SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Produzzjoni organika u tikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (KE) Nru 834/2007 – Artikolu 19(2) – Artikoli 21 u 23 – Regolament (KE) Nru 889/2008 – Artikolu 27(1) – Artikolu 28 – Il-punt 1.3 tal-Anness IX – Ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi – Ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola – Alka lithothamnium calcareum – Trab miksub mis-sedimenti ta’ din l-alka, imnaddfa, mitħuna u mnixxfa – Klassifikazzjoni – Użu fil-prodotti tal-ikel organiċi għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju – Awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑815/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Natumi GmbH

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen (Relatur), L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Natumi GmbH, minn C. Konnertz-Häußler, Rechtsanwältin,

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn A. Schink u J. Ley, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. Damiani, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u A. Dawes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat‑22 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 264, p. 1) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 889/2008”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Natumi GmbH u l-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), dwar l-użu ta’ ingredjent mhux organiku fl-ipproċessar ta’ prodott tal-ikel organiku u l-użu ta’ termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fit-tikkettar ta’ dan il-prodott tal-ikel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007

3

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72), intitolat “Regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem” jipprevedi, fil-paragrafu (1)(d)(iv) tiegħu:

“Flimkien mar-regoli ġenerali ta’ produzzjoni ta’ l-impriżi agrikoli stabbiliti fl-Artikolu 11, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem:

[…]

(d)

rigward ta’ għalf:

[…]

(iv)

materjali ta’ għalf mhux organiku li joriġina minn pjanti, materjali ta’ għalf li joriġina minn annimali u minerali, additivi ta’ l-għalf; ċerti prodotti użati fin-nutrizzjoni ta’ l-annimali u għajnuniet għall-ipproċessar għandhom jiġu użati biss jekk ikunu ġew awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika taħt l-Artikolu 16.”

4

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti u sustanzi użati fil-biedja u l-kriterji għall-awtorizzazzjoni tagħhom”, jistipula:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2), tawtorizza għall-użu fil-produzzjoni organika u tinkludi f’lista ristretta l-prodotti u s-sustanzi, li jistgħu jintużaw fil-biedja organika għall-iskopijiet li ġejjin:

[…]

(ċ)

materjal ta’ għalf mhux organiku minn oriġini tal-pjanti, materjal ta’ għalf minn oriġini ta’ annimali u minerali u ċerti sustanzi użati fin-nutrizzjoni ta’ l-annimali;

[…]”

5

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni ta’ l-ikel ipproċessat”.

“1.   Il-preparazzjoni ta’ ikel organiku pproċessat għandha tinżamm separata fiż-żmien jew spazju mill-ikel mhux organiku.

2.   Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat:

(a)

il-prodott għandu jiġi prodott prinċipalment minn ingredjenti ta’ oriġini agrikola; […]

(b)

additivi, għajnuniet ta’ proċessar, aromatizzanti, ilma, melħ, preparati ta’ mikroorganiżmi u enżimi, minerali, elementi ta’ traċċa, vitamini, kif ukoll aminoaċidi u mikronutrienti oħrajn f’oġġetti ta’ l-ikel għal użu nutrizzjonali partikolari biss jistgħu jintużaw u biss safejn ġew awtorizzati għall-użu fi produzzjoni organika skond l-Artikolu 21;

(ċ)

ingredjenti agrikoli mhux organiċi jistgħu jintużaw biss jekk ikunu ġew awtorizzati għall-użu fi produzzjoni organika skond l-Artikolu 21 jew li ġew awtorizzati b’mod proviżorju minn Stat Membru;

[…]”

6

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Kriterji għal ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar”, jistipula:

“1.   L-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta ta’ prodotti u sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2) (b) u (ċ) għandha tkun soġġetta għall-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fit-Titolu II u li ssegwi l-kriterji, li għandhom jiġu evalwati kollha kemm huma:

(i)

alternattivi awtorizzati skond dan il-kapitolu mhumiex disponibbli;

(ii)

mingħajr rikors għalihom, ikun impossibbli li jiġi prodott jew preservat l-ikel jew jiġu sodisfatti ħtiġiet dijetetiċi speċifikati previsti abbażi tal- legislazzjoni Komunitarja.

[…]

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2), tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tistabbilixxi kondizzjonijiet u limiti speċifiċi għall-użu tagħhom, u, jekk meħtieġ, dwar l-irtirar ta’ prodotti.

[…]”

7

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”, jistipula:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal “bijo” u “eko”, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw fil-Komunità kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-Komunità għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

Fit-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati jistgħu jintużaw termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ biss fejn flimkien ma’ dan l-ingredjenti kollha ta’ dak il-prodott ikunu wkoll ġew prodotti skond il-ħtiġiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   It-termini msemmija fil-paragrafu 1 ma’ għandhom jintużaw imkien ieħor fil-Komunità u fl-ebda lingwa tal-Komunità għat-tikkettar, ir-reklamar u d-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jissodisfax il-ħtiġiet imniżżla taħt dan ir-Regolament, sakemm mhumiex applikati għal prodotti agrikoli f’ikel jew għalf jew b’mod ċar ma’ għandhom l-ebda rabta ma’ produzzjoni organika.

Barra minn hekk, kwalunkwe terminu, inklużi termini użati għal trademarks, jew prattiki fit-tikkettar jew reklamar li jistgħu jqarrqu bil-konsumatur jew l-utent billi jissuġġerixxu li prodott jew l-ingredjenti tiegħu jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla taħt dan ir-Regolament, ma’ għandux jintuża.

[…]

4.   Fir-rigward ta’ ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:

(a)

fid-deskrizzjoni tal-bejgħ dment li;

(i)

l-ikel ipproċessat hu konformi ma’ l-Artikolu 19;

(ii)

ta’ l-anqas 95 % bl-użin, ta’ l-ingredjenti ta’ oriġini agrikola huma organiċi;

(b)

biss fil-lista ta’ ingredjenti, dment li l-ikel ikun konformi ma’ l-Artikolu 19 (1), 19 (2)(a), 19(2)(b) u 19(2)(d);

[…]”

Ir-Regolament Nru 889/2008

8

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “Is-suġġett u l-ambitu”, jistipula:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku fir-rigward ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.”

9

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-għalf”, jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 14(1)(d)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku u fl-għalf tal-annimali organiċi:

(a)

materjali tal-għalf mhux organiku li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali, jew materjali tal-għalf oħrajn elenkati fit-Taqsima 2 tal-Anness V, sakemm:

(i)

ikunu prodotti jew ippreparati mingħajr solventi kimiċi, u

(ii)

ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 43 jew 47(c) jiġu mħarsa;

[…]

(c)

materjali tal-għalf organiku li joriġinaw mill-annimali;

(d)

materjali tal-għalf li joriġinaw mill-minerali elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness V;

[…]”

10

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ l-ikel”.

“Għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3a:

(a)

sustanzi elenkati fl-Anness VIII ma’ dan ir-Regolament;

[…]

(f)

minerali (oligo-elementi inklużi), vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti, sakemm:

(i)

l-użu tagħhom fl-ikel għall-konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għall-konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aminoaċidi jew il-mikronutrijent; jew

(ii)

fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:

f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati,

f’prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE [tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU 2006, L 339, p. 16, rettifika fil-ĠU 2009, L 76M, p. 422)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva, jew

f’prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE [tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU 2006, L 401, p. 1)], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.”

11

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “L-użu ta’ ċerti ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola fl-ipproċessar ta’ l-ikel”, jistipula:

“Għall-iskop ta’ l-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi elenkati fl-Anness IX ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-ikel organiku.”

12

L-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008, intitolat “Materjali tal-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 22(d), l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25m(1)” isemmi, fil-punt 1 tiegħu, il-materja prima ta’ oriġini minerali għall-għalf tal-annimali, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-“Maerl” u l-“Litotamnju”.

13

L-Anness VIII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat, ħmira u prodotti tal-ħmira (imsemmija fl-Artikolu 27(1)(a) u fl-Artikolu 27a(a)”, jistipula, fit-Taqsima A tiegħu, dwar “L-Addittivi tal-Ikal, inklużi t-Trasportaturi”, li l-“Karbonat tal-kalċju” ma “għandux jintuża għall-kulur jew għall-arrikiment tal-kalċju fil-prodotti”.

14

L-Anness IX tal-imsemmi regolament, intitolat “Ingredjenti ta’ oriġini agrikola li ma kinux prodotti b’mod organiku msemmija fl-Artikolu 28”, jipprevedi:

“Prodotti Veġetali mhux ipproċessati kif ukoll Prodotti ddertivati minnhom permezz ta’ Proċessi

1.1 Frott, lewż u żrieragħ għall-ikel:

[…]

1.2 Ħwawar u ħxejjex aromatiċi għall-ikel:

[…]

1.3 Mixxellanji:

l-alka, inkluża l-alka tal-baħar, permessa fil-preparazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux organiċi

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006

15

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26), intitolat “Vitamini u minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel” jelenka, fost il-“Minerali”, il-“Kalċju”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Natumi hija produttriċi ta’ xarbiet abbażi tas-soja u tar-ross, li hija tikkummerċjalizza taħt forma ppakkjata minn qabel. Fix-xarbiet tagħha hija tinkludi l-Lithothamnium calcareum, alka ħamra korallina, fil-forma ta’ trab li jinkiseb mis-sedimenti ta’ din l-alka mejta, li jiġu mnaddfa, mitħuna u mnixxfa. Din l-alka tal-baħar tinkludi prinċipalment il-karbonat tal-kalċju u l-karbonat tal-manjeżju.

17

Natumi tikkummerċjalizza b’mod partikolari xarba msejħa “Soja-Drink-Calcium”, li hija ttikkettata “bijo” u ssemmi s-segwenti: “kalċju”, “fih alka tal-baħar b’kontenut għoli ta’ kalċju” u “jipprovdi kalċju ta’ kwalità għolja li ġej mill-alka tal-baħar Lithothamnium”.

18

Mis-sena 2005, il-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen indika lil Natumi, minn naħa, li l-użu ta’ karbonat tal-kalċju, bħala mineral, huwa pprojbit sabiex isaħħaħ bil-kalċju l-prodotti organiċi kif ukoll meta t-tisħiħ jitwettaq biż-żieda tal-alka u, min-naħa l-oħra, li huwa pprojbit li fuq tali prodotti jintwerew indikazzjonijiet relatati mal-kalċju.

19

Peress li l-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen beda proċedura intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq Natumi, din tal-aħħar ippreżentat, fl‑14 ta’ Lulju 2005, azzjoni għal kontestazzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li ġiet miċħuda.

20

Natumi appellat mid-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land Nordrhein Westfalen, il-Ġermanja). Il-proċedura ġiet sospiża, fuq talba tal-partijiet fil-kawża prinċipali, sakemm ġie adottat ir-Regolament Nru 834/2007, li ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal‑24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 39).

21

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2016, din l-aħħar qorti ċaħdet l-appell ta’ Natumi, billi qieset li ż-żieda tal-alka Lithothamnium calcareum fi prodott tal-ikel organiku ma hijiex awtorizzata mir-Regolament Nru 889/2008. Skont l-imsemmija qorti, il-punt 1.3 tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament jirreferi biss għall-alka kommestibbli, b’tali mod li hija biss din li tista’ tintuża, konformement mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda riferiment espress għan-natura kommestibbli tal-alka, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li s-sustanzi l-oħra msemmija fil-punti 1.1 u 1.2 tal-Anness IX għandhom ikunu kommestibbli, bħall-alka msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 834/2007. Issa, l-alka Lithothamnium calcareum ma hijiex kommestibbli minħabba l-preżenza karatteristika ta’ depożitu ta’ ġebel tal-franka fil-ħitan ċellulari tagħha. L-imsemmija qorti qieset li, fi kwalunkwe każ, is-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum ma jikkostitwixxux ingredjenti ta’ oriġini agrikola li jaqgħu taħt il-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008, iżda minerali, li ż-żieda tagħhom ma’ prodotti organiċi ma hijiex, bħala prinċipju, awtorizzata.

22

Natumi ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kontra s-sentenza mogħtija fl-appell.

23

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi, fl-ewwel lok, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 889/2008 jippermettix l-użu tal-alka Lithothamnium calcareum bħala ingredjent fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi.

24

Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi distinzjoni bejn, fost oħrajn, l-użu ta’ minerali u l-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi, u li r-Regolament Nru 889/2008, li jimplimenta r-Regolament Nru 834/2007, jipprevedi, fl-Artikoli 27 u 28 tiegħu, skemi ta’ awtorizzazzjoni differenti għal dawn iż-żewġ kategoriji.

25

Fil-fatt, skont l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, il-minerali jistgħu jintużaw biss bil-kundizzjoni li l-użu tagħhom fi prodotti tal-ikel għall-konsum normali jkun rekwiżit legali dirett. L-ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola jistgħu, skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, jintużaw fil-prodotti tal-ikel organiċi jekk huma jidhru fil-lista ristretta li tinsab fl-Anness IX tal-imsemmi regolament. Issa, il-punt 1.3 ta’ dan l-anness isemmi l-“alka, inkluża l-alka tal-baħar, permessa fil-preparazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux organiċi”.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 ma jinkludi ebda restrizzjoni dwar in-natura kommestibbli tal-alka. Għaldaqstant, ma hijiex l-alka nnifisha, iżda l-ingredjent użat fil-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel, bħat-trab tal-alka, li għandu jkun kommestibbli. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn ittra tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015, prodotta minn Natumi, li fiha din l-istituzzjoni kkonfermat li l-alka Lithothamnium calcareum hija koperta minn dan il-punt 1.3 tal-Anness IX.

27

Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, ċertament, il-fatt li l-“litotamnju” jidher bħala materja prima ta’ oriġini minerali fl-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008, dwar l-għalf tal-annimali, u l-assenza ta’ kategorija li tikkorrispondi għall-“litotamnju” fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament imorru fis-sens ta’ klassifikazzjoni tal-alka inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala mineral. Madankollu, jekk alka li tinġabar waqt li tkun ħajja titqies li hija ingredjent ta’ oriġini agrikola, indipendentement mill-kontenut tagħha ta’ kalċju, bħala prinċipju għandu jkun l-istess għal alka mejta, peress li ma huwiex stabbilit li l-kalċifikazzjoni sseħħ ladarba l-alka tmut. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-“litotamnju” bħala materja prima ta’ oriġini minerali fl-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel, sa fejn l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 834/2007, applikabbli għall-klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, ma jawtorizzax, bħala prinċipju, il-minerali.

28

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk li, għalkemm, kif jirriżulta mir-regoli dwar l-għalf tal-annimali stabbiliti mir-Regolament Nru 889/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju tal-kontenut għoli ta’ kalċju fl-alka Lithothamnium calcareum, il-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jirreferi għall-alka, mingħajr ma jeskludi din l-alka b’mod partikolari.

29

Konsegwentement, l-użu tal-alka Lithothamnium calcareum u b’mod partikolari, ta’ trab miksub mis-sedimenti ta’ din l-alka mejta, li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, huwa awtorizzat skont l-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 28 u l-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008.

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar il-punt jekk, u sa fejn, l-alka u, b’mod partikolari, l-alka Lithothamnium calcareum, tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(ii) tar-Regolament Nru 834/2007 sabiex l-użu tagħhom jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ma jidhirx li, mingħajr l-użu ta’ din l-alka huwa impossibbli li jiġu prodotti jew ikkonservati l-prodotti tal-ikel jew li jiġu osservati l-proprjetajiet dijetetiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tikkettar ta’ prodott li jinkludi ingredjent bħall-alka inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jinkludi riferiment għall-kalċju, li huwa mineral.

32

Din il-qorti tqis li, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007, huwa pprojbit li jsir riferiment għall-kalċju fuq l-imballaġġ jew fl-isem ta’ xarba organika u li, bħala prinċipju, kull riferiment għal mineral bħall-kalċju jista’, fid-dawl tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, li jissuġġetta l-użu tal-minerali għal kundizzjonijiet stretti, jitqies li huwa qarrieqi. Madankollu, l-istess qorti tqis li dan ma huwiex il-każ meta dan il-kalċju joriġina minn ingredjent li, sa fejn l-użu tiegħu huwa awtorizzat, għandu kontenut qawwi ta’ kalċju b’mod naturali.

33

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 28, moqri flimkien mal-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament [Nru 889/2008,] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-alka Lithothamnium calcareum tista’ tintuża inkwantu ingredjent fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: L-użu ta’ alka mejta huwa wkoll awtorizzat?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv ukoll għat-tieni domanda: Il-kliem ‘fih il-kalċju’, ‘fih alka tal-baħar b’kontenut għoli ta’ kalċju’ jew ‘jipprovdi kalċju ta’ kwalità għolja li ġej mill-alka tal-baħar Lithothamnium’ jista’ jintuża għal prodott bit-tikketta ‘organiku’ u li jkun fih il-Lithothamnium calcareum (mejta) bħala ingredjent?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 889/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, huwiex awtorizzat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, bħax-xarbiet organiċi abbażi ta’ ross jew ta’ soja, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, González Castro, C‑41/17, EU:C:2018:736, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għal dak li jikkonċerna kliem id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 jirriżulta li, għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007, l-ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola elenkati fl-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi.

37

L-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jistabbilixxi, fil-punt 1 tiegħu, il-lista tal-“Prodotti veġetali mhux ipproċessati kif ukoll prodotti dderivati minnhom permezz ta’ proċessi”, li fosthom hemm, fil-punt 1.1 tiegħu, il-“Frott, lewż u żrieragħ għall-ikel”, fil-punt 1.2 tiegħu, il-“Ħwawar u ħxejjex aromatiċi għall-ikel” u, fil-punt 1.3 tiegħu, taħt it-titolu “Mixxellanji”, l-“alka, inkluża l-alka tal-baħar, permessa fil-preparazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux organiċi”.

38

Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni indika espressament, fir-rigward tal-punti 1.1 u 1.2 ta’ dan l-Anness IX, li l-prodotti li jinsabu fih għandhom ikunu kommestibbli, mingħajr ma jagħmel din il-preċiżazzjoni fil-punt 1.3 tal-imsemmi anness, l-assenza ta’ tali preċiżazzjoni tikkonferma li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat sempliċement għall-alka kommestibbli fiha nnifisha.

39

Għalhekk, il-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-alka kollha, inkluża l-alka tal-baħar, fejn l-unika kundizzjoni prevista timponi li l-użu tagħhom fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel mhux organiċi jiġi awtorizzat.

40

Fil-każ ineżami, ma huwiex ikkontestat li l-alka Lithothamnium calcareum hija alka tal-baħar u li l-użu tagħha huwa awtorizzat fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel mhux organiċi.

41

Konsegwentement, din l-alka għandha titqies li hija prodott veġetali mhux ipproċessat, fis-sens tal-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008.

42

Minn dan isegwi li trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum, li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, jikkostitwixxi prodott idderivat minn prodott veġetali permezz ta’ proċess, li jaqa’ taħt il-punt 1.3 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 u li għandu jitqies li huwa ingredjent agrikolu mhux organiku, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.

43

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt invokat mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, li l-punt 1 tal-Anness V tar-Regolament Nru 889/2008, li jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 22 ta’ dan tal-aħħar, il-lista ristretta tal-materja prima mhux organika ta’ oriġini veġetali, tal-materja prima li toriġina mill-annimali u dik ta’ oriġini minerali għall-għalf tal-annimali li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-produzzjoni organika skont l-Artikolu 14(1)(d)(iv) u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 834/2007, jikklassifika b’mod espliċitu l-“Litotamnju” u l-“Maerl”, fi kliem ieħor l-alka Lithothamnium calcareum, fost il-“Materjali ta’ l-Għalf ta’ Oriġini Minerali”.

44

Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni hija speċifika għall-għalf u distinta minn dik tal-prodotti tal-ikel imsemmija minn dawn ir-regolamenti. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-klassifikazzjoni tal-għalf hija spjegata mill-fatt li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, l-alka Lithothamnium calcareum hija prevista mill-perspettiva tal-elementi nutrizzjonali tagħha.

45

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-prodotti tal-ikel organiċi pproċessati, ir-Regolament Nru 834/2007 jipprevedi, fl-Artikolu 19(2)(b) u (ċ) tiegħu, kif ukoll fl-Artikolu 21 tiegħu, sistemi ta’ awtorizzazzjoni distinti skont jekk il-prodotti jew sustanzi użati humiex ingredjenti agrikoli mhux organiċi, inklużi fil-lista ristretta stabbilita mill-Kummissjoni u li tinsab fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 kif ukoll fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament, jew additivi, għajnuniet ta’ pproċessar, aromatizzanti, ilma, melħ, preparati ta’ mikroorganiżmi u enżimi, minerali, elementi ta’ traċċa, vitamini, kif ukoll aminoaċidi u mikronutrijenti oħrajn elenkati fil-lista ristretta stabbilita wkoll mill-Kummissjoni u li tinsab fl-Artikolu 27(1) kif ukoll fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008.

46

Konsegwentement, il-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala ingredjent ta’ oriġini agrikola mhux organika, fis-sens tal-Artikolu 28 tal-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jew bħala mineral, fis-sens tal-Artikolu 27(1) u tal-Anness VIII ta’ dan ir-regolament, hija ddeterminata mhux skont l-elementi nutrizzjonali ta’ dan il-prodott, iżda mill-inklużjoni tiegħu f’waħda mil-listi restrittivi li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet.

47

Fil-każ ineżami, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 889/2008 u lanqas dik tal-Anness VIII ta’ dan tal-aħħar ma jirreferu għall-alka Lithothamnium calcareum, b’tali mod li din ma tistax, prima facie, titqies li hija mineral, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

48

Fir-rigward tal-kuntest li minnu jagħmlu parti d-dispożizzjonijiet ikkonċernati, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 u l-Anness IX ta’ dan tal-aħħar jimplimentaw l-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007.

49

Fil-fatt, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 834/2007, li jipprevedi r-regoli applikabbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel ipproċessati, jippermetti, fil-paragrafu 2(ċ) tiegħu, iż-żieda ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi jekk ikunu ġew awtorizzati minn qabel għal użu fil-produzzjoni organika, konformement mal-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament.

50

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi kriterji għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dawn il-prodotti u sustanzi, billi jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ dawn il-kriterji, lista ristretta sabiex tinkludi fiha l-imsemmija prodotti u sustanzi.

51

Abbażi ta’ dan l-Artikolu 21, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fl-Artikolu 28 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008, il-lista ristretta tal-ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola li jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007.

52

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regolament ta’ implimentazzjoni għandu jkun suġġett, jekk possibbli, għal interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek, C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Konsegwentement, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008 u l-Anness IX ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007.

54

Minn dan jirriżulta li, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola inkluż fil-lista ristretta li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008 jista’ jintuża biss fi prodott tal-ikel organiku jekk ikun jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007.

55

Skont dawn il-kriterji, li huma stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 834/2007, l-użu ta’ prodott jew ta’ sustanza huwa suġġett, minn naħa, għall-kundizzjoni tal-assenza ta’ soluzzjonijiet oħra awtorizzati skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament, li minnu tagħmel parti din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kundizzjoni tal-impossibbiltà, mingħajr ma jintużaw dawn il-prodotti jew dawn is-sustanzi, li jiġu prodotti jew ikkonservati l-prodotti tal-ikel jew li jiġu osservati proprjetajiet dijetetiċi previsti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

56

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu ta’ trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum, li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, f’prodotti tal-ikel organiċi bħax-xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, għall-finijiet tat-tisħiħ tiegħu bil-kalċju, jissodisfax dawn il-kriterji.

57

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji, ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li soluzzjonijiet oħra huma awtorizzati skont l-Artikoli 19 u 21 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan il-kriterju għandu jitqies li huwa ssodisfatt.

58

Għal dak li jikkonċerna t-tieni wieħed mill-imsemmija kriterji, lanqas ma jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li ż-żieda ta’ trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, għall-finijiet tat-tisħiħ tal-prodotti tal-ikel organiċi, bħalma huma x-xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija indispensabbli għall-produzzjoni jew għall-konservazzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-ikel, u lanqas li tiżgura l-osservanza ta’ proprjetajiet dijetetiċi previsti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, għandu jitqies li dan il-kriterju ma huwiex issodisfatt fil-każ ineżami.

59

Minn dan isegwi li l-Artikolu 28 u l-Anness IX tar-Regolament Nru 889/2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-użu ta’ trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bħalma huma x-xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

60

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 889/2008 huwa li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 834/2007.

62

Ir-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi regoli stretti fir-rigward taż-żieda ta’ minerali fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi, peress li l-Artikolu 19(2)(b) tiegħu jipprevedi li l-minerali, jistgħu jintużaw fil-prodotti tal-ikel, jekk ikunu diġà s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni għall-użu fil-produzzjoni organika, konformement mal-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament.

63

Issa, konformement mal-Anness I tar-Regolament Nru 1925/2006, dwar iż-żieda fil-prodotti tal-ikel ta’ vitamini, minerali u ta’ ċerti sustanzi oħrajn, il-kalċju jikkostitwixxi mineral.

64

Abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fl-Artikolu 27 u fit-Taqsima A tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008, il-lista ristretta tas-sustanzi li jistgħu jintużaw bħala addittivi fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi, għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 834/2007. Għalkemm din il-parti tal-Anness VIII tikklassifika f’din il-lista l-karbonat tal-kalċju fost l-addittivi tal-ikel, hija tippreċiża li ma jistax jintuża għat-tisħiħ tal-prodotti bil-kalċju.

65

Barra minn hekk, l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 jipprevedi li l-użu tal-minerali huwa awtorizzat fi prodotti tal-ikel għall-konsum normali permezz tal-osservanza tal-kundizzjonijiet alternattivi li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun “rekwiżit legali dirett”, jiġifieri meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-prodotti tal-ikel ma jistgħu jkunu b’ebda mod imqiegħda fis-suq bħala prodotti tal-ikel għall-konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali. It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-prodotti tal-ikel imqiegħda fis-suq bħala li għandhom xi karatteristiċi jew li jipproduċu effetti partikolari fuq il-livell tas-saħħa jew mill-perspettiva tan-nutrizzjoni jew b’rabta mal-bżonnijiet ta’ kategoriji partikolari ta’ konsumaturi, l-użu tal-minerali għandu jkun previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti tal-ikel maħsuba għat-trabi u għat-tfal ta’ età żgħira, dwar il-prodotti tal-ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż, dwar il-preparazzjonijiet abbażi ta’ ċereali u għall-ikel għat-trabi maħsuba għat-trabi u għat-tfal ta’ età żgħira jew dwar il-preparazzjonijiet għat-trabi jew il-preparazzjonijiet relatati.

66

Fil-każ ineżami, it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u l-analiżi tagħha tal-kawża ma fihomx element ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ tali regola tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni li timponi ż-żieda ta’ kalċju fil-prodotti tal-ikel organiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri xarbiet abbażi tar-ross u tas-soja, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.

67

Minn dan isegwi li l-Artikolu 19(2)(b) u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, moqrija flimkien mal-Artikolu 27 u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008, jipprojbixxu ż-żieda ta’ kalċju fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bħax-xarbiet abbażi tar-ross u tas-soja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

68

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Natumi tirrikonoxxi li, sa fejn l-użu ta’ karbonat tal-kalċju huwa pprojbit għat-tisħiħ tal-prodotti organiċi bil-kalċju, diversi produtturi ta’ xarbiet organiċi abbażi ta’ soja, ta’ ross u ta’ ċereali jżidu fihom l-alka Lithothamnium calcareum peress li din għandha kontenut qawwi ta’ kalċju b’mod naturali. Barra minn hekk, Natumi ssostni li din l-alka tikkostitwixxi alternattiva naturali għall-kalċju li l-użu tagħha għat-tisħiħ tal-prodotti tal-ikel organiċi għandu jiġi awtorizzat.

69

Issa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni li tgħid li l-użu ta’ trab miksub mis-sedimenti li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum, li għandha kontenut qawwi ta’ kalċju b’mod naturali, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, huwa awtorizzat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bħax-xarbiet organiċi abbażi ta’ soja u ta’ ross inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju, tkun tfisser li l-prodotturi ta’ dawn il-prodotti tal-ikel ikunu permessi jevadu l-projbizzjoni magħmula fl-Artikolu 19(2)(b) u fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 834/2007, moqrija flimkien mal-Artikolu 27 u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 889/2008.

70

Għaldaqstant, tali interpretazzjoni jkollha l-effett li tirrendi ineffettivi r-regoli stretti dwar iż-żieda ta’ prodotti u ta’ sustanzi bħall-minerali fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tmur kontra l-għanijiet imfittxija minnha.

71

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25, fil-ĠU 2018, L 262, p. 90, fil-ĠU 2018, L 270, p. 37, fil-ĠU 2019, L 305, p. 59 u fil-ĠU 2021, L 7, p. 53), jipprevedi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tiegħu, li l-awtorizzazzjoni għal żieda ta’ ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola fi prodotti tal-ikel organiċi pproċessati ma tingħatax jekk dawn tal-aħħar jintużaw bħala prodotti jew sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2 tat-Taqsima IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, il-minerali. Minkejja li r-Regolament 2018/848 u l-imsemmi abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, inkluż l-annessi tiegħu, ma humiex applikabbli fil-każ ineżami, huma juru madankollu żvilupp fil-qasam tal-ikel organiku, li għandu tendenza li jillimita ż-żieda ta’ elementi mhux organiċi fil-prodotti tal-ikel organiċi.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ trab miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiku, bħal xarbiet organiċi abbażi tas-soja u tar-ross, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

Fuq it-tielet domanda

73

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat‑22 ta’ Ottubru 2018, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ trab miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li jiġu mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1584, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, bħal xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.