SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Direttiva 2005/60/KE – Reat ta’ ħasil tal-flus – Ħasil imwettaq mill-awtur tar-reat sottostanti (‘awtoriċiklaġġ’)”
Fil-Kawża C‑790/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura
Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov
vs
LG,
MH,
fil-preżenza ta’:
Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Kumin, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u I. Ziemele (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Parchetul de pe lângă Tribunalul Braşov, minn C. Constantin Sandu, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn T. Scharf, M. Wasmeier, R. Troosters u L. Nicolae, sussegwentement minn T. Scharf, M. Wasmeier u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra LG u MH, li kienu suġġetti għal prosekuzzjoni, rispettivament, peress li wettqu u kienu kompliċi fir-reat ta’ ħasil tal-flus. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Kunsill tal-Ewropa
Il-Protokoll Nru 7 tal-KEDB
3 |
L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jipprovdi: “1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat. […]” |
Il-Konvenzjoni ta’ Strasbourg
4 |
L-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il‑Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità ffirmata fi Strasbourg fit‑8 ta’ Novembru 1990 (Ġabra tat-Trattati Ewropej, Nru 141) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Strasbourg”) jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’din il-Konvenzjoni, il-kelma:
|
5 |
L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din il-Konvenzjoni jipprevedi: “1. Kull parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu stabbiliti bħala reati skont id-dritt nazzjonali tagħha, meta jitwettqu intenzjonalment:
[…] 2. Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni jew applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu: […]
[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
Il-Konvenzjoni ta’ Varsavja
6 |
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, iffirmata f’Varsavja fis‑16 ta’ Mejju 2005 (Ġabra tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 198) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Varsavja”), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2008, tinkludi fl-Artikolu 1(a) tagħha l-istess definizzjoni tal-kelma “prodott” bħall-Konvenzjoni ta’ Strasbourg. |
7 |
L-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej: “1. Kull parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jista’ jkun meħtieġ jiġu stabbiliti bħala reati skont il-dritt nazzjonali tagħha, meta jitwettqu intenzjonalment:
[…] 2. Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni jew applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu: […]
[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
Ir-rapporti ta’ spjegazzjoni tal-konvenzjonijiet ta’ Strasbourg u ta’ Varsavja
8 |
Ir-rapporti ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjonijiet ta’ Strasbourg u ta’ Varsavja jindikaw li l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg u l-Artikolu 9(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’ċerti Stati, b’applikazzjoni ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali nazzjonali tagħhom, il-persuna li wettqet ir-reat sottostanti ma twettaqx reat addizzjonali bil-ħasil tal-prodott ta’ dan ir-reat sottostanti, filwaqt li Stati oħra diġà adottaw leġiżlazzjonijiet f’dan is-sens. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI
9 |
Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas‑26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158) tipprevedi fl-Artikolu 1 tagħha: “Sabiex isaħħu l-azzjoni kontra l-kriminalità organizzata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li jagħmlu jew iżommu riservi dwar l-artikoli li ġejjin tal-Konvenzjoni ta’ [Strasbourg]: […]
|
10 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kwadru: “Kull Stat Membru għandu jieħdu l-passi meħtieġa konsistenti mas-sistemi tagħha ta’ penali biex jiżgura li l-offiżi riferuti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ [Strasbourg], li jirriżultaw mill-Artikolu 1(b) ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, huma kkastigati mit-tneħħija tal-libertà għal massimu ta’ anqas minn 4 snin [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. |
Id-Direttiva 2005/60/KE
11 |
Il-premessi 1, 5 u 48 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15) huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
12 |
L-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu b’intenzjoni, għandhom jitqiesu bħala ħasil tal-flus:
|
13 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60 jipprevedi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ disposizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu.” |
Id-Direttiva 2015/849
14 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “1. Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti. 3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu b’intenzjoni, għandhom jitqiesu bħala ħasil tal-flus:
[…]” |
Id-Direttiva (UE) 2018/1673
15 |
Il-premessi 1 u 11 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2018, L 284, p. 22) jipprevedu:
[…]
|
16 |
Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, bit-titolu “Reati ta’ ħasil tal-flus”, jgħid: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja, meta mwettqa intenzjonalment, tkun punibbli bħala reat kriminali:
2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali, fejn it-trasgressur issuspetta jew kien imissu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali. […] 5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq minn persuni li wettqu jew kienu involuti fl-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà.” |
17 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Diċembru 2020. |
Il-dritt Rumen
18 |
Il-Legea nr. 656/2002 pentru prevenirea și sancționarea spălării banilor, precum și pentru instituirea unor măsuri de prevenire și combatere a finanțării terorismului (il-Liġi Nru 656/2002, dwar miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu), tas‑7 ta’ Diċembru 2002 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 904, tat‑12 ta’ Diċembru 2002), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 656/2002”), ittrasponiet fid-dritt Rumen, b’mod partikolari, id-Direttiva 2005/60. |
19 |
L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 656/2002 huwa fformulat kif ġej: “(1) Dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu r-reat ta’ ħasil tal-flus, punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ minn 3 sa 12‑il sena:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 |
Fil‑15 ta’ Novembru 2018 it-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija) ikkundannat lill-konvenut LG għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u disa’ xhur, b’sentenza sospiża wara li huwa nstab ħati tar-reat ta’ ħasil tal-flus kif previst fl-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, għal 80 att materjali mwettqa bejn l‑2009 u l‑2013. Il-flus ikkonċernati kienu joriġinaw minn reat ta’ frodi fiskali mwettaq minn LG. Il-prosekuzzjoni għall-imsemmi reat ta’ frodi fiskali ntemmet wara r-rimbors mill-persuna kkonċernata tal-ammonti dovuti. |
21 |
Dik il-qorti kkonstatat li, matul il-perijodu mis-sena 2009 sas-sena 2013, LG ma kienx irreġistra fil-kontabbiltà ta’ kumpannija, li tagħha kien l-amministratur, dokumenti fiskali li jistabbilixxu l-ġbir tad-dħul, fatt li huwa kklassifikat bħala “frodi fiskali”, fis-sens tad-dritt Rumen. Is-somom ta’ flus li rriżultaw minn din il-frodi fiskali kienu ġew ittrasferiti fil-kont bankarju ta’ kumpannija oħra, amministrata minn MH, u mbagħad kienu rtirati minn LG u MH. Dan it-trasferiment sar abbażi ta’ kuntratt ta’ ċessjoni ta’ krediti konkluż bejn LG, il-kumpannija li tagħha huwa kien l-amministratur u l-kumpannija li tagħha MH kienet l-amministratriċi. Skont dan il-kuntratt, is-somom dovuti lil LG mill-kumpannija amministrata minnu tħallsu minn klijenti ta’ din il-kumpannija fil-kont bankarju tal-kumpannija amministrata minn MH. |
22 |
It-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Braşov) ikkonstatat ukoll li MH kienet għenet lil LG sabiex iwettaq ir-reat ta’ ħasil tal-flus, iżda ddeċidiet favur il-ħelsien tagħha, għar-raġuni li l-kundizzjoni tal-imputabbiltà tal-ksur ma kinitx issodisfatta, peress li ma kienx ġie pprovat li l-persuna kkonċernata kienet taf li LG kien wettaq ħasil tal-flus li joriġina minn frodi fiskali. |
23 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) ġiet adita b’appelli ppreżentati mill-Parchetul de pe lângă Tribunalul Brașov (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku”), minn LG kif ukoll mill-parti ċivili, jiġifieri l-Agenția Națională de Administrare Fiscală, Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (l-Aġenzija Nazzjonali ta’ Amministrazzjoni Fiskali, id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov, ir-Rumanija) kontra s-sentenza tat-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija). |
24 |
LG sussegwentement irtira l-appell tiegħu. L-appell tal-Prosekutur Pubbliku jirrigwarda, b’mod partikolari, il-fondatezza tal-ħelsien ta’ MH għar-reat ta’ kompliċità fil-ħasil tal-flus. Il-parti ċivili tikkontesta, min-naħa tagħha, it-trattament irriżervat għall-azzjoni ċivili wara l-azzjoni pubblika, fir-rigward tal-ammont tad-danni li l-akkużat kien ġie kkundannat iħallas. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija qiegħda titlob l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/849, minkejja li din ma ġietx trasposta fid-dritt Rumen fit-terminu previst, peress li din id-direttiva tiddefinixxi r-reat ta’ ħasil tal-flus bl-istess mod bħad-Direttiva 2005/60, li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li ġiet trasposta fid-dritt Rumen bil-Liġi Nru 656/2002. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtur tar-reat ta’ ħasil tal-flus, li min-natura tiegħu huwa reat idderivat li jirriżulta minn reat sottostanti, ma jistax ikun dak tar-reat sottostanti. |
27 |
Tali interpretazzjoni tirriżulta mill-preambolu u mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2015/849 kif ukoll minn analiżi fuq livell grammatikali, semantiku u teleoloġika tal-frażi “bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali” li tagħmel sens biss jekk l-awtur tar-reat sottostanti jkun differenti minn dak tar-reat ta’ ħasil tal-flus. Barra minn hekk, l-aħħar parti tas-sentenza li tinsab fl-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2015/849 (“jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni ta’ dik il-persuna”) ma għandhiex rabta mal-awtur tal-ħasil tal-flus, iżda ma’ dik tar-reat sottostanti. |
28 |
Barra minn hekk, skont dik il-qorti, li jiġi kkunsidrat li l-awtur tar-reat sottostanti jista’ wkoll ikun dak tar-reat ta’ ħasil tal-flus iwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva [2015/849] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li twettaq l-att materjali li jikkostitwixxi r-reat tal-ħasil tal-flus hija dejjem persuna differenti minn dik li twettaq ir-reat ewlieni (l-allegat reat li minnu jiġu l-flus suġġetti għall-ħasil tal-flus)?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Jannar 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tikkonfermalha li LG kien irtira l-appell li huwa kien ippreżenta kontra s-sentenza tat-Tribunalul Braşov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov), tal‑15 ta’ Novembru 2018, u, fl-affermattiv, sa fejn ir-risposta għad-domanda magħmula kienet għadha neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
31 |
Fir-risposta għal din l-ittra li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li LG kien irtira dan l-appell, mingħajr madankollu ma dan l-irtirar kellu konsegwenzi fuq ir-rilevanza tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba l-appelli li kienu ġew ukoll ippreżentati mill-Prosekutur Pubbliku u mill-parti ċivili. L-eżami ta’ dawn l-aħħar appelli fil-fatt jimponi fuq il-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-elementi dwar il-korrispondenza bejn il-fatti lmentati u l-fatti allegati kontra LG, kif ukoll kontra MH, kif ukoll dwar l-illegalità u l-imputabbiltà ta’ dawn tal-aħħar, fir-rigward tar-reat tal-ħasil tal-flus, b’tali mod li kull riżoluzzjoni dwar il-mertu tal-każ stess tkun tiddependi mir-risposta għad-domanda magħmula. |
32 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fil-kawża prinċipali, hija kienet ser tiddeċiedi fl-aħħar istanza. |
Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
33 |
Il-Gvern Rumen jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan il-gvern isostni, qabel kollox, li, wara l-irtirar tal-appell ippreżentat minn LG, il-qorti tar-rinviju ma għadhiex mitluba tiddeċiedi dwar il-kundanna ta’ dan tal-aħħar għar-reat ta’ ħasil tal-flus. Għaldaqstant, l-utilità tar-risposta għad-domanda magħmula għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma hijiex stabbilita. |
34 |
Sussegwentement, il-preżentazzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali ma tantx hija ċara, u dan jippermetti li jkun hemm dubji dwar il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni. |
35 |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, fil-ġurisprudenza Rumena ma hemm l-ebda diverġenza fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, li jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, fil-prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokument), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokument), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tagħha din tal-aħħar tintalab tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni id-deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokument), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ittra tas‑6 ta’ Jannar 2020, jirriżulta li kawża hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li dik il-qorti tqis li, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, hija mitluba tiddeċiedi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-awtur tar-reat ta’ ħasil tal-flus jistax ikun dak tar-reat sottostanti. Konsegwentement, l-imsemmija qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta għad-domanda magħmula. |
40 |
Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. |
41 |
Barra minn hekk, għalkemm id-deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali hija konċiża ħafna u ma hijiex nieqsa minn kull ambigwità, hija madankollu tippermetti li jinftiehmu l-kwistjonijiet tal-kawża prinċipali. Wara kollox, hija ppermettiet lill-Gvern Rumen, Ċek u Pollakk u kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
42 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
43 |
Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li għamlet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, għalkemm id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, LG ġie kkundannat għat-twettiq tar-reat ta’ ħasil tal-flus imsemmi fl-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, li tittrasponi fid-dritt Rumen l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 li kien fis-seħħ matul il-perijodu kopert mill-kawża prinċipali. |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/60 u dawk tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2015/849 huma fformulati fi kliem essenzjalment simili. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li r-reat ta’ ħasil tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jitwettaq mill-awtur tal-attività kriminali li ġġenerat il-flus ikkonċernati. |
47 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner, C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2005/60 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu pprojbiti. L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jelenka, min-naħa tiegħu, l-aġir li, imwettaq intenzjonalment, huwa kkunsidrat li jikkostitwixxi reat ta’ ħasil tal-flus għall-finijiet tad-Direttiva 2005/60. |
49 |
L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 jirrigwarda l-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, fejn il-persuna li twettaq dan it-trasferiment tkun konxja tal-fatt li din toriġina minn attività kriminali jew minn parteċipazzjoni f’tali attività, bil-għan li tinħeba jew li tneħħi l-oriġini illeċita ta’ din il-proprjetà jew li tgħin lil kull persuna kompliċi f’din l-attività tevita l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħha. |
50 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 jirriżulta li, sabiex persuna tkun tista’ titqies li hija awtur ta’ ħasil tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din għandha tkun taf li l-imsemmija proprjetà toriġina minn attività kriminali jew minn parteċipazzjoni f’tali attività. |
51 |
Issa, tali kundizzjoni tikkonsisti biss fil-ħtieġa li l-awtur tar-reat tal-ħasil tal-flus ikun konxju dwar l-oriġini kriminali tal-flus ikkonċernati. Peress li din il-kundizzjoni hija neċessarjament issodisfatta fir-rigward tal-awtur tal-attività kriminali li minnha joriġinaw dawn il-flus, hija ma teskludix li dan tal-aħħar jista’ jkun l-awtur tar-reat ta’ ħasil tal-flus imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60. |
52 |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 jirriżulta li l-att materjali msemmi f’din id-dispożizzjoni jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-konverżjoni jew fit-trasferiment ta’ proprjetà, bil-għan li tinħeba jew li tinħeba l-oriġini illegali ta’ din il-proprjetà. |
53 |
Issa, sa fejn tali aġir jikkostitwixxi att materjali kontinġenti li, b’differenza għas-sempliċi pussess jew użu ta’ din il-proprjetà, ma jirriżultax awtomatikament mill-attività kriminali li minnha toriġina l-imsemmija proprjetà, dan jista’ jitwettaq kemm mill-awtur tal-attività kriminali li minnha joriġinaw il-flus ikkonċernati kif ukoll minn terz. |
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 ma jeskludix li l-awtur tar-reat sottostanti li minnu joriġinaw il-flus maħsulin jista’ wkoll ikun l-awtur tar-reat imsemmi f’din id-dispożizzjoni għall-ħasil ta’ dawn il-flus. |
55 |
Fir-rigward tal-kuntest normattiv, li taqa’ taħtu d-Direttiva 2005/60, għandu jitfakkar li, fid-data tal-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni Kwadru 2001/500 kienet fis-seħħ. Skont l-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, sabiex jintensifikaw il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jifformulawx jew ma jżommu ebda riżerva fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg f’każ ta’ reati serji u, fi kwalunkwe każ, fil-każ ta’ reati punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà jew miżura ta’ garanzija ta’ tul massimu ta’ iktar minn sena, jew, fl-Istati, li l-ordinament ġuridiku tagħhom jipprevedi għar-reati limitu minimu, f’każ ta’ reati punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà jew miżura ta’ garanzija ta’ tul massimu ta’ iktar minn sitt xhur. |
56 |
L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg jipprevedi li kull Parti għandha tadotta l-“miżuri leġiżlattivi u oħrajn” li jirriżultaw neċessarji sabiex tingħata n-natura ta’ reat kriminali lill-atti elenkati f’din id-dispożizzjoni, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, meta l-att ikun twettaq intenzjonalment. L-att ta’ ħasil tal-flus imsemmi fl-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg huwa essenzjalment l-istess bħal dak imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60. |
57 |
L-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg jagħti lill-Partijiet il-fakultà li jipprevedu li r-reati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 6 ma japplikawx għall-awturi tar-reat sottostanti. Kif jirriżulta mir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, din id-dispożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’ċerti Stati, b’applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali nazzjonali tagħhom, il-persuna li tkun wettqet ir-reat sottostanti ma twettaqx reat addizzjonali bil-ħasil tal-prodotti li jirriżultaw minn dan ir-reat sottostanti. |
58 |
Minn dan isegwi li, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2005/60, l-kriminalizzazzjoni tal-atti imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, fir-rigward tal-awtur tar-reat sottostanti, kienet irrikonoxxuta, mill-perspettiva tal-Konvenzjoni ta’ Strasbourg, iżda l-Istati Membri setgħu ma jipprevedux tali kriminalizzazzjoni fid-dritt kriminali tagħhom. Barra minn hekk, l-istess konklużjoni tapplika f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Varsavja, li l-Artikolu 9(2)(b) tagħha jipprovdi li jista’ jiġi previst li r-reati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 9 ma japplikawx għall-awturi tar-reat sottostanti. |
59 |
Id-Direttiva 2005/60, li tipprevedi fl-Artikolu 1(1) tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri li jipprojbixxu ċertu atti li jikkostitwixxu ħasil tal-flus, mingħajr ma tistabbilixxi l-mezzi għall-implimentazzjoni ta’ tali projbizzjoni, u li fl-Artikolu 1(2)(a) tagħha tiddefinixxi l-ħasil tal-flus b’mod li jippermetti, mingħajr ma timponi, l-kriminalizzazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-awtur tar-reat sottostanti, tal-atti imsemmija f’din id-dispożizzjoni, tħalli konsegwentement l-għażla lill-Istati Membri li jiddeċiedu jekk hemmx lok li ssir tali kriminalizzazzjoni fil-kuntest tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali tagħhom. |
60 |
Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata, minn naħa, fil-premessa 5 tad-Direttiva 2005/60, li abbażi tagħha din id-direttiva kienet intiża sabiex tkun “allinjata” mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, bħalma kienu ġew emendati u żviluppati fl‑2003. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-ewwel waħda minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Istati jistgħu jipprevedu li r-reat ta’ ħasil tal-flus ma jistax japplika għall-persuni li jkunu wettqu r-reat sottostanti meta dan imur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tagħhom. |
61 |
Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60 jippermetti espressament li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ, fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti għall-prevenzjoni ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Issa, dan l-artikolu, li jaqa’ taħt il-Kapitolu I tagħha, intitolat “Suġġett, Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet” japplika għad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam irregolat minn din id-direttiva għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 78). |
62 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 11 tad-Direttiva 2018/1673, din tal-aħħar hija intiża li tiġġieled il-ħasil tal-flus permezz tad-dritt kriminali u timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li ċerti tipi ta’ attivitajiet ta’ ħasil tal-flus ikunu wkoll suġġetti għal sanzjonijiet meta dawn jitwettqu mill-awtur tal-attività kriminali li tkun iġġenerat dawn il-flus. |
63 |
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2018/1673 jipprevedi, fil-fatt, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-atti msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jkunu jikkostitwixxu reati kriminali suġġetti għal sanzjonijiet meta mwettqa minn persuni li jkunu wettqu jew kienu kompliċi fl-attività kriminali li minnha toriġina l-proprjetà. |
64 |
Issa, għandu jiġi nnotat li d-deskrizzjoni tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2018/1673 tikkorrispondi għal dik tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60. |
65 |
Għaldaqstant, hija biss id-Direttiva 2018/1673, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fit‑3 ta’ Diċembru 2020, li stabbilixxiet l-obbligu għall-Istati Membri, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li jikkriminalizzaw, f’dak li jirrigwarda l-awtur tar-reat sottostanti, il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, li toriġina minn tali attività kriminali, għall-fini ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita ta’ din il-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun kompliċi fit-twettiq ta’ din l-attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-atti mwettqa minnha. |
66 |
Konsegwentement, mill-kuntest normattiv li fih taqa’ d-Direttiva 2005/60 jirriżulta li din ma tipprekludix li Stat Membru jittrasponi l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 fid-dritt nazzjonali tiegħu, billi jipprevedi l-kriminalizzazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-awtur tar-reat sottostanti, għar-reat ta’ ħasil tal-flus, konformement mal-impenji internazzjonali tiegħu u mal-prinċipji fundamentali tad-dritt intern tiegħu. |
67 |
Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2005/60. |
68 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li d-Direttiva 2005/60 għandha bħala għan prinċipali l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-premessi tagħha kif ukoll mill-fatt li hija ġiet adottata f’kuntest internazzjonali, sabiex tapplika u tirrendi vinkolanti fl-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, El Dakkak u Intercontinental, C‑17/16, EU:C:2017:341, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60 huma b’dan il-mod ta’ natura preventiva, sa fejn dawn huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex iħarsu s-solidità u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Dawk il-miżuri huma intiżi li ma jħallux jew, mill-inqas, jirrestrinġu kemm jista’ jkun dawk l-attivitajiet, billi jistabbilixxu, għal dak il-fini, ostakoli fl-istadji kollha li dawk l-attivitajiet jistgħu jinvolvu, kontra dawk li jaħslu l-flus u dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Corporate Companies, C‑676/16, EU:C:2018:13, punt 26). |
70 |
Madankollu, għalkemm, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2005/60, din tal-aħħar tirrappreżenta “sforz preventiv permezz tas-sistema finanzjarja”, flimkien mal-approċċ ibbażat fuq id-dritt kriminali, it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, billi tipprevedi li l-atti li jikkostitwixxi ħasil tal-flus imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu reat kriminali, tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll għall-preżervazzjoni tas-solidità u tal-integrità tas-sistema finanzjarja, u għalhekk huwa konformi mal-għanijiet tagħha. |
71 |
Il-kriminalizzazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-awtur tar-reat sottostanti, tar-reat tal-ħasil tal-flus hija wkoll konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2005/60, sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tista’ tirrendi iktar diffiċli l-introduzzjoni tal-fondi li joriġinaw minn attività kriminali fis-sistema finanzjarja u tikkontribwixxi għalhekk sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
72 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, tal-kuntest normattiv li fih taqa’ din id-direttiva, kif ukoll tal-għan imfittex minnha, l-Artikolu 1(2)(a) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, billi jipprevedi l-kriminalizzazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-awtur tar-reat sottostanti, tar-reat ta’ ħasil tal-flus. L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2015/849, peress li din l-aħħar direttiva llimitat ruħha, f’dan ir-rigward, li tissostitwixxi l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 mingħajr ma tagħmel ebda emenda sostanzjali għalih. |
73 |
Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar riskju ta’ inkompatibbiltà ta’ tali interpretazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. |
74 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB u fl-Artikolu 50 tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” |
75 |
Barra minn hekk, minkejja li, bħalma jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-KEDB jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u minkejja li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet inklużi fiha li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma adixxietx għaliha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż li jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tad-dritt ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 24 u 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Għaldaqstant, l-eżami tad-domanda magħmula għandu jitwettaq fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi l-prosekuzzjoni jew is-sanzjoni kriminali tal-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat (sentenzi tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 18, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 36). |
78 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ prosekuzzjoni ta’ persuna għall-istess reat (kundizzjoni “idem”), skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tan-natura identika tal-fatti materjali, jiġifieri li jkunu jeżistu numru ta’ ċirkustanzi konkreti li jkunu marbuta strettament flimkien li wasslu fl-aħħar nett għall-ħelsien jew għall-kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mnedija għal dan il-għan (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix tali għadd ta’ ċirkustanzi konkreti, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali taż-żewġ proċeduri jikkostitwixxux ġabra ta’ fatti inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-għan tagħhom (ara b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 27, u tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 36, u tal‑20 ta’ Marzu 2018Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 38). |
81 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludix li l-awtur tar-reat sottostanti jkun suġġett għal prosekuzzjoni għar-reat ta’ ħasil tal-flus, imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, meta l-fatti li jagħtu lok għall-prosekuzzjoni ma jkunux identiċi għal dawk tar-reat sottostanti, peress li n-natura identika ta’ dawn il-fatti materjali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterju stabbilit fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza. |
82 |
Issa, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħasil tal-flus, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60, jiġifieri b’mod partikolari, il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività, għall-fini ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita ta’ din il-proprjetà, huwa kkostitwit minn att distint mill-att tar-reat sottostanti, minkejja li dan il-ħasil tal-flus jitwettaq mill-awtur ta’ dan ir-reat sottostanti. |
83 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ukoll il-prinċipji rilevanti kollha u tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta lill-persuni li huma s-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-kawża prinċipali jiġu osservati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 53, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 68), b’mod partikolari nullum crimen, nulla poena sine lege (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 52) u dak ta’ proporzjonalità tal-pieni stabbiliti fl-Artikolu 49 tal-Karta. |
84 |
Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-applikabbiltà tal-Artikolu 50 tal-Karta u, f’dan ir-rigward, għandha tivverifika jekk ir-reat sottostanti kienx is-suġġett ta’ sentenza kriminali definittiva li tordna l-ħelsien jew tikkundanna l-awtur tiegħu. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-għeluq tal-azzjoni kriminali relatata mar-reat sottostanti jikkostitwixxix effettivament sentenza kriminali definittiva. |
85 |
Sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 50 tal-Karta, hija għandha tivverifika li l-fatti materjali tar-reat sottostanti, jiġifieri l-frodi fiskali, ma humiex identiċi għal dawk li għalihom LG huwa suġġett għal prosekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet indikati fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza. Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ikun eskluż fil-każ li jiġi kkonstatat li l-fatti li taw lok għall-prosekuzzjoni mibdija, fil-konfront ta’ LG għall-ħasil tal-flus abbażi tal-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi Nru 656/2002, ma humiex identiċi għal dawk tar-reat sottostanti ta’ frodi fiskali, li jidher li jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. |
86 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li r-reat ta’ ħasil tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jitwettaq mill-awtur tal-attività kriminali li ġġenerat il-flus ikkonċernati. |
Fuq l-ispejjeż
87 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li r-reat ta’ ħasil tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jitwettaq mill-awtur tal-attività kriminali li ġġenerat il-flus ikkonċernati. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.