SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II – Applikabbiltà – Kuntratt konkluż fi Stat Membru għal impjieg ma’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ provvista ta’ xogħol matul it-tul kollu tal-kuntratt – Esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni – Il-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) – Kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Kuntratt ta’ xogħol – Post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt – Obbligi tal-ħaddiem fir-rigward tal-persuna li timpjegah”

Fil-Kawża C‑804/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

BU

kontra

Markt24 GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Markt24 GmbH, minn G. Herzog, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn I. Gavrilová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BU, persuna fiżika li għandha d-domiċilju tagħha fl-Awstrija, u Markt24 GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li s-sede tagħha tinsab f’Unterschleißheim fil-Landkreis München (kollettività territorjali ta’ München, il-Ġermanja), dwar il-ħlas minn din tal-aħħar ta’ arretrati tas-salarju, ta’ ħlasijiet dovuti prorata temporis kif ukoll ta’ kumpens għal leave imħallas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 14 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“(14)

[…]

[…] sabiex tkun żgurata l-protezzjoni […] [tal]-impjegati, sabiex tiġi salvagwardjata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet fejn dawn għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva u sabiex tiġi rrispettata l-awtonomija tal-partijiet, ċerti regoli ta’ ġurisdizzjoni f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw irrispettivament mid-domiċilju tal-konvenut.

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ […] ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

4

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 1 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikoli 4 sa 6.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

2.   B’mod partikolari, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 76(1) m’għandhomx japplikaw kontra dawk il-persuni msemmija fil-paragrafu 1.”

7

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tinkludi l-Artikoli 7 sa 9 ta’ dan tal-aħħar.

8

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)

a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[…]

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati [is-servizzi ġew ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti];

c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]

5)

fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

[…]”

9

It-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, tinkludi l-Artikoli 20 sa 23 tal-istess regolament.

10

L-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-punt 5 tal-Artikolu 7, u, f’każ ta’ proċedimenti mressqa mill-impjegat [kontra persuna li timpjega], għall-punt 1 tal-Artikolu 8”.

11

L-Artikolu 21(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Min jimpjega li jkun domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat; jew

b)

fi Stat Membru ieħor:

i)

fil-qrati tal-post fejn jew minn fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati fl-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

ii)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab jew fejn kien jinstab in-negozju li kien impjega lill-impjegat”.

Id-dritt Awstrijak

12

L-Artikolu 4 tal-Bundesgesetz über die Arbeits- und Sozialgerichtsbarkeit (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Qrati li Għandhom Ġurisdizzjoni fil-Qasam Soċjali), tas-7 ta’ Marzu 1985 (iktar ’il quddiem l-“ASGG”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għandhom ġurisdizzjoni territorjali biex jieħdu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 50(1), fuq għażla tar-rikorrent:

1)

fil-każijiet imsemmija fil-punti (1) sa (3), ukoll il-qorti tal-pajjiż fejn

a)

il-ħaddiem ikun iddomiċiljat jew ikollu r-residenza abitwali matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol jew li dan jew din kellu jew kellha waqt tmiem ir-relazzjoni tax-xogħol,

[…]

d)

ir-remunerazzjoni tkun dovuta jew, f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, kienet dovuta l-aħħar […]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

BU, iddomiċiljata fl-Awstrija, ġiet ikkuntattjata f’Salzburg (l-Awstrija) minn impjegat ta’ Markt24, kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Unterschleißheim fil-kollettività territorjali ta’ München, u ffirmat magħha, permezz ta’ dan l-impjegat, kuntratt ta’ xogħol bħala aġent ta’ manutenzjoni inkarigat mill-kompiti ta’ tindif, għall-perijodu mis-6 ta’ Settembru sal-15 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

14

Fil-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita mill-kuntratt inkwistjoni, Markt24 kellha uffiċċju f’Salzburg. Madankollu, dan il-kuntratt ma ġiex iffirmat fl-imsemmi uffiċċju, iżda f’ħanut tal-ħobż sitwat f’Salzburg. Id-data tad-dħul fis-servizz miftiehma kienet is-6 ta’ Settembru 2017 u x-xogħol kellu jsir f’München. Madankollu, Markt24 finalment ma fdat l-ebda xogħol lil BU.

15

Filwaqt li din baqgħet tista’ tiġi kkuntattjata bit-telefon u kienet lesta taħdem, hija fil-fatt ma wettqet ebda prestazzjoni ta’ xogħol għal Markt24. BU ma kellhiex in-numru tat-telefon tal-impjegat ta’ Markt24 li miegħu hija kienet f’kuntatt għall-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, fejn dan kien isemmi n-numru tat-telefon Awstrijak ta’ Markt24 u indirizz Ġermaniż ta’ din il-kumpannija. BU ġiet irreġistrata sal-15 ta’ Diċembru 2017 mal-korp tas-sigurtà soċjali Awstrijak bħala impjegata. Sussegwentement, Markt24 keċċiet lil BU.

16

Fis-27 ta’ April 2018, BU ħarrket lil Markt24 quddiem il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-ħlas tas-somma totali ta’ EUR 2 962.80 gross bħala arretrati tas-salarju, ta’ ħlasijiet dovuti prorata temporis, kif ukoll kumpens għal-leave imħallas għall-perijodu mis-6 ta’ Settembru sal-15 ta’ Diċembru 2017. BU pproduċiet tliet rendikonti tas-salarju għax-xhur minn Settembru sa Novembru 2017, li fuqhom Markt24 ġiet identifikata bħala l-persuna li timpjega.

17

Peress li t-taħrika ta’ BU ma setgħetx tiġi nnotifikata lil Markt24, minkejja diversi tentattivi f’diversi indirizzi bil-posta u permezz tal-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja), u peress li r-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija ma kellhomx ir-residenza magħrufa, inħatar mandatarju, permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Diċembru 2018, sabiex jirrappreżenta lil din il-kumpannija fil-kuntest tal-proċedura, skont id-dispożizzjonijiet Awstrijaċi. Permezz ta’ att tas-7 ta’ Jannar 2019, il-mandatarju hekk maħtur ikkontesta kemm il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi inġenerali kif ukoll dik tal-qorti tar-rinviju b’mod partikolari.

18

F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwiex applikabbli għal relazzjoni ta’ xogħol li fil-kuntest tagħha ħaddiem, għalkemm ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol fl-Awstrija, ma wettaq ebda xogħol minkejja li kien disponibbli sabiex jaħdem.

19

Għall-qorti tar-rinviju, it-tul u l-istabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol, matul il-perijodu bejn is-6 ta’ Settembru u l-15 ta’ Diċembru 2017, hija pprovata. Din il-qorti żżid li kemm il-fażi prekuntrattwali qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll din il-konklużjoni stess seħħew fl-Awstrija, peress li BU ġiet barra minn hekk irreġistrata mal-korp tas-sigurtà soċjali Awstrijak.

20

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ħaddiema, bħall-konsumaturi, jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni li għandha tiġi protetta u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għalihom huma suġġetti ma għandhomx ikunu inqas favorevoli għalihom mir-regoli tad-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, fil-fehma tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ħaddiem, li, fil-każ ta’ remunerazzjoni baxxa, trendi iktar diffiċli t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 21 tar-[Regolament Brussell Ia] japplika għal relazzjoni ta’ xogħol fejn, minkejja l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol fil-Ġermanja, il-ħaddiem madankollu ma jkun wettaq ebda xogħol minkejja li kien disponibbli sabiex jaħdem diversi xhur fl-Awstrija?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-Artikolu 21 tar-[Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn kien joqgħod matul ir-relazzjoni ta’ xogħol jew fejn kien joqgħod meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-[ASGG])?

3)

L-Artikolu 21 tar-[Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn ir-remunerazzjoni hija dovuta jew kienet dovuta meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(d) tal-ASGG?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni u għat-tielet domanda:

4)

a) L-Artikolu 21 tar-[Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol fejn il-ħaddiem ma jkun wettaq ebda xogħol, il-kawża għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fit-territorju fejn huwa kien disponibbli li jaħdem?

b) L-Artikolu 21 tar-[Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol fejn il-ħaddiem ma jkun wettaq ebda xogħol, il-kawża għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn ikun ġie inizjat u konkluż il-kuntratt ta’ xogħol, anki jekk dan tal-aħħar jikkonferma jew jipprevedi li l-ħaddiem jaħdem fi Stat Membru ieħor?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

5)

Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Brussell Ia] japplika għal relazzjoni ta’ xogħol fejn, minkejja l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol fil-Ġermanja, il-ħaddiem madankollu ma jkun wettaq ebda xogħol minkejja li kien disponibbli sabiex jaħdem diversi xhur fl-Awstrija, fil-każ li tista’ tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn kien joqgħod matul ir-relazzjoni ta’ xogħol jew fejn kien joqgħod meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-ASGG jew dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil ħaddiem iressaq kawża (iktar faċilment) quddiem il-qrati tal-post fejn ir-remunerazzjoni hija dovuta jew kienet dovuta meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, bħall-Artikolu 4(1)(d) tal-ASGG?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal rikors ġudizzjarju ta’ impjegat li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru kontra l-persuna li timpjega li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn il-kuntratt ta’ xogħol ikun ġie nnegozjat u konkluż fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-impjegat u kien jipprevedi li l-post tal-eżekuzzjoni tax-xogħol kien jinsab fl-Istat Membru tal-persuna li timpjega, meta dan ix-xogħol ma twettaqx għal raġuni dovuta għal din il-persuna li timpjega.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol, il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata mit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, li tinkludi l-Artikoli 20 sa 23 ta’ dan tal-aħħar, bla ħsara għall-Artikolu 6 u għall-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, fil-każ ta’ azzjoni mressqa kontra persuna li timpjega, l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament.

24

Il-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett jippreżupponi rabta ta’ subordinazzjoni tal-ħaddiem fir-rigward tal-persuna li timpjega, peress li l-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna hija obbligata twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija għandha d-dritt li tirċievi remunerazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punti 40 u 41, kif ukoll tal-11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley, C‑603/17, EU:C:2019:310, punti 25 u 26).

26

F’każ bħal dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-partijiet huma marbuta b’“kuntratt ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1215/2012, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol li huwa s-suġġett ta’ dan il-kuntratt ġiex eżegwit jew le.

27

Għaldaqstant, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-kuntratt inkwistjoni stabbilixxa rabta ta’ subordinazzjoni bejn persuna li timpjega u ħaddiem u ħoloq id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull waħda mill-partijiet fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, tilwima li tirrigwarda dan il-kuntratt taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, minkejja ċ-ċirkustanza li dan il-kuntratt ma ġiex eżegwit.

28

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal rikors ġudizzjarju ta’ impjegat li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru kontra l-persuna li timpjega li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn il-kuntratt ta’ xogħol kien ġie nnegozjat u konkluż fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-impjegat u kien jipprevedi li l-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol kien jinsab fl-Istat Membru tal-persuna li timpjega, meta dan ix-xogħol ma twettaqx għal raġuni dovuta għal din il-persuna li timpjega.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

29

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikors bħal dak imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, fl-ipoteżi fejn dawn ir-regoli jirriżultaw iktar vantaġġużi għall-ħaddiem.

30

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, kemm il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materja ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati l-Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) u r-Regolament Nru 1215/2012, li ġew wara l-imsemmija konvenzjoni għandhom bħala għan il-ħolqien ta’ regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 25; tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 33 u 45, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C‑222/15, EU:C:2016:525, punt 31).

31

Skont, minn naħa, l-Artikolu 4(1) ta’ tar-Regolament Nru 1215/2012 “[…] persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, “[il-p]ersuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 [tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament]”.

32

Minn dan isegwi li, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta kawża li jkun fiha element estern tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-regolament u li l-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu fuq it-territorju ta’ Stat Membru, ir-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jipprevalu fuq ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 3345, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 22).

33

Din l-esklużjoni mill-prinċipju tar-regoli nazzjonali tal-ġurisdizzjoni tapplika wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn għandhom natura mhux biss speċjali, iżda wkoll eżawrjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy, C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ azzjoni legali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, ma jistgħux jiġu applikati regoli nazzjonali għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol li huma differenti minn dawk previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija regoli nazzjonali humiex iktar vantaġġużi għall-ħaddiem.

35

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikors bħal dak imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, indipendentement minn jekk dawn ir-regoli jirriżultawx li huma iktar vantaġġużi għall-ħaddiem.

Fuq ir-raba’ domanda

36

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal rikors bħal dak imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll li jiġi ppreċiżat il-forum li għandu ġurisdizzjoni skont dan l-artikolu.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka jew skont l-Artikolu 21(1)(a) ta’ dan ir-regolament, quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn hija ddomiċiljata, jew, skont il-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 21(1)(b) tal-imsemmi regolament, quddiem il-qorti tal-post fejn, jew li minnu, il-ħaddiem iwettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu, jew, meta l-ħaddiem ma jwettaqx jew ma wettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu fl-istess pajjiż, quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab jew kien jinsab l-istabbiliment li impjega lill-ħaddiem.

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qrati aditi mill-impjegat ma humiex dawk tal-Istat Membru fejn il-persuna li timpjega għandha d-domiċilju tagħha, kif jippermetti l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Lanqas ma jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali li r-rikors tal-impjegat jaqa’ taħt il-punt (ii) tal-Artikolu 21(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

39

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja li ebda xogħol ma twettaq, rikors bħal dak fil-kawża prinċipali jaqax taħt il-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qorti tal-post fejn, jew minn fejn, il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew quddiem il-qorti tal-aħħar post fejn huwa jkun wettaq xogħlu abitwalment.

40

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkorrispondi għall-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-post fejn, jew li minnu, il-ħaddiem jaqdi l-maġġoranza tal-obbligi tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 59).

41

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kuntratt ta’ xogħol ma jkunx ġie eżegwit, l-intenzjoni espressa mill-partijiet fil-kuntratt f’dak li jirrigwarda l-post ta’ din l-eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, l-uniku element li jippermetti li jiġi stabbilit post tax-xogħol abitwali għall-finijiet tal-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tippermetti li jiġi żgurat bl-aħjar mod livell għoli ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, peress li l-post tax-xogħol previst mill-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol huwa, bħala prinċipju, faċli sabiex jiġi identifikat.

42

Għaldaqstant, il-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors li jirrigwarda relazzjoni ta’ xogħol, bħal dik imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jista’ jitressaq quddiem qorti tal-Istat Membru fejn il-ħaddiem kellu, skont il-kuntratt ta’ xogħol, iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah.

43

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża, il-post fejn il-ħaddiem kellu, skont il-kuntratt inkwistjoni, iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah kien jinsab f’München.

44

Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni hija ddeterminata fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-punt 5 tal-Artikolu 7, u fil-każ ta’ proċedimenti mressqa mill-impjegat [kontra persuna li timpjega], għall-punt 1 tal-Artikolu 8” tal-imsemmi regolament.

45

Skont l-imsemmi punt 5 tal-Artikolu 7 persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tkun imfittxija fi Stat Membru ieħor “fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu”.

46

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-imsemmija dispożizzjoni tistax tapplika wkoll f’din il-kawża sa fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minn naħa, Markt24 kellha, fil-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita mill-kuntratt inkwistjoni, uffiċċju f’Salzburg u, min-naħa l-oħra, il-ħaddiem kellu, skont il-kuntratt inkwistjoni, iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah f’München.

47

Għandu jitfakkar li l-kunċetti ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija” u ta’ “xi stabbiliment ieħor”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu bħala li jippreżumu l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern bħala l-estensjoni ta’ sede prinċipali. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għandu jingħad ukoll li din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk it-tilwima tkun tikkonċerna jew atti relatati mal-użu ta’ dawn l-entitajiet, jew impenji meħuda minnhom f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar ikollhom jitwettqu fl-Istat fejn jinsabu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors bħal dak imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza jista’ jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn, jew li minnu, il-ħaddiem kellu, skont il-kuntratt ta’ xogħol, iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, bla ħsara għall-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

Fuq il-ħames domanda

50

Peress li l-ħames domanda saret biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha fid-dawl tar-risposta affermattiva mogħtija għal din l-ewwel domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ impjieg”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal rikors ġudizzjarju ta’ impjegat li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru kontra l-persuna li timpjega li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru ieħor fil-każ fejn il-kuntratt ta’ xogħol kien ġie nnegozjat u konkluż fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-impjegat u kien jipprevedi li l-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol kien jinsab fl-Istat Membru tal-persuna li timpjega, meta dan ix-xogħol ma twettaqx għal raġuni dovuta għal din il-persuna li timpjega.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikors bħal dak imsemmi fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, indipendentement minn jekk dawn ir-regoli jirriżultawx li huma iktar vantaġġużi għall-ħaddiem.

 

3)

Il-punt (i) tal-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors bħal dak imsemmi fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza jista’ jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn, jew li minnu, il-ħaddiem kellu, skont il-kuntratt ta’ xogħol, iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, bla ħsara għall-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.