żona tal-fruntiera tal-persuni akkużati talli wettqu r-reati msemmija fl-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija hija konformi mal-eċċezzjoni bbażata fuq iż-żamma tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà, prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32. B’mod iktar partikolari, il-persuni ssuspettati, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, li jipprovdu lill-applikanti għall-ażil l-informazzjoni neċessarja sabiex jiżgwidaw lill-awtoritajiet Ungeriżi jheddu ż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera, b’tali mod li l-Artikolu 46/F jikkostitwixxi miżura neċessarja u ġġustifikata għaż-żamma tal-ordni fil-fruntieri tal-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

151

Il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Ungerija talli kisret l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33, billi pprevediet li l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija japplika għall-persuni akkużati jew issanzjonati abbażi tal-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

152

Skont dan l-Artikolu 46/F, l-awtoritajiet tal-pulizija Ungeriża huma obbligati li jipprekludu li kull persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 353/A tal-Kodiċi Kriminali, tkun tinsab f’inqas minn tmien kilometri mill-fruntieri esterni tal-Ungerija.

153

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija jirriżulta li dan ma huwiex intiż li japplika għall-persuni li ġew ikkundannati abbażi ta’ dan l-Artikolu 353/A. F’dan ir-rigward, għalkemm ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija li tali kundanna tista’ twassal għal projbizzjoni ta’ dħul f’parti mit-territorju tagħha, għandu jiġi osservat madankollu li din il‑konsegwenza ma hijiex prevista fl-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija, iżda f’dispożizzjoni oħra tal-Kodiċi Kriminali, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

154

Wara li saret din il-preċiżazzjoni preliminari, fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija jikkostitwixxi limitazzjoni tad-drittijiet li huma ggarantiti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 151 ta’ din is-sentenza.

155

Għalhekk, l-ewwel, huwa ċar li, billi jipprekludi lill-persuni ssuspettati li wettqu r-reat imsemmi fl-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali milli jaċċedu għall-applikanti għall-ażil li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri esterni tal-Ungerija, dan l-Artikolu 46/F jirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għal dawn l-applikanti għall-ażil li huwa ggarantit mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/32.

156

It-tieni, l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija għandu jitqies ukoll bħala restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-applikanti għall-ażil imqiegħda f’detenzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33.

157

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata indirizzata lill-Ungerija, iż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa kienu għadhom ma ngħalqux. Issa, minn naħa, numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali kienu obbligati jibqgħu f’dawn iż-żoni ta’ tranżitu, li jinsabu fil-viċinanza immedjata tal-fruntiera Serbo‑Ungeriża, matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija żoni kellhom jitqiesu bħala faċilitajiet ta’ detenzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2013/33 (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 156 sa 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Għaldaqstant, billi pprekluda lill-persuni ssuspettati li wettqu r-reat imsemmi fl‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali milli jaċċedu fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri esterni tal-Ungerija, inkluż fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Röszke u ta’ Tompa, l-Artikolu 46/F, fi kwalunkwe każ, kellu l-effett li jirrestrinġi l-aċċess tal‑persuni u tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) tad‑Direttiva 2013/33 għal parti mill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata indirizzata lill-Ungerija, tqiegħdu f’detenzjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

159

It-tielet, għandu jiġi osservat li d-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jikkonsulta mal-persuni msemmija fl-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2013/32 għandu jinftiehem bħala li jinkludi d-dritt ta’ aċċess għal dawn il-persuni, kif juri l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva.

160

Minn dan isegwi li l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għad-drittijiet li huma ggarantiti lill-applikanti għall-ażil mill‑Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32, meta dawn ikunu jinsabu f’inqas minn tmien kilometri mill-fruntieri esterni ta’ dan l-Istat Membru.

161

Għal dak li jirrigwarda, ir-raba’, l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32, ġie stabbilit fil-punt 82 ta’ din is-sentenza li l-Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali ma jistax jostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali minn din id-dispożizzjoni, peress li din tal-aħħar hija intiża li tapplika biss wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

162

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il-Pulizija huwa intiż sabiex jipprojbixxi li kull persuna ssuspettata li wettqet ir-reat previst fl‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali tkun tista’ taċċedi għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jinsabu fil-viċinanzi tal-fruntieri Ungeriżi, inkluż wara li dawn ikunu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 46/F huwa ta’ natura li jillimita d-dritt li għandhom dawn l-applikanti, ladarba tiġi ppreżentata l-applikazzjoni tagħhom, li jikkomunikaw mal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 2013/32, peress li ġie ppreċiżat li tali dritt jippreżupponi l-possibbiltà għal dawn l-organizzazzjonijiet li jaċċedu għall-imsemmija applikanti.

163

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-Artikolu 46/F tal-Liġi dwar il‑Pulizija jirrestrinġi d-drittijiet, iggarantiti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni msemmija fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, għar-raġuni li l-persuna kkonċernata tkun issuspettata li wettqet ir-reat imsemmi f’dan l‑Artikolu 353/A(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali, għalkemm dan ir-reat imur kontra d‑dritt tal-Unjoni, tali restrizzjoni ma tistax tiġi raġonevolment iġġustifikata fid‑dawl ta’ dan id-dritt.

164

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l‑Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2), l‑Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll taħt l‑Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33 billi ċaħħdet mid-dritt li tersaq lejn il‑fruntieri esterni tagħha kull persuna ssuspettata li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, ipprovdiet għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tagħha, meta jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li din il-persuna kienet konxja mill-fatt li din l‑applikazzjoni ma setgħetx tintlaqa’.

Fuq l-ispejjeż

165

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l‑Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

166

Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fil-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi tal-każ, li l-Ungerija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar għandha tbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt:

l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall‑għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali billi ppermettiet li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant ikun wasal fit-territorju tagħha minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ dannu serju, jew li fih livell adegwat ta’ protezzjoni huwa żgurat;

l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll taħt l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l‑istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali billi ssanzjonat kriminalment fid-dritt intern tagħha l-aġir ta’ kull persuna li, fil-kuntest ta’ attività ta’ organizzazzjoni, tipprovdi għajnuna sabiex issir jew tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil fit-territorju tagħha, meta jista’ jiġi pprovat, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li din il‑persuna kienet konxja mill-fatt li din l-applikazzjoni ma setgħetx tintlaqa’, skont dan id-dritt;

l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2013/32 kif ukoll taħt l-Artikolu 10(4) tad‑Direttiva 2013/33 billi ċaħħdet mid-dritt li tersaq lejn il‑fruntieri esterni tagħha kull persuna ssuspettata li wettqet tali reat.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-Ungerija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.