SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) – Kunċett ta’ ‘membru tal-familja’ – Persuna adulta li titlob il-protezzjoni internazzjonali minħabba r-rabta tal-familja tagħha ma’ minuri li diġà kiseb il-protezzjoni sussidjarja – Data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kwalità ta’ ‘minuri’”

Fil-Kawża C‑768/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Bundesrepublik Deutschland

vs

SE,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn A. Schumacher, bħala aġent,

għall Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, M. Condou-Durande, K. Kaiser u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SE, ċittadin Afgan, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar ir-rifjut tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, il-Ġermanja) li jagħtih l-istatus ta’ refuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ibnu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95

3

Il-premessi 12, 16, 18, 19 u 38 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdu::

“(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

[…]

(18)

L-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti […] dwar id-Drittijiet tat-Tfal [, konkluża f’New York, fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3)]. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

(19)

Hu meħtieġ li wieħed iwessa’ l-kunċett ta’ membri tal-familja, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti partikolari tad-dipendeza u l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata fl-aħjar interessi tat-tfal.

[…]

(38)

Meta jiddeċiedu dwar il-jedd għall-benefiċċji inklużi f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ dak il-benefiċjarju. […]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(j)

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

[…]

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew [u] mhux miżżewweġ;

(k)

‘minuri’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

Skont l-Artikolu 20(2) u (5) tal-istess direttiva:

“2.   Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.

[…]

5.   L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.”

7

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Żamma ta’ unità tal-familja”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

[…]”

8

L-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista’ jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f’każ ta’ tiġdied, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.”

Id-Direttiva 2013/32/UE

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), tipprovdi fl-Artikolu 6 tagħha, bit-titolu “Aċċess għall-proċedura”:

“1. Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l-informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4. Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

9

Id-Direttiva 2011/95 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar l-Ażil, BGB1. 2008 I, p. 1798) (iktar ’il quddiem l-“AsylG”).

10

L-AsylG tagħmel distinzjoni bejn it-talba informali għall-ażil (Artikolu 13(1) tal-AsylG) u l-applikazzjonijiet formali għall-ażil (Artikolu 14(1) tal-AsylG).

11

L-Artikolu 13(1) tal-AsylG jipprovdi:

“Teżisti applikazzjoni għall-ażil jekk jista’ jiġi dedott mill-intenzjoni taċ-ċittadin barrani, espressa bil-miktub, verbalment jew b’xi mod ieħor, li huwa qiegħed ifittex protezzjoni fit-territorju tar-Repubblika Federali minn persekuzzjoni politika jew li huwa qiegħed jitlob protezzjoni kontra tneħħija jew kwalunkwe forma oħra ta’ ritorn forzat lejn Stat li fih huwa jinsab f’riskju ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 4(1).”

12

L-Artikolu 14(1) tal-AsylG jipprevedi:

“L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata fil-fergħa lokali tal-Uffiċċju Federali li hija assenjata liċ-ċentru ta’ akkoljenza responsabbli għad-dħul taċ-ċittadin barrani. […]”

13

L-Artikolu 26 tal-AsylG jipprevedi:

“[…]

(2)   Minuri mhux miżżewweġ li huwa l-wild ta’ benefiċjarju tal-ażil u li kien minuri fil-mument tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu għandu jiġi rrikonoxxut bħala eliġibbli għall-ażil fuq applikazzjoni jekk ir-rikonoxximent taċ-ċittadin barrani bħala benefiċjarju tal-ażil ma jistax jiġi kkontestat u dan ir-rikonoxximent ma jistax jiġi rrevokat jew irtirat.

(3)   Il-ġenituri ta’ minuri mhux miżżewweġ li huwa benefiċjarju tal-ażil jew adult ieħor fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95] għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala eliġibbli għall-ażil fuq applikazzjoni, jekk:

1. ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil ma jistax jiġi kkontestat;

2. il-familja fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95] tkun diġà eżistiet fl-Istat li fih il-persuna eliġibbli għall-ażil hija ppersegwitata politikament,

3. huma daħlu fit-territorju qabel ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil jew ippreżentaw l-applikazzjoni għall-ażil immedjatament wara li daħlu fit-territorju,

4. ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil ma jistax jiġi rrevokat jew irtirat, u

5. huma responsabbli sabiex jieħdu ħsieb il-persuna eliġibbli għall-ażil.

Il-punti 1 sa 4 tal-ewwel sentenza għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aħwa mhux miżżewġa tal-persuna minuri eliġibbli għall-ażil li huma minuri fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom.

[…]

(5)   Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-familja fis-sens tas-subparagrafi 1 sa 3 ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. L-eliġibbiltà għall-ażil għandha tiġi ssostitwita bl-istatus ta’ refuġjat jew bil-protezzjoni sussidjarja. Il-protezzjoni sussidjarja bħala membru tal-familja ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ma tingħatax jekk ikun hemm raġuni għall-esklużjoni skont l-Artikolu 4(2).”

14

L-Artikolu 77(1) tal-AsylG huwa fformulat kif ġej:

“Fit-tilwimiet fi ħdan l-ambitu ta’ din il-liġi, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk is-sentenza tingħata mingħajr seduta, il-mument rilevanti għandu jkun dak li fih tingħata s-sentenza. […]”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, imwieled fl‑20 ta’ April 1998, wasal fil-Ġermanja matul is-sena 2012 u ppreżenta hemmhekk applikazzjoni għall-ażil fil‑21 ta’ Awwissu tal-istess sena. Fit‑13 ta’ Mejju 2016, jiġifieri meta dan il-wild kien diġà laħaq l-età ta’ 18-il sena, l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, iżda tah l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

16

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali wasal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Jannar 2016. Ix-xahar ta’ wara, huwa talab l-ażil u, fil‑21 ta’ April tal-istess sena, huwa ppreżenta applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali. L-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, irrifjutalu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u kkonstata l-assenza ta’ raġunijiet li jipprekludu d-deportazzjoni tiegħu.

17

Permezz tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2018, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, filwaqt li ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħtih l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) u (5) tal-AsylG, bħala ġenitur ta’ wild minuri mhux miżżewweġ li jibbenefika minn din il-protezzjoni. Din il-qorti kkunsidrat li iben ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien minuri fid-data rilevanti għal dan il-għan, jiġifieri dik tal-preżentata tat-talba għall-ażil tiegħu. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-mument li fih l-applikant jitlob l-ażil fil-Ġermanja għall-ewwel darba u meta l-awtorità kompetenti ssir taf bih għandu jitqies li huwa dak tal-preżentata tat-talba għall-ażil.

18

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors dirett għal “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), fejn allegat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG. Hija ssostni li, skont l-Artikolu 77(1) tal-AsylG, id-deċiżjoni dwar it-talba għall-ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fil-mument tal-aħħar seduta quddiem il-qorti jew, jekk id-deċiżjoni tingħata mingħajr seduta minn qabel, fid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja. Peress li iben ir-rikorrent ma kienx għadu minuri fid-data rilevanti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jipprevali ruħu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95. Huwa biss wild li kien għadu minuri fil-mument meta jkun ingħata mill-awtorità kompetenti l-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, li jista’ jagħti lok għall-ħolqien ta’ drittijiet favur il-ġenituri tiegħu, skont dan l-Artikolu 2(j). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-interessi tal-minuri, liema għan huwa mingħajr skop ladarba dawn tal-aħħar jilħqu l-età maġġorenni. Fi kwalunkwe każ, għalkemm l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt għall-ażil idderivat lill-ġenituri ta’ minuri għandha tiġi evalwata fir-rigward ta-data tat-talba għall-ażil tal-ġenitur ikkonċernat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha huwa jkun ippreżenta applikazzjoni formali għall-ażil, konformement mal-Artikolu 14 tal-AsylG, u mhux id-data li fiha huwa jkun talab l-ażil b’mod informali għall-ewwel darba, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-AsylG.

19

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala membru tal-familja ta’ persuna li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali għandha tintlaqa’ jekk ibnu kien “minorenni”, fis-sens tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2011/95, u jekk huwa kellu l-kustodja tiegħu fid-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fatti. Skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, fost il-“membri tal-familja” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, meta dan il-benefiċjarju jkun minuri u mhux miżżewweġ, huwa inkluż b’mod partikolari missier dan tal-aħħar sakemm ikun preżenti fit-territorju tal-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u sakemm il-familja tal-persuna kkonċernata kienet diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini. Issa, skont din il-qorti, il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni ma jippermettux li tiġi ddeterminata b’ċertezza d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmi benefiċjarju huwiex minuri u, jekk ikun il-każ, jekk il-kwalità ta’ missier dan il-minuri, bħala membru tal-familja, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, tippersisti anki wara li l-istess benefiċjarju jkun laħaq l-età maġġorenni.

20

Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ din id-data, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-mument meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata tista’ ċċaħħad parti sinjifikattiva mir-refuġjati li ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali bħala minuri mhux akkumpanjati mit-tgawdija ta’ dan id-dritt. Madankollu, din il-qorti tqis li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma jistax japplika f’dan il-każ, għaliex, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fl-imsemmija kawża, il-wild tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jibbenefikax mid-dritt għall-ażil, iżda mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, li l-għoti tiegħu huwa suġġett, kuntrarjament għall-istatus ta’ refuġjat, għal deċiżjoni formali.

21

Barra minn hekk, tqum ukoll, jekk ikun il-każ, f’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi ddeterminat il-mument tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih saret l-applikazzjoni informali għall-ażil jew il-mument meta l-applikazzjoni għall-ażil ġiet ippreżentata b’mod korrett u xieraq.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-importanza ta’ tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja tal-wild u tal-ġenitur ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fl-Istat Membru ospitanti, u tal-eżistenza preċedenti ta’ tali ħajja tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini, kif ukoll tal-intenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jeżerċita effettivament l-awtorità tal-ġenituri tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

23

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk applikant għall-ażil jibqax ikollu l-kwalità ta’ membru tal-familja fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 fid-data li fiha l-benefiċjarju tal-protezzjoni jilħaq l-età maġġorenni, sa fejn din il-kwalità tidher marbuta mat-tul ta’ żmien limitat meta l-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun għadu minnorenni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)

Fil-każ ta’ applikant għall-ażil li, qabel l-età maġġoreni tal-wild tiegħu, li flimkien miegħu kienet diġà stabbilita familja fil-pajjiż tal-oriġini u li kien ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li laħaq età maġġoreni (iktar ’il quddiem, il-‘benefiċjarju tal-protezzjoni’), abbażi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata qabel ma ntlaħqet l-età maġġoreni, daħal fl-Istat Membru ospitanti tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem l-‘applikant għall-ażil’), u fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirreferi għall-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95], sabiex tikkonferixxi dritt għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja dderivat mill-benefiċjarju tal-protezzjoni, huwa rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni huwiex ‘minuri’ fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95], li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument fejn tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tal-applikant għall-ażil jew inkella mument preċedenti, b’mod partikolari l-mument fejn

(a)

il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja,

(b)

l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu,

(c)

l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, jew

(d)

il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu?

2.

Fis-sitwazzjoni fejn

(a)

huwa deċiżiv il-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ażil:

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni bil-miktub, orali jew b’forma oħra, li ġiet innotifikata biha l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-ażil (talba għal ażil) jew il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali?

(b)

huwa deċiżiv il-mument li fih l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju jew il-mument li fih dan ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu:

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kinitx għadha ngħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni tal-benefiċjarju tal-protezzjoni futur?

3.

(a)

Fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, taħt liema kundizzjonijiet l-applikant għall-ażil ikun ‘membru tal-familja’ (Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95) preżenti ‘fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ bħal dak li fih huwa preżenti l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li miegħu ‘familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini’? Dan jeżiġi, b’mod partikolari, li l-ħajja tal-familja msemmija fl-Artikolu 7 tal-[Karta] tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti jew is-sempliċi preżenza simultanja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u tal-applikant għall-ażil tkun biżżejjed għal dan il-għan? Ġenitur huwa wkoll membru tal-familja meta’ fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, id-dħul fit-territorju ma kienx intiż għall-eżerċizzju effettiv ta’ responsabbiltà fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 fil-konfront ta’ persuna benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali li għadha minorenni u li mhux miżżewġa?

(b)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tat-tielet domanda tkun li l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-[Karta], għandha tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti, il-mument li fiha il-ħajja tal-familja tkun issoktat huwa rilevanti? Għandu jittieħed inkusiderazzjoni f’dan ir-rigward il-fatt dwar jekk il-ħajja tal-familja tkunx issoktat f’ċertu perijodu wara d-dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju, jew fil-mument fejn l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew fil-mument fejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni kien għadu minorenni?

4.

L-istatus ta’ applikant għall-ażil bħala membru tal-familja fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, jintemm meta l-benefiċjarju tal-protezzjoni jilħaq l-età maġġorenni u ma tibqax teżisti r- responsabbiltà lejn persuna minorenni u mhux miżżewġa? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda: dan l-istatus ta’ membru tal-familja (u d-drittijiet derivati minnu) jibqa’ jeżisti lil hinn mid-data għal żmien illimitat jew jintemm wara ċertu perijodu (fl-affermattiv, liema perijodu?) jew mas-seħħ ta’ ċerti avvenimenti (fl-affermattiv: liema avvenimenti?)”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25

Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Mejju 2020, il-proċedura ġiet sospiża f’din il-kawża, skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-għoti tad-deċiżjoni fil-Kawżi C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri). Is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju fil-proċeduri preżenti sabiex taċċerta jekk xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Awwissu 2020, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2020, l-imsemmija qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Konsegwentement, din il-proċedura tkompliet fuq deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Awwissu 2020.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020, il-Gvern Ġermaniż intalab jiċċara, permezz ta’ risposta bil-miktub, id-differenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proċedura, it-termini u l-kundizzjonijiet, li teżisti fid-dritt Ġermaniż bejn l-applikazzjoni informali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-AsylG u l-applikazzjoni formali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tagħha. Fl‑14 ta’ Diċembru segwenti, il-Gvern Ġermaniż wieġeb għal din il-mistoqsija.

27

Fl‑10 ta’ Novembru 2020, il-partijiet fil-kawża prinċipali u partijiet interessati oħra ġew mistiedna skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi possibbli li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) bil-għan li tingħata risposta, b’mod partikolari, għall-ewwel domanda magħmula. Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

28

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina, f’sitwazzjoni fejn applikant għall-ażil li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fejn jinsab il-wild minuri mhux miżżewweġ tiegħu u li għandu l-intenzjoni li jikseb dritt għal protezzjoni sussidjarja abbażi tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ta’ wild minuri mhux miżżewweġ, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tagħti tali dritt lill-persuni li jaqgħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95], liema hija d-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali huwiex “minuri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan l-applikant għall-ażil.

29

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk hemmx lok li jsir riferiment għall-mument li fih tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-imsemmi applikant għall-ażil jew għal mument preċedenti.

30

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/95, adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(b) TFUE, hija intiża, b’mod partikolari, li tistabbilixxi sistema uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja. F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa li tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 23(1) u (2) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membru l-obbligu li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja u li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ din il-protezzjoni jistgħu jiksbu l-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tal-imsemmija direttiva, b’mod konformi mal-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja kkonċernat.

32

Fost il-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, li huma preżenti fl-istess Stat Membru abbażi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u sa fejn il-familja kienet diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini, hemm inklużi, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, il-missier jew l-omm ta’ dan il-benefiċjarju jew kwalunkwe adult ieħor responsabbli għalih fid-dritt jew fil-prattika fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, meta l-imsemmi benefiċjarju jkun minuri u mhux miżżewweġ.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li minuri għandu jkollu inqas minn 18-il sena, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi evalwat jekk tali kundizzjoni hijiex issodisfatta u lanqas ma tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwiex “minorenni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95.

35

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).–

36

Barra minn hekk, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipji stabbiliti fil-Karta u hija intiża li tippromwovi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 7 u 24 tagħha.

37

B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta, li jistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Dan l-Artikolu 7 għandu jinqara, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li wild ikollu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif jirriżulta wkoll mill-kliem tal-premessi 18, 19 u 38 kif ukoll tal-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, li abbażi tagħhom, meta l-Istati Membri jimplimentaw l-imsemmija direttiva, l-aħjar interess tal-wild għandu jikkostitwixxi għalihom kunsiderazzjoni primarja li fir-rigward tiegħu għandhom jagħtu attenzjoni partikolari u fl-evalwazzjoni tagħha għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iżvilupp soċjali.

39

Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li tingħażel, kif jissuġġerixxi b’mod partikolari l-Gvern Ġermaniż, id-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-ġenitur ikkonċernat, li għandu l-intenzjoni li jikseb dritt għal protezzjoni sussidjarja abbażi tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja miksub mill-wild tiegħu, bħala dik li għandu jsir riferiment għaliha għall-evalwazzjoni dwar jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali huwiex “minorenni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, la huwa konformi mal-għanijiet intiżi ta’ din id-direttiva, u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-Karta, li huwa l-promozzjoni tal-ħajja tal-familja, u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li jeżiġi li, fl-atti kollha li jikkonċernaw it-tfal, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-aħjar interess tal-wild għandu jkun kunsiderazzjoni primarja. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja) – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 36).

40

Fil-fatt, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti ma humiex inċentivati jindirizzaw bi prijorità t-talbiet imressqa mill-ġenituri ta’ minuri bl-urġenza neċessarja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà ta’ dawn il-minuri u b’hekk jistgħu jaġixxu b’mod li jipperikola d-dritt għall-ħajja tal-familja kemm ta’ ġenitur mal-wild minuri tiegħu kif ukoll ta’ dan tal-aħħar ma’ membru tal-familja tiegħu. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja) – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni lanqas ma tippermetti li jiġi ggarantit, konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jkunu jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, sa fejn din twassal sabiex is-suċċess tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-amministrazzjoni jew lill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-ħeffa ikbar jew inqas li biha l-applikazzjoni tiġi ttrattata jew li biha r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni jiġi deċiż, u mhux fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja) – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta applikant għall-ażil, li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li fih jinsab il-wild minuri mhux miżżewweġ tiegħu, għandu l-intenzjoni li jikseb id-dritt għall-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 abbażi tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja miksub minn dan il-wild u, jekk ikun il-każ, id-dritt għall-ażil meta, skont l-Artikolu 3 tagħha, dan ikun previst mid-dritt nazzjonali, id-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali huwiex “minorenni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn missieru, hija d-data li fiha dan tal-aħħar ikun ippreżenta tali applikazzjoni.

43

Id-dritt tal-membru tal-familja għal dawn il-vantaġġi, inkluż, jekk ikun il-każ, id-dritt għall-ażil meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali, għandu għalhekk jiġi nvokat mill-ġenitur ikkonċernat meta l-wild tiegħu, benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, ikun għadu minorenni. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-familja għandha tkun diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini u li l-membri tal-familja kkonċernati kellhom ikunu preżenti fit-territorju tal-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, qabel ma dan il-benefiċjarju jilħaq l-età maġġorenni, li jimplika wkoll li l-imsemmi benefiċjarju jkun talab din il-protezzjoni qabel ma jkun laħaq l-età maġġorenni.

44

Tali interpretazzjoni hija konformi kemm mal-għanijiet tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll mad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li, kif ġie rrilevat fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, jimplikaw li tingħata attenzjoni partikolari għall-aħjar interess tal-wild, bħala kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri, u li fl-evalwazzjoni tagħha għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prinċipju tal-unità tal-familja, tal-benesseri u tal-iżvilupp soċjali tal-minuri.

45

Fil-każ li d-data tal-applikazzjoni mill-ġenitur ikkonċernat titqies li hija determinanti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat li din id-data hija dik li fiha dan il-ġenitur ikun talab b’mod informali l-ażil għall-ewwel darba u fejn l-awtorità kompetenti saret taf biha, jew dik li fiha l-imsemmi ġenitur formalment ippreżenta applikazzjoni għall-ażil.

46

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Ġermaniż applikabbli jagħmel distinzjoni bejn it-talba informali għall-ażil, konformement mal-Artikolu 13(1) tal-AsylG, u l-preżentata formali tal-applikazzjonijiet għall-ażil, konformement mal-Artikolu 14(1) tal-AsylG. Din id-distinzjoni tirrifletti dik prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32 bejn, minn naħa, l-azzjoni li ssir applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li l-azzjoni li ssir l-applikazzjoni informali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-AsylG, ma teħtieġ l-ebda forma partikolari u tiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-preżentata ta’ applikazzjoni formali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-AsylG, hija, għall-kuntrarju, suġġetta għat-twettiq ta’ ċerti formalitajiet mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti.

48

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32, hekk kif huwa “jagħmel” tali applikazzjoni. Issa, filwaqt li r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, u li l-preżentata ta’ din l-applikazzjoni teżiġi, fil-prinċipju, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jimla’ formola prevista għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 6(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, l-azzjoni li “ssir” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma teħtieġ it-twettiq ta’ ebda formalità amministrattiva, peress li l-imsemmija formalitajiet għandhom jitwettqu waqt il-“preżentata” ta’ din l-applikazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punti 92 u 93).

49

Konsegwentement, minn naħa, il-kisba tal-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tista’ tkun suġġetta la għall-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni u lanqas għar-reġistrazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz, jesprimi r-rieda tiegħu li jitlob il-protezzjoni internazzjonali quddiem “awtorità oħra”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa biżżejjed biex jikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol li fih l-Istat Membru kkonċernat għandu jirreġistra l-istess applikazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 94).

50

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ġenitur li talab il-protezzjoni internazzjonali daħal fit-territorju Ġermaniż fix-xahar ta’ Jannar 2016. Matul ix-xahar ta’ wara, huwa talab l-ażil u, fil‑21 ta’ April 2016, huwa ppreżenta applikazzjoni formali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-AsylG. L-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali minħabba li iben dan tal-aħħar kien sar maġġorenni fl‑20 ta’ April 2016.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fil-każ fejn l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta b’mod informali l-applikazzjoni tiegħu meta ibnu kien għadu minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2011/95, tali applikant għandu, bħala prinċipju, jitqies li huwa f’din id-data kien membru tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, għall-finijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta applikant għall-ażil, li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li fih jinsab il-wild minuri mhux miżżewweġ tiegħu għandu l-intenzjoni li jikseb dritt għall-ażil skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tagħti tali dritt lill-persuni li jaqgħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 abbażi tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja miksub minn dan il-wild, id-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni huwiex “minorenni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan l-applikant għall-ażil, hija d-data li fiha dan tal-aħħar ippreżenta, jekk ikun il-każ b’mod informali, l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha u mal-Artikolu 7 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ma jeżiġix tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja bejn il-ġenitur tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u l-wild tiegħu. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk ġenitur għandux jitqies bħala “membru tal-familja” meta d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma kienx intiż sabiex effettivament jassumi r-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward tal-wild ikkonċernat.

54

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-missier ta’ wild li huwa benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jissuġġetta l-kunċett ta’ “membru tal-familja” unikament għal tliet kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri, li l-familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini, li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni jkunu preżenti fl-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jkun minuri mhux miżżewweġ. Għall-kuntrarju, it-tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma tinsabx fost dawn il-kundizzjonijiet.

55

Barra minn hekk, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva lanqas ma jirreferi għal tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja. L-Artikolu 23(1) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tinżamm u l-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jitolbu l-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tal-istess direttiva.

56

Bl-istess mod, l-Artikolu 7 tal-Karta sempliċement jipprevedi d-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħha u, bħat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, ma jimponi ebda rekwiżit speċifiku f’dak li jikkonċerna kemm il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll l-intensità tar-relazzjonijiet familjari kkonċernati.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, jiddependi fuq it-tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u l-ġenitur li għandu l-intenzjoni li jikseb id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja abbażi tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja miksub mill-wild tiegħu.

58

Fi kliem ieħor, it-tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-ksib tal-vantaġġi li jingħataw lill-membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja. Għalhekk, għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2011/95 u tal-Karta jipproteġu d-dritt għal ħajja tal-familja u jippromwovu ż-żamma tagħha, dawn iħallu, bħala prinċipju, lid-detenturi ta’ dan id-dritt il-kompitu li jiddeċiedu l-modalitajiet li abbażi tagħhom huma jixtiequ jgħixu l-ħajja tal-familja tagħhom u, b’mod partikolari, ma jimponu ebda rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-intensità tar-relazzjoni familjari tagħhom.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha u mal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ma jeħtieġx tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja bejn il-ġenitur tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u l-wild tiegħu.

Fuq ir-raba’ domanda

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ ġenitur bħala membru tal-familja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tintemm meta l-wild benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jilħaq l-età maġġorenni u, konsegwentement, meta tintemm ir-responsabbiltà tal-ġenituri għal dan il-wild. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kwalità ta’ dan il-ġenitur bħala membru tal-familja u d-drittijiet marbuta miegħu jinżammux indefinittivament, wara d-data li fiha l-wild ikkonċernat jilħaq l-età maġġorenni jew jekk dawn id-drittijiet jieqfux milli jeżistu f’ċertu mument jew taħt ċerti kundizzjonijiet.

61

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, konformement mat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, il-missier jew l-omm tal-benefiċjarju tal-protezzjoni jew kwalunkwe adult ieħor li huwa responsabbli fid-dritt jew fil-prattika fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat ma għandux jitqies li huwa membru tal-familja, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(j), u b’hekk jibbenefika mill-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, mid-drittijiet għal residenza kif ukoll għall-aċċess għal impjieg u għal residenza, għal tul ta’ żmien illimitat.

62

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2011/95 l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom, kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatatilhom il-protezzjoni internazzjonali, permess ta’ residenza validu għal mill-inqas sena u li jista’ jiġġedded għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubblika jipprekludu dan.

63

Issa, għandu jitqies li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali lil ġenitur bħala “membru tal-familja” tal-benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, jikkostitwixxi dritt idderivat mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil wild tiegħu, minħabba ż-żamma tal-unità tal-familja tal-persuni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni mogħtija lil tali ġenitur ma tistax, fi kwalunkwe każ, tintemm immedjatament sempliċement minħabba l-fatt li l-wild benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jilħaq l-età maġġorenni jew, fi kwalunkwe każ, ma jistax iwassal sabiex jiġi rtirat awtomatikament lill-ġenitur ikkonċernat il-permess ta’ residenza li jkun għadu validu matul perijodu partikolari.

64

Fil-fatt, għalkemm il-“membri tal-familja” tal-benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jkunu, f’mument partikolari, issodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din id-definizzjoni, id-dritt suġġettiv għall-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva li ngħatalhom għandu jibqa’ jeżisti wkoll wara li l-imsemmi benefiċjarju jkun laħaq l-età maġġorenni, tul il-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva.

65

F’dan ir-rigward, kif tosserva l-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jistabbilixxu t-tul tal-permess ta’ residenza, il-fatt li l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali ser jilħaq l-età maġġorenni wara li l-kisba tad-dritt suġġettiv mill-membri tal-familja tiegħu. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2011/95 ma teskludix b’mod partikolari li ssir distinzjoni bejn it-tul tal-validità tal-permess ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni u dak tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu. Madankollu, il-permess ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar għandu jkun validu għal mill-inqas sena.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet li l-membri tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jisiltu mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja miksub mill-wild tagħhom, b’mod partikolari l-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tagħha, jibqgħu jeżistu wara li dan il-benefiċjarju jilħaq l-età maġġorenni, tul iż-żmien ta’ validità tal-permessi ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta applikant għall-ażil, li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li fih jinsab il-wild minuri mhux miżżewweġ tiegħu għandu l-intenzjoni li jikseb dritt għall-ażil skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tagħti tali dritt lill-persuni li jaqgħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 abbażi tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja miksub minn dan il-wild, id-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni huwiex “minorenni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan l-applikant għall-ażil, hija d-data li fiha dan tal-aħħar ippreżenta, jekk ikun il-każ b’mod informali, l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

 

2)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha u mal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” ma jeħtieġx tkomplija effettiva tal-ħajja tal-familja bejn il-ġenitur tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali u l-wild tiegħu.

 

3)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet li l-membri tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jisiltu mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja miksub mill-wild tagħhom, b’mod partikolari l-vantaġġi msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tagħha, jibqgħu jeżistu wara li dan il-benefiċjarju jilħaq l-età maġġorenni, tul iż-żmien ta’ validità tal-permessi ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.