SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

3 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE – Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali – Separazzjoni effettiva bejn ta’ sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass, minn naħa, u l-attivitajiet ta’ provvista u produzzjoni, min-naħa l-oħra – Twaqqif ta’ awtoritajiet ta’ regolazzjoni nazzjonali indipendenti”

Fil-Kawża C‑767/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fis-17 ta’ Ottubru 2019

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u Y. G. Marinova, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn G. Block, avukat,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), u mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), billi naqas milli jittrasponi korrettement:

l-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73;

l-Artikolu 37(4)(a) u (b), tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73;

l-Artikolu 37(6)(a) sa (c), u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(6)(a) sa (c) u (9) tad-Direttiva 2009/73, kif ukoll

l-Artikolu 37(10) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(10) tad-Direttiva 2009/73.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessi 9, 11, 34, 37 u 61 tad-Direttiva 2009/72 jipprovdu:

“(9)

Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

[…]

(11)

Tkun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku [(2007/2089(INI) (ĠU 2008, C 175 E, p. 206)] rrifera għas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fil-livell tat-trasmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva għall-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastrutturi b’mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-network għal parteċipanti ġodda u t-trasparenza fis-suq. Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. F’dawn il-limiti, impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista għandha tkun tista’ jkollha parteċipazzjoni minoritarja fl-ishma f’operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew f’sistema ta’ trasmissjoni.

[…]

(34)

Sabiex is-suq intern tal-elettriku jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji relevanti kollha, u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. […]

[…]

(37)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jaddottaw deċiżjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li jimponu, penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali fuq dawk l-impriżi. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat biex jiddeċiedu, irrespettivament mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, dwar miżuri adatti li jiżguraw li l-klijent jibbenefika mill-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku. L-istabbiliment ta’ mpjanti virtwali tal-enerġija — li tfisser programmi ta’ rilaxx tal-elettriku li bih impriża li tipproduċi l-elettriku tkun obbligata li tbigħ jew tagħmel disponibbli ċertu volum ta’ elettriku jew li tagħti aċċess għal parti mill-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħha, lil fornituri interessati għal ċertu perijodu ta’ żmien — hiha waħda mill-miżuri possibbli li tista’ tiġi wżata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u l-iżgurar tal-funzjonament korrett tas-suq. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ standards għoljin ta’ servizz universali u pubbliku konformement mal-ftuħ tas-suq, il-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli, u li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju kemm għas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni inkluż l-eżami ta’ mergers b’dimensjoni Komunitarja, kif ukoll għar-regoli dwar is-suq intern bħall-moviment liberu tal-kapital. Il-korp indipendenti li għalih il-parti affettwata mid-deċiżjoni ta’ regolatur nazzjonali jkollha dritt tappella tista’ tkun qorti jew tribunal ieħor li jkollu s-setgħa li jwettaq reviżjoni ġuridika.

[…]

(61)

[…] L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-Kummissjoni dwar l-Istati Membri fejn il-prezzijiet ixekklu l-kompetizzjoni u t-tħaddim tajjeb tas-suq.”

3

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji tas-sigurtà teknika jkunu definiti u li r-regoli tekniċi li jistabbilixxu d-disinn tekniku minimu u r-rekwiżiti operattivi għall-konnessjoni mas-sistema ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, sistemi ta’ distribuzzjoni, tagħmir tal-konsumaturi mqabbad direttament, ċirkwiti interkonnetturi u linji diretti jkunu żviluppati u magħmulin pubbliċi. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jaċċertaw l-interoperabbiltà tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji. L-Aġenzija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex tiġi miksuba l-kompatibilità ta’ dawn ir-regoli fejn dawn huwa xieraq. Dawk ir-regoli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[,] tat-22 ta’ Ġunju 1998[,] li tistabbilixxi proċedura għall-fornitura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni [ĠU 1998, L 204, p. 37].”

4

L-Artikolu 9(1)(a) u (8) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit-3 ta’ Marzu 2012:

a)

kull impriża li tipposjedi sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

[…]

8.   Fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1.

F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a)

jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 13; jew

(b)

jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V.”

5

L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Impriżi proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni u li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9, konformement mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni aktar ‘l isfel, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istati Membri. […]”

6

Skont l-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Operatur ta’ trasmissjoni indipendenti”:

“L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u jwettqu l-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, partikolarment:

(a)

assi li huma meħtieġa għall-attività ta’ trasmissjoni tal-elettriku, inkluża s-sistema ta’ trasmissjoni, għandhom ikunu l-proprjetà ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni”.

7

L-Artikolu 35(4) u (5) tal-istess direttiva jipprevedi:

“4.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji u jiżguraw li dawn jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti. […]

[…]

5.   Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)

l-awtorità regolatorji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika […]

[…]”

8

L-Artikolu 37(1)(i) u (j) (4)(a) u (b) (6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

(i)

jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

(j)

jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inklużi s-sistemi ta’ ħlas minn qabel, ir-rati tas-switching, ir-rati ta’ skonnessjoni, it-tariffi u t-twettiq ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, u lmenti tal-klijenti domestiċi, kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kull informazzjoni relevanti, filwaqt li jirriferu kwalunkwe każ relevanti għall-attenzjoni tal-awtoritajiet relevanti dwar il-kompetizzjoni;

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

(a)

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

(b)

li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura meħtieġa u proporzjonata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u jiżguraw il-funzjonament korrett tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jikkoperaw mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u mar-regolaturi tas-swieq finanzjarji jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;

[…]

6.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli għall-iffissar jew l-approvazzjoni fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu fis-seħħ għall-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkulati jew stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal:

(a)

il-konnessjoni u l-aċċess għan-netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom. Dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji, għandhom jippermettu li l-investimenti meħtieġa fin-netwerks jsiru b’mod li jippermetti lil dawk l-investimenti jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks;

(b)

il-provvediment ta’ servizzi ta’ bilanċjar li għandhom jitwettqu bil-mod l-aktar ekonomiku possibbli u jipprovdu inċentivi xierqa biex l-utenti tan-netwerk jibbilanċjaw l-input u l-offtakes tagħhom. Is-servizzi ta’ bilanċjar għandhom jingħataw b’mod ġust u mhux diskriminatorju u jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi; u

(c)

l-aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità u tal-konġestjoni.

[…]

9.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmoniterjaw l-immaniġġjar tal-konġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-elettriku inklużi l-interkonnessjonijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jew l-operaturi tas-suq għandhom iressqu r-regoli tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni, anke dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu emendi għal dawn ir-regoli.”

9

Il-premessi 6, 8, 30, 33 u 59 tad-Direttiva 2009/73 huma redatti b’mod ekwivalenti għall-premessi, rispettivament, 9, 11, 34, 37 u 61 tad-Direttiva 2009/72. Ir-riferiment għad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU 2003, L 176, p. 37), magħmul fil-premessa 33 tad-Direttiva 2009/72, huwa ssostitwit b’dak għad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU 2003, L 176, p. 57), magħmul fil-premessa 29 tad-Direttiva 2009/73. Ir-riferimenti għas-swieq tal-elettriku huma sostitwiti minn dawk għas-swieq tal-gass.

10

L-Artikolu 9(1)(a) u (8), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 17(1)(a), l-Artikolu 41(1)(i) u (j) (4)(a) u (b), (6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73 ġew redatti b’mod ekwivalenti, rispettivament, għall-Artikolu 9(1)(a) u (8), għall-Artikolu 10(2)(a), għall-Artikolu 17(1)(a) għall-Artikolu 37(1) (i) u (j), (4)(a) u (b), (6)(a) sa (c) u (9) tad-Direttiva 2009/72.

Id-dritt Belġjan

Il-Liġi dwar l-Elettriku

11

L-Artikolu 9a(1) tal-Liġi tad‑29 ta’ April 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (Moniteur belge tal‑11 ta’ Mejju 1999, p. 16264), kif emendata bil-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 (Moniteur belge tas‑6 ta’ Lulju 2015, p. 44424) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elettriku”), imdaħħla permezz tal-liġi tal‑14 ta’ Jannar 2003 (Moniteur belge tat‑28 ta’ Frar 2003, p. 9944), jipprovdi:

“L-operatur tas-sistema għandu, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ titoli, ikollu, direttament jew indirettament, il-kapital kollu u d-drittijiet tal-vot marbuta ma’ titoli maħruġa minn:

1° kull sussidjarja li, fuq talba tal-operatur tas-sistema, tassigura totalment jew parzjalment il-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 8;

2° kull kumpannija sussidjarja proprjetarja tal-infrastruttura u tat-tagħmir li jagħmel parti mis-sistema ta’ trasmissjoni.”

12

L-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi:

“Wara opinjoni tal-[Kummissjoni li Tirregola l-Elettriku u tal-Gass (CREG)] u deliberazzjoni fil-Kunsill tal-Ministri, il-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] għandu jaħtar l-operatur tan-netwerk wara proposta minn proprjetarju wieħed jew iktar tas-sistema (inkluż, jekk ikun il-każ, l-amministratur tan-netwerk li jkun qiegħed joħroġ) li, waħdu jew flimkien, ikollu jew ikollhom parti mis-sistema ta’ trażmissjoni li tkopri mill-inqas 75 [%] tat-territorju nazzjonali u mill-inqas żewġ terzi tat-territorju ta’ kull reġjun.

[…]”

13

L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Wara opinjoni tal-[CREG] u konsultazzjoni mal-operatur tas-sistema, ir-Re jistabbilixxi regolament tekniku għall-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-aċċess għalih.

Ir-regolament tekniku jiddefinixxi b’mod partikolari:

1° rekwiżiti tekniċi minimi għall-konnessjoni mas-sistema ta’ trażmissjoni ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, ta’ tagħmir tal-klijenti konnessi direttament, ta’ ċirkwiti ta’ interkonnessjoni u ta’ linji diretti, termini ta’ żmien għall-konnessjoni, kif ukoll il-modalitajiet tekniċi li jippermettu lill-operatur tan-netwerk li jkollu aċċess għall-installazzjonijiet tal-utenti u li jieħu jew jieħu miżuri dwar dawn meta dan ikun meħtieġ minħabba s-sigurtà jew l-affidabbiltà teknika tas-sistema; kif ukoll it-termini għall-konnessjoni;

2° ir-regoli operattivi li l-operatur tas-sistema huwa suġġett għalihom fil-ġestjoni teknika tiegħu tal-fluss tal-elettriku u fl-azzjonijiet li għandu jieħu sabiex jirrimedja l-problemi ta’ konġestjoni, ta’ ħsara tekniku u ta’ falliment ta’ unitajiet ta’ produzzjoni;

3° jekk ikun il-każ, il-prijorità li għandha tingħata, sa fejn ikun possibbli fid-dawl tas-sigurtà tal-provvista neċessarja, lil installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew lil unitajiet ta’ koġenerazzjoni;

4° is-servizzi awżiljarji li l-operatur tan-netwerk għandu jistabbilixxi;

5° l-informazzjoni li għandha tingħata mill-utenti tas-sistema lill-operatur tas-sistema, inkluża d-data dwar il-pjan ta’ żvilupp;

6° l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-operatur tas-sistema tal-elettriku lill-operaturi ta’ sistemi oħra tal-elettriku li magħhom is-sistema ta’ trażmissjoni hija interkonnessa, bil-ħsieb li jiġi żgurat it-tħaddim sigur u effiċjenti, l-iżvilupp ikkoordinat u l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa;

7° id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni jew l-approvazzjoni minn qabel mill-[CREG] ta’ regoli operazzjonali, kundizzjonijiet ġenerali, kuntratti standard, formoli jew proċeduri applikabbli għall-operatur tan-netwerk u, jekk ikun il-każ, għall-utenti.

Skont ir-regolament tekniku, il-kuntratti tal-operatur tas-sistema marbuta mal-aċċess għan-netwerk għandhom jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu għall-utenti tas-sistema, b’mod mhux diskriminatorju.”

14

L-Artikolu 18(1) tal-istess liġi jipprovdi:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ April 1995 dwar l-istatus tal-impriżi ta’ investiment u l-kontroll tagħhom, għall-intermedjarji finanzjarji u konsulenti ta’ investimenti [(Moniteur belge tat-3 ta’ Ġunju 1995, p. 15876)], ir-Re jista’, wara opinjoni tal-[CREG]:

[…]

2° jadotta regoli ta’ tmexxija għall-intermedjarji u l-fornituri, b’mod partikolari fil-qasam ta’ tranżazzjoni u ta’ aġġustament;

[…]”

15

L-Artikolu 23(1) u (2) tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprevedi:

“1.   Hija stabbilita [CREG]. Il-[CREG] hija korp awtonomu b’personalità ġuridika u li għandha s-sede tagħha fid-distrett amministrattiv ta’ Brussell-Kapitali [(il-Belġju)].

Il-[CREG] għandha tadotta l-miżuri raġonevoli sabiex tilħaq l-għanijiet segwenti fil-qafas tal-missjonijiet tagħha elenkati fl-Artikolu 23(2), f’konsultazzjoni mill-qrib, fejn xieraq, mal-awtoritajiet federali l-oħra kkonċernati, inkluża l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

2.   Il-[CREG] għandha missjoni li tagħti parir lill-awtoritajiet pubbliċi f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-suq tal-elettriku, minn naħa, u missjoni ġenerali ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti relatati, min-naħa l-oħra.

Għal dan il-għan, il-[CREG]:

[…]

3° tissorvelja t-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku skont l-Artikolu 23a;

3°a tevalwa n-natura oġġettivament iġġustifikata tar-relazzjoni bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża msemmija fl-Artikolu 23b;

4° tissorvelja u tikkontrolla l-kummerċ ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa tal-enerġija (ĠU 2011, L 326, p. 1)], fl-osservanza tal-kompetenzi rispettivi tal-Awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, u tal-[Awtorità tas-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji (FSMA)];

[…]

8° l-osservanza, mill-operatur tas-sistema u l-impriżi tal-elettriku, tal-obbligi tagħhom skont din il-liġi u d-digrieti ta’ implimentazzjoni tagħha, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari oħra applikabbli għas-suq tal-elettriku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali u l-oqsma msemmija fir-Regolament (KE) Nru 714/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk għall-kummerċ transkonfinali fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15)];

9° tikkontrolla l-applikazzjoni tar-Regolament tekniku, japprova d-dokumenti koperti minn dan ir-regolament, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà għall-bilanċ fiż-żona ta’ regolazzjoni, u jevalwa l-prestazzjoni fil-passat tar-regoli tar-Regolament tekniku li jirregola s-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ trażmissjoni;

[…]”

16

L-Artikolu 23 ta’ din il-liġi tiddisponi:

“Il-[CREG] għandha tiżgura li kull impriża tal-elettriku, li tipprovdi l-elettriku lill-klijenti ddomiċiljati fil-Belġju tastjeni, separatament jew bi ftehim ma’ impriża waħda jew iktar tal-elettriku, minn kull aġir antikompetittiv jew prattiki kummerċjali żleali li għandhom effett jew li jista’ jkollu effett fuq suq tal-elettriku li jopera fil-Belġju.

Jekk il-[CREG] tikkonstata, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, prattiki kummerċjali żleali jew aġir antikompetittiv, hija għandha tibgħat fuq inizjattiva lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] rapport li jirrepeti l-konstatazzjonijiet tiegħu u, jekk ikun il-każ, kull miżura li hija tqis neċessarja li tittieħed minnha stess jew minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, sabiex tirrimedja prattiki kummerċjali żleali jew aġir antikompetittiv li jkollu effett jew li jista’ jkollu effett fuq suq tal-elettriku li jopera fil-Belġju.

Il-[CREG] għandha tiddenunzja l-allegat ksur lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, tibgħatilha r-rapport li hija bagħtet lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] u jipprovdilha l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja.

Fir-rigward tal-prattiki kummerċjali żleali, ir-Re jista’, fuq proposta tal-[CREG], permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jispeċifika l-miżuri urġenti li l-[CREG] hija awtorizzata tieħu.

Il-[CREG] tista’ tagħti opinjonijiet u tipproponi kwalunkwe miżura li tiffavorixxi l-funzjonament tajjeb u t-trasparenza fis-suq u li hija applikabbli għall-impriżi kollha tal-elettriku attivi fil-Belġju.”

17

Skont l-Artikolu 23 ta’ din id-deċiżjoni:

“1.   Il-prezzijiet offruti minn impriża tal-elettriku għandhom ikunu ġġustifikati oġġettivament fir-rigward tal-ispejjeż tal-impriża. Il-[CREG] għandha tevalwa din ir-relazzjoni billi tqabbel b’mod partikolari l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-imsemmija impriża mal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-impriżi paragunabbli jekk ikun possibbli wkoll fuq livell internazzjonali.

2.   Jekk impriża tal-elettriku tkun impriża assoċjata, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti huwa preżunt jekk toffri prezzijiet u/jew kundizzjonijiet diskriminatorji lill-impriżi li ma humiex relatati.

3.   Jekk il-[CREG] tikkonstata li ma teżistix relazzjoni oġġettivament iġġustifikata, kif imsemmi fil-[paragrafu 1], hija għandha tibgħat ex officio lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] rapport li jirriproduċi l-konstatazzjonijiet tagħha u l-miżuri li hija tirrakkomanda.

Il-[CREG] għandha tiddenunzja l-allegat ksur lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, tibgħatilha r-rapport li hija bagħtet lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] u jipprovdilha l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja.

Fir-rigward tal-prezzijiet u/jew kundizzjonijiet diskriminatorji, ir-Re jista’, fuq proposta tal-[CREG], permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jippreċiża l-miżuri urġenti li l-[CREG] hija awtorizzata tieħu.

Fir-rigward tal-prezz, il-[CREG] tista’ tagħti opinjonijiet u tipproponi kwalunkwe miżura applikabbli għall-impriżi tal-elettriku kollha attivi fil-Belġju.”

18

L-Artikolu 26(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Fit-twettiq tal-missjonijiet assenjati lilha, il-[CREG] tista’ titlob lill-operatur tas-sistema u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, kull impriża marbuta jew assoċjata kif ukoll lil kull impriża li tiġġestixxi jew topera pjattaforma kummerċjali multilaterali li fuqha huma nnegozjati blokok tal-enerġija jew strumenti finanzjarji relatati mal-blokok tal-enerġija, li jkollhom rabta diretta mas-suq Belġjan tal-elettriku jew li għandhom impatt dirett fuqu, li jipprovdulha l-informazzjoni kollha neċessarja, inkluża l-ġustifikazzjoni għal kull rifjut li jingħata aċċess lil terz, u kull informazzjoni fuq il-miżuri neċessarji sabiex tissaħħaħ is-sistema, dment li hija tipprovdi motivazzjoni għat-talba tagħha. Hija tista’ twettaq verifika tal-kontijiet tagħhom fuq il-post.

Mill-1 ta’ Jannar 2003, il-[CREG] tista’ wkoll titlob mingħand dawn u mingħand il-Kumitat ta’ Kontroll tal-Elettriku u tal-Gass, bla ħsara għall-missjonijiet mogħtija lil dan tal-aħħar, l-informazzjoni utli għall-preparazzjoni tal-politika tariffarja tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-missjoni mogħtija lilha fl-Artikolu 23, 14a, 15 u 16.”

19

L-Artikolu 26(1a) tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-missjonijiet assenjati lilha fl-Artikoli 23a u 23b, il-[CREG] għandha wkoll setgħat u drittijiet deskritti kif ġej:

1° tikseb mingħand l-impriżi tal-elettriku kull tagħrif fi kwalunkwe forma, dwar materjali li jaqgħu taħt il-kompetenza u l-missjoni tagħha, fi żmien 30 jum wara t-talba tagħha;

2° tikseb mingħand dawn ir-rapporti dwar l-attivitajiet tagħhom jew ċerti aspetti tagħhom;

3° tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lilha mill-impriżi tal-elettriku perjodikament u l-frekwenza li fiha din l-informazzjoni għandha tintbagħat lilha;

4° fil-każ ta’ rifjut ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba fi żmien tletin jum, tipproċedi bi żjara fuq il-post li matulha hija tista’ tikkonsulta l-informazzjoni u d-dokumenti kollha msemmija iktar ’il fuq neċessarji għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha u jekk ikun il-każ tikkopjahom.

L-informazzjoni miġbura mill-[CREG] fil-kuntest ta’ dan il-paragrafu tista’ tintuża biss għall-finijiet tar-rapporti, tal-opinjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 23a u 23b. Ir-Re jista’, permezz tad-Digriet Irjali ddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jestendi dan l-artikolu għal deċiżjonijiet vinkolanti li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikoli 23a u 23b.”

20

L-Artikolu 30a(3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“°[…]

Il-membri [tal-CREG] huma kompetenti sabiex ifittxu u jikkonstataw, permezz ta’ proċessi verbali li huma awtentiċi sakemm tingħata prova kuntrarja, il-ksur […] Għal dan il-għan, huma jistgħu:

1° jaċċedu għall-bini, il-workshops u l-annessi tagħhom matul il-ħinijiet tal-ftuħ jew tax-xogħol, meta dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-missjoni tagħhom;

2° jagħmlu kull konstatazzjoni utli, jitolbu li jiġu prodotti u miġbura d-dokumenti, l-atti, il-kotba u oġġetti kollha neċessarji għall-investigazzjoni u għall-konstatazzjoni tal-ksur;

3° jiġbru l-informazzjoni kollha, jirċievi kwalunkwe depożizzjonijiet jew xhieda bil-miktub jew orali;

4° jagħtu l-assistenza tagħhom fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

[…]”

21

Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmija liġi, “[m]ingħajr preġudizzju għall-miżuri l-oħra previsti minn din il-liġi, il-[CREG] tista’ tordna lil kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Belġju tikkonforma ruħha ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din il-liġi, tad-digrieti ta’ implimentazzjoni tagħha, ta’ liġijiet sussegwenti dwar it-tariffi jew relatati mal-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 21a, jew għal kull dispożizzjoni oħra li hija tissorvelja l-applikazzjoni tagħha skont il-punti 4 u 8 [tat-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 23(2) f’terminu stabbilit mill-[CREG]”.

22

L-Artikolu 31/1 tal-istess liġi jipprovdi:

“1.   […] permezz tal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef istruttorju, il-persuni msemmija [fl-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 30a (3) jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni motivata, jordnaw, ħlief f’abitazzjoni privata, il-qbid tal-assi li huma l-proprjetà tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni mwettqa mill-[CREG] u li, jew jikkostitwixxu s-suġġett tal-ksur eżaminat, jew kienu intiżi jew servew għat-twettiq tar-reat inkwistjoni, jew jikkostitwixxu vantaġġ patrimonjali miksub direttament mill-ksur jew jikkostitwixxu l-ekwivalenti tiegħu.

Il-persuni msemmija [fl-ewwel subparagrafu] ta’ l-Artikolu 30a (3) għandhom jindikaw fid-deċiżjoni tagħhom iċ-ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw il-miżura meħuda u għandhom iqisu l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà sabiex jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni, il-persuni msemmija fl-[ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 30a(3) jistgħu, jekk meħtieġ, jitolbu l-għajnuna mill-awtoritajiet pubbliċi.

[…]”

Il-Liġi dwar il-Gass Naturali

23

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tat‑12 ta’ April 1965 dwar it-trasport ta’ prodotti tal-gass u oħrajn permezz ta’ pajpijiet (Moniteur belge tas‑7 ta’ Mejju 1965, p. 5260), kif emendata bil-Liġi tat‑8 ta’ Lulju 2015 (Moniteur belge tas‑16 ta’ Lulju 2015, p. 46239) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Gass Naturali”), jipprovdi:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni għat-trażmissjoni ta’ gass naturali, li huwa kandidat għall-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, għandu jżomm waħdu jew flimkien ma’ detenturi oħra ta’ awtorizzazzjoni ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, parti mis-sistema proposta li tkopri mill-inqas 75 % tat-territorju nazzjonali.”

24

L-Artikolu 15/5 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“1.   Fuq proposta mill-[CREG], ir-Re għandu jistabbilixxi kodiċi ta’ tmexxija tajba fil-qasam tal-aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, għall-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u għall-installazzjoni tal-[gass naturali likwifikat (LNG)].

Il-kodiċi ta’ tmexxija tajba jiddefinixxi:

1° il-proċeduri u l-modalitajiet ta’ talba għall-aċċess għas-sistema;

2° l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u tal-installazzjoni tal-LNG lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, lill-operatur tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u lill-operatur tal-installazzjoni tal-LNG;

3° il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, mill-operatur tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u mill-operatur tal-installazzjoni tal-LNG sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali relatata mal-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali [jew] tal-installazzjoni tal-LNG;

4° it-termini li fihom l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, l-operatur tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u l-operatur tal-installazzjoni tal-LNG għandhom jissodisfaw it-talbiet ta’ aċċess għas-sistema u l-installazzjoni tagħhom;

5° miżuri intiżi biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn utenti jew kategoriji ta’ utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, il-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali jew l-installazzjoni tal-LNG;

6° ir-rekwiżiti minimi marbuta mas-separazzjoni legali u operazzjonali tal-funzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali u ta’ provvista ta’ gass naturali fi ħdan l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali, tal-ħażna tal-gass naturali jew tal-LNG integrati;

7° il-prinċipji bażiċi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet u l-obbligi, fuq naħa waħda, tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, tal-operatur tal-faċilità tal-ħażna ta’ gass naturali u tal-operatur tal-faċilità tal-LNG u, min-naħa l-oħra, tal-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, tal-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali jew tal-installazzjoni tal-LNL, għall-aċċess għalihom;

8° il-prinċipji bażiċi tal-fatturazzjoni;

9° il-prinċipji bażiċi marbuta mad-drittijiet u l-obbligi, minn naħa, tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, tal-operatur tal-faċilità tal-ħażna ta’ gass naturali u tal-operatur tal-faċilità tal-LNG u, min-naħa l-oħra, l-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, l-installazzjoni ta’ ħażna ta’ gass naturali jew l-installazzjoni tal-LNG dwar l-użu tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar għall-aċċess għall-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni, għall-ġestjoni tal-konġestjonijiet u għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni;

10° il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-programm ta’ impenji sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe prattika diskriminatorja tiġi eskluża u sabiex jiġi żgurat kontroll adegwat tal-osservanza tagħha. Il-programm għandu jelenka l-obbligi speċifiċi impost fuq l-impjegati sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-persuna jew il-korp responsabbli għas-segwitu tal-programm ta’ impenji għandu jippreżenta kull sena rapport li jiddeskrivi l-miżuri meħuda lill-[CREG]. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat.

11° ir-rekwiżiti fil-qasam tal-indipendenza tal-persunal tal-amministraturi fir-rigward tal-produtturi, distributuri, fornituri u intermedjarji[;]

12° ir-regoli u l-organizzazzjoni tas-suq sekondarju msemmija fl-Artikolu 15/1 [paragrafu 1], 9a;

13° il-prinċipji bażiċi dwar l-organizzazzjoni tal-aċċess għall-hubs.

L-għoti u ż-żamma ta’ kull awtorizzazzjoni ta’ trasport jew ta’ provvista huma suġġetti għall-osservanza tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba.

[…]”

25

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15/14 tal-imsemmija liġi jipprevedu:

“Il-[CREG] hija fdata b’kompitu ta’ konsulenza mal-awtoritajiet pubbliċi f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-suq tal-gass naturali, minn naħa, u missjoni ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti relattivi, min-naħa l-oħra.

Għal dan il-għan, il-[CREG]:

[…]

6° tapprova l-kundizzjonijiet prinċipali ta’ aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni, bl-eċċezzjoni tat-tariffi msemmija fl-Artikoli 15/5 sa 15/5 d, u li tikkontrolla l-applikazzjoni mill-impriżi ta’ trażmissjoni fir-rigward tas-sistemi rispettivi tagħhom;

[…]

9° tikkontrolla l-kontabbiltà tal-impriżi tas-settur tal-gass naturali, bil-għan b’mod partikolari li tiġi vverifikata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15/12 u l-assenza ta’ sussidji trażversali;

[…]

16° tissorvelja l-livell ta’ trasparenza, inklużi l-prezzijiet bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-gass naturali;

17° tissorvelja l-livell u l-effettività milħuqa fir-rigward tal-ftuħ tas-suq u tal-kompetizzjoni għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut, inkluż għall-boroż ta’ kummerċ tal-gass naturali, u tissorvelja d-distorsjoni jew ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni eventwali, billi tikkomunika kull informazzjoni utli u billi tirrinvija l-kawżi li jiġġustifikawh lill-Awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni;

[…]

29° tapprova, fuq proposta tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali, il-metodi użati biex jiġi stabbilit l-aċċess għall-infrastruttura transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni ta’ kapaċità u ġestjoni tal-konġestjoni. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji. Il-[CREG] għandha tippubblika fuq is-sit internet tagħha l-metodi approvati;

30° tissorvelja l-ġestjoni tal-konġestjoni tas-sistema nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass naturali, inklużi l-interkonnessjonijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni, b’mod konformi mal-punt 7 [tal-paragrafu 3] tal-Artikolu 15/1. Il-[CREG] għandha tinforma b’dan lid-[D]irettorat Ġenerali tal-Enerġija [tad-Dipartiment Pubbliku Federali ‘Ekonomja, PME, Klassijiet medji u Enerġija’]”.

26

L-Artikolu 15/14a tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-[CREG] għandha tiżgura li kull impriża ta’ gass naturali, li tipprovdi gass naturali lill-klijenti ddomiċiljati fil-Belġju, tastjeni, separatament jew bi ftehim ma’ impriża waħda jew iktar ta’ gass naturali, minn kull aġir antikompetittiv jew prattiki kummerċjali żleali li għandhom effett jew jista’ jkollu effett fuq suq ta’ gass naturali li jopera fil-Belġju.

Jekk il-[CREG] tikkonstata, waqt it-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, prattiki kummerċjali żleali jew aġir antikompetittiv, hija għandha tibgħat, fuq inizjattiva tagħha, lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] rapport li jirriproduċi l-konstatazzjonijiet tiegħu u, jekk ikun il-każ, kull miżura li hija tqis neċessarja, li tittieħed minnha stess jew minn kull awtorità kompetenti oħra, sabiex tirrimedja prattiki kummerċjali żleali jew aġir antikompetittiv li għandu effett jew li jista’ jkollu effett fuq suq ta’ gass naturali li jopera fil-Belġju.

Il-[CREG] għandha tiddenunzja l-allegat ksur lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, tibgħatilha r-rapport li hija bagħtet lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] u tipprovdilha l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja.

Fir-rigward tal-prattiki kummerċjali żleali, ir-Re jista’, fuq proposta tal-[CREG], permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jispeċifika l-miżuri urġenti li l-[CREG] hija awtorizzata tieħu.

Il-[CREG] tista’ tagħti opinjonijiet u tipproponi kwalunkwe miżura li tiffavorixxi l-funzjonament tajjeb u t-trasparenza fis-suq u li hija applikabbli għall-impriżi kollha tal-gass naturali attivi fil-Belġju.”

27

L-Artikolu 15/14 tal-liġi dwar il-gass naturali jipprovdi li:

1.   Il-prezzijiet offruti minn impriża ta’ gass naturali għandhom ikunu oġġettivament iġġustifikati fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ l-intrapriża. Il-[CREG] għandha tevalwa din ir-relazzjoni billi tqabbel b’mod partikolari l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-imsemmija impriża mal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-impriżi paragunabbli jekk ikun possibbli wkoll fuq livell internazzjonali.

2.   Jekk impriża tal-gass naturali hija impriża marbuta, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti huwa preżunt jekk toffri prezzijiet u/jew kundizzjonijiet diskriminatorji lill-impriżi li ma humiex marbuta.

3.   Jekk il-[CREG] tikkonstata li ma teżistix relazzjoni oġġettivament iġġustifikata kif imsemmi fil-[paragrafu 1], hija għandha tibgħat fuq inizjattiva tagħha lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] rapport li jirriproduċi l-konstatazzjonijiet tagħha u l-miżuri li hija tirrakkomanda.

Il-[CREG] għandha tiddenunzja l-allegat ksur lill-Awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, tibgħatilha r-rapport li hija bagħtet lill-Ministru [Federali responsabbli mill-enerġija] u tipprovdilha l-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja.

Fir-rigward tal-prezzijiet u/jew kundizzjonijiet diskriminatorji, ir-Re jista’, fuq proposta tal-[CREG], permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jippreċiża l-miżuri urġenti li l-[CREG] hija awtorizzata tieħu.

Fir-rigward tal-prezz, il-[CREG] tista’ tagħti opinjonijiet u tipproponi kwalunkwe miżura applikabbli għall-impriżi kollha tal-gass attivi fil-Belġju.”

28

Skont l-Artikolu 16(1a) ta’ din il-liġi:

“Fit-twettiq tal-missjonijiet assenjati lilha mill-Artikoli 15/14a u 15/14b, il-[CREG] għandha wkoll is-setgħat u d-drittijiet deskritti hawn taħt:

1° tikseb mingħand l-impriżi tal-gass naturali kull informazzjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza u l-missjoni tagħha fi żmien 30 jum mit-talba tagħha;

2° tikseb mingħand dawn tal-aħħar, ir-rapporti dwar l-attivitajiet tagħhom jew ċerti aspetti tagħhom;

3° tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lilu perjodikament mill-impriżi tal-gass naturali u l-frekwenza li biha din l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa lilu;

4° fil-każ ta’ rifjut ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba fi żmien tletin jum, tipproċedi bi żjara fuq il-post li matulha hija tista’ tikkonsulta l-informazzjoni u d-dokumenti kollha msemmija iktar ’il fuq neċessarji għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha u jekk ikun il-każ tikkopjahom.

L-informazzjoni miġbura mill-[CREG] fil-kuntest ta’ dan il-paragrafu tista’ tintuża biss għall-finijiet tar-rapporti, tal-opinjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 15/14a u 15/14b. Ir-Re jista’, permezz ta’ Digriet Irjali ddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jestendi dan l-artikolu għal deċiżjonijiet vinkolanti li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikoli 15/14a u 15/14b.”

29

L-Artikolu 18(1) sa (3) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprovdi:

“[…]

Il-membri [tal-CREG] huma kompetenti sabiex ifittxu u jikkonstataw, permezz ta’ proċessi verbali li huma awtentiċi sakemm tingħata prova kuntrarja, il-ksur […] Għal dan il-għan, huma jistgħu:

1° jaċċedu għall-bini, il-workshops u l-annessi tagħhom matul il-ħinijiet tal-ftuħ jew tax-xogħol, meta dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-missjoni tagħhom;

2° jagħmlu kull konstatazzjoni utli, jitolbu li jiġu prodotti u jelevaw id-dokumenti, l-atti, il-kotba u l-oġġetti kollha neċessarji għall-investigazzjoni u għall-konstatazzjoni tal-ksur;

3° jiġbru l-informazzjoni kollha, jirċievu d-depożizzjonijiet kollha jew ix-xhieda bil-miktub jew orali;

4° jagħtu l-assistenza tagħhom fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

[…]”

30

Skont l-Artikolu 20/2 ta’ din il-liġi, “[m]ingħajr preġudizzju għall-miżuri l-oħra previsti minn din il-liġi, il-[CREG] tista’ tordna lil kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Belġju tikkonforma ruħha ma’ dispożizzjonijiet iddeterminati ta’ din il-liġi, tad-digrieti ta’ implimentazzjoni tagħha, ta’ liġijiet sussegwenti dwar it-tariffi jew relatati mal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 15/11, jew għad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha li hija tissorvelja l-applikazzjoni tagħha skont il-punti 5 u 5°a tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 15/14 fit-terminu stabbilit mill-[CREG].”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31

Il-Kummissjoni pproċediet ex officio għall-eżami tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 fid-dritt Belġjan, sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali inkompatibbiltajiet mad-dritt tal-Unjoni. L-investigazzjoni kienet tikkonċerna s-separazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni, l-indipendenza u l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi.

32

Fis-6 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Renju tal-Belġju, fil-kuntest tal-proċedura “EU Pilot”, fejn stednitu jwieġeb diversi mistoqsijiet dwar din it-traspożizzjoni. Fl‑10 ta’ Frar 2014, intbagħtu domandi addizzjonali lil dan l-Istat Membru.

33

L-imsemmi Stat Membru wieġeb għal din l-ittra u għal dawn id-domandi addizzjonali fit‑12 ta’ Settembru 2013, fl‑24 u fit‑28 ta’ Frar 2014 kif ukoll fit‑3, 18 u 19 ta’ Marzu 2014.

34

Fis‑17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju, billi qieset li l-elementi pprovduti minn dan l-Istat Membru ma kinux ippermettew li jintemm it-tħassib tagħha dwar il-konformità tat-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. L-imsemmi Stat Membru wieġeb għaliha fit-18 ta’ Jannar 2015.

35

Fis‑26 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Bleġju u stednitu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika tagħha.

36

Ir-Renju tal-Belġju wieġeb fid‑19 ta’ Lulju 2016 u, sussegwentement, ikkomunika lill-Kummissjoni miżuri leġiżlattivi fil‑15 ta’ Settembru 2016 kif ukoll fid‑9, fl‑10 u fit‑30 ta’ Jannar 2017. Fit‑2 ta’ Ottubru 2018 inżammet konferenza telefonika bejn l-awtoritajiet Belġjani u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

37

Peress li qieset li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan baqgħu ma humiex konformi mad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73

L-argumenti tal-partijiet

38

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 ma ġiex traspost b’mod korrett fid-dritt Belġjan. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali ma kinux jirrikjedu li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun il-proprjetarju tiegħu, iżda kienu jeżiġu li, skont il-Liġi dwar l-Elettriku, il-proprjetarji tas-sistema li jipproponu lill-Ministru Federali responsabbli mill-enerġija jaħtar amministratur għandu jkollhom b’mod konġunt parti mis-sistema ta’ trażmissjoni li tkopri mill-inqas 75 % mit-territorju nazzjonali u, skont il-Liġi dwar il-Gass Naturali, l-operatur tas-sistema għandu jkollu flimkien ma’ oħrajn, parti mis-sistema li tkun tkopri tal-inqas 75 % mit-territorju nazzjonali.

39

Sitwazzjoni ta’ fatt jew prattika amministrattiva, skont id-dritt tal-Unjoni, ma tistax tagħmel tajjeb għat-traspożizzjoni żbaljata ta’ dawn id-direttivi fid-dritt intern. Barra minn hekk, huwa irrilevanti li l-Kummissjoni ma opponietx għaċ-ċertifikazzjoni fil-Belġju ta’ Elia System Operator SA u ta’ Fluxys Belgium SA, operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, rispettivament, tal-elettriku u tal-gass naturali.

40

Barra minn hekk, l-inklużjoni fl-2003 tal-Artikolu 9a fil-Liġi dwar l-Elettriku ma ttemmx il-ksur, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi biss li l-kontroll tal-operatur tas-sistema fuq dan tal-aħħar jista’ jiġi żgurat permezz ta’ sussidjarja 100 %.

41

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li Elia System Operator u Fluxys Belgium huma proprjetarji tas-sistema, fis-sens tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, u li l-Kummissjoni ma fformulatx rimarka fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) ta’ dawn id-direttivi, fl-opinjonijiet tagħha mogħtija waqt iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn l-operaturi.

42

Skont ir-Renju tal-Belġju, hemm konfużjoni bejn, minn naħa, il-persuni li jistgħu jipproponu li jinħatru operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u li jżommu mill-inqas 75 % tal-proprjetà tas-sistema fil-mument tal-ħatra ta’ dan l-operatur u, min-naħa l-oħra, il-perċentwali ta’ proprjetà tas-sistema tal-operatur maħtur. L-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku jirrigwarda biss l-ewwel element, iżda ma jirrigwardax il-proprjetà tas-sistema miżmuma mill-operatur tas-sistema maħtur. Barra minn hekk, l-Artikolu 9a ta’ din il-liġi, introdott fl-2003, jistabbilixxi l-għażla tat-trasferiment tal-proprjetà sa fejn jimponi li l-operatur ta’ sistema, permezz ta’ sussidjarja, ikun il-proprjetarju tas-sistema ta’ trażmissjoni.

43

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-argument tal-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, proprjetarji ta’ sistema jistgħu wkoll ikunu proprjetarji ta’ impriża li tiżgura funzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ provvista, huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet u affermazzjonijiet teoretiċi mingħajr ma l-Kummissjoni tipproduċi l-prova ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuqha.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

L-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mit-3 ta’ Marzu 2012, kull impriża li għandha sistema ta’ trażmissjoni taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li l-impriżi proprjetarji tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku u li ġew iċċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 9, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni mill-Istati Membri.

46

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2009/72 u l-premessa 6 tad-Direttiva 2009/77 jiddikjaraw li mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

47

Kif jirriżulta mill-premessa 11 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2009/73, is-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà timplika li l-proprjetarju tas-sistema jiġi nnominat bħala operatur tas-sistema u li huwa indipendenti mill-istrutturi ta’ provvista u ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 46).

48

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(8) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jipprovdi li, meta, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trażmissjoni tappartjeni lil impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u li, f’każ bħal dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar operatur tas-sistema indipendenti, skont, rispettivament, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/72, jew jikkonforma mad-dispożizzjonijiet, rispettivament, tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2009/72 u tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2009/73.

49

Fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti, għandu jiġi rrilevat li ġie deċiż li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2009/72 jeżiġi espliċitament li dawn l-operaturi tas-sistema jkunu proprjetarji tal-assi neċessarji għall-eżerċizzju tal-attività ta’ trażmissjoni tal-elettriku, b’mod partikolari tas-sistema ta’ trażmissjoni, u dan, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-premessi 16, 17 u 19 ta’ din id-direttiva, l-indipendenza totali u effettiva ta’ dawn l-operaturi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrenie, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-ebda raguni ma tiġġustifika li tkun teżisti diverġenza fir-rigward tal-portata tal-proprjetà tas-sistema bejn il-paragrafu 1 u l-paragrafu 8 tal-Artikolu 9 ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Dan il-paragrafu 1 jipprevedi l-każ ta’ “impriża li tipposjedi sistema ta’ trasmissjoni”, mingħajr ma ssemmi dak ta’ impriża li tippossjedi parti minn tali sistema, fatt li jindika li l-impriża inkwistjoni, li tinsab f’pożizzjoni li tinħatar operator ta’ sistema ta’ trażmissjoni, għandu jkollha l-proprjetà tas-sistema kollha. Dan il-qari huwa kkorroborat mit-test inekwivoku tal-Artikolu 17(1)(a) ta’ kull waħda mill-imsemmija direttivi, li jagħmel riferiment għall-każ previst f’dan l-Artikolu 9(8) u jeżiġi li s-sistema ta’ trażmissjoni tkun il-proprjetà tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

51

Minn din l-analiżi tal-kliem u tal-kuntest tal-Artikolu 9(1) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jirriżulta li l-proprjetarju tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jkun il-proprjetarju tat-totalità ta’ din is-sistema.

52

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija konformi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif issostni wkoll ġustament il-Kummissjoni, billi huwa l-proprjetarju tat-totalità tas-sistema, l-operatur huwa inċentivat iwettaq l-investimenti u l-modifiki tekniċi li jippermettulu li jopera u li jiżviluppa din is-sistema bl-aħjar mod.

53

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma teżiġix li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku jew tal-gass naturali jkun il-proprjetarju tagħha.

54

Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi biss li l-proprjetarji tas-sistema li jipproponu lill-Ministru Federali responsabbli mill-enerġija li jaħtar operatur għandhom, b’mod konġunt, iżommu parti mis-sistema ta’ trażmissjoni li tkopri mill-inqas 75 % tat-territorju nazzjonali. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, dan jeżiġi li l-kandidat għall-ġestjoni tan-netwerk ta’ trażmissjoni jkollu flimkien ma’ oħrajn parti mis-sistema li tkopri mill-inqas 75 % tat-territorju nazzjonali.

55

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar l-Elettriku, introdott fl‑2003 u invokat mir-Renju tal-Belġju, jipprevedi li l-operatur tas-sistema għandu, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ titoli, ikollu, direttament jew indirettament, il-“kapital kollu u d-drittijiet tal-vot” marbuta mat-titoli maħruġa minn kull sussidjarja li tiżgura totalment jew parzjalment, fuq talba tal-operatur tas-sistema, il-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, jew minn kull sussidjarja proprjetarja tal-infrastruttura u tat-tagħmir li jagħmel parti mis-sistema ta’ trażmissjoni. Issa, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-kontroll tal-operatur tas-sistema fuq dan tal-aħħar jista’ jiġi żgurat permezz ta’ sussidjarja miżmuma kważi 100 % minn dan l-operatur, hija ma teżiġix, min-naħa l-oħra, li kull operatur ta’ sistema ikollu tali sussidjarja, u lanqas li, meta teżisti tali sussidjarja, il-kontroll żgurat minn din tal-aħħar jirrigwarda s-sistema ta’ trażmissjoni kollha kkonċernata.

56

Barra minn hekk, jekk, kif jallega r-Renju tal-Belġju, l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku jikkonċerna biss il-persuni li jistgħu jipproponu li jinħatar l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u li, b’dan il-mod, dan tal-aħħar ma għandux huwa stess jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, dan iwassal sabiex jitqies mhux li l-leġiżlazzjoni Belġjana hija konformi mad-Direttiva 2009/72, iżda li din il-leġiżlazzjoni ma teżiġix li l-operatur ikollu l-proprjetà tas-sistema, peress li r-rekwiżit li huwa jkollu “parti mis-sistema ta’ trażmissjoni” ma huwiex applikabbli għalih. Skont l-argumenti tar-Renju tal-Belġju, wieħed jew iktar mill-proprjetarji ta’ parti mis-sistema jistgħu jipproponu bħala operatur persuna li lanqas biss ikollha parti minn din is-sistema.

57

Fl-aħħar, ir-Renju tal-Belġju jinvoka l-osservanza tal-effett utli tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. L-argument tiegħu huwa bbażat prinċipalment fuq il-fatt li, skont deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni adottati mill-CREG, skont ir-Regolament Nru 714/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36), Elia System Operator u Fluxys Belgium, operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, rispettivament, tal-elettriku u tal-gass naturali, huma proprjetarji ta’ sistema, fis-sens tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Issa, minkejja n-natura vinkolanti ta’ dawn id-deċiżjonijiet adottati mill-CREG, skont ġurisprudenza stabbilita l-eżekuzzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva mill-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru ma tistax, waħidha, tippreżenta ċ-ċarezza u l-preċiżjoni rikjesti sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u sempliċi prattiki amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu mmodifikati fid-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu eżekuzzjoni tal-obbligi impost fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑46/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:146, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni, fl-opinjonijiet tagħha maħruġa għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ dawn l-operaturi tas-sistema, ma opponietx iċ-ċertifikazzjoni tagħhom ma jistax jippreġudika t-traspożizzjoni korretta tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 fid-dritt Belġjan, peress li dawn l-opinjonijiet ma għandhomx l-għan li jiddeċiedu dwar din it-traspożizzjoni.

59

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-direttivi, billi naqas milli jittrasponi korrettament l-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mill-imsemmija direttivi.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73

60

Fir-rigward tat-tieni lment, kompost, fir-rikors, minn tliet partijiet, il-Kummissjoni indikat, fir-replika tagħha, li tirrinunzja għat-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 37(10) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(10) tad-Direttiva 2009/73.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni lment, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73

– L-argumenti tal-partijiet

61

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73 ma ġewx trasposti korrettament fid-dritt Belġjan. Diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Elettriku u tal-Liġi dwar il-Gass Naturali ma kinux jippermettu lill-awtorità regolatorja, f’dan il-każ il-CREG, li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni libera fis-suq, li timponi l-miżuri proporzjonati u neċessarji sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva kif ukoll tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u tal-gass.

62

Għalkemm l-awtorità regolatorja għandu jkollha, skont dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, is-setgħa li timponi miżuri sabiex tagħti prijorità lill-kompetizzjoni effettiva, l-argument tar-Renju tal-Belġju, li, fid-dritt Belġjan, huwa biss ir-Re, bħala awtorità politika, li jista’ jippermetti lill-CREG, fuq proposta ta’ dan tal-aħħar, li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti jew li tittrażmetti lil awtoritajiet oħra l-informazzjoni li hija ġabret sabiex dawn l-awtoritajiet jieħdu, jekk ikun il-każ, miżuri vinkolanti, għandu jiġi miċħud. L-istess japplika għall-argument dwar allegata kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

63

Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju li l-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jagħtu lill-CREG il-kompetenza ġenerali li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu biss li dawn il-persuni jiġu obbligati jikkonformaw ruħhom mal-obbligi diġà impost fuqhom, filwaqt li l-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73 huma intiżi li jagħtu lill-awtorità regolatorja s-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet b’mod awtonomu.

64

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti mill-Kummissjoni jikkonċernaw esklużivament id-dritt tal-kompetizzjoni u jittrasponu l-Artikolu 37(1)(j), “l-aħħar parti”, u l-paragrafu 13 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(1)(j), “l-aħħar parti”, u l-paragrafu 13, tad-Direttiva 2009/73. F’dan il-qasam, huma biss l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jkunu kompetenti, u dan hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 37 u 61 tad-Direttiva 2009/72.

65

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija mill-Kummissjoni jikkonfermaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u awtorità settorjali, bħall-CREG, li għandha kompetenza sabiex tiġbor informazzjoni u tibgħatha lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li jistgħu, abbażi ta’ din l-informazzjoni, jieħdu miżuri jew deċiżjonijiet. Il-CREG taġixxi fil-kuntest ta’ kooperazzjoni regolari mal-Awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni.

66

Barra minn hekk, il-kompetenzi elenkati fil-paragrafi 4 tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 u fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73 ma jistgħux ikopru l-missjonijiet kollha mogħtija lill-awtorità regolatorja skont il-paragrafu 1 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli, bir-riskju li jinħolqu kunflitti ta’ kompetenza bejn l-awtorità tal-kompetizzjoni u l-CREG, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dawn il-paragrafi 4 isemmu biss il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effikaċi tas-suq, iżda mhux il-kunċetti ta’ trasparenza u ta’ kompetizzjoni libera fis-suq. Barra minn hekk, il-CREG diġà għandha l-kompetenzi elenkati fl-imsemmija paragrafu 4, skont l-Artikolu 23(2) tal-Liġi dwar l-Elettriku, l-Artikolu 7(1a) u l-punt 7 tal-Artikolu 29a tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll il-punt 8°a tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 15/14 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali.

67

Barra minn hekk, skont l-istess paragrafi 4, l-awtorità regolatorja għandha jkollha biss is-setgħat neċessarji sabiex twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 tal-imsemmija Artikoli 37 u 41, li huwa l-każ fid-dritt Belġjan skont il-punt 2° tal-Artikolu 36 tal-Liġi tat‑8 ta’ Jannar 2012, li temenda l-Liġi tad‑29 ta’ April 1999 dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal-Elettriku u tal-Liġi tat‑12 ta’ April 1965 dwar it-Trażmissjoni ta’ Prodotti bil-Gass u Oħrajn Permezz ta’ Kanali (Moniteur belge tal‑11 ta’ Jannar 2012, p. 909) kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, li jittrasponi l-Artikolu 37(1), (4), (6) u (9) tad-Direttiva 2009/72, li jirrigwarda il-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji.

68

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Artikolu 37(1)(i) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1)(i) tad-Direttiva 2009/73 jipprevedu biss il-missjoni li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza mill-impriżi tal-elettriku u tal-gass. L-awtorità regolatorja tista’ biss timponi sanzjoni waqt il-ksur ta’ obbligu ta’ trasparenza. Hija biss l-“aħħar parti” tal-Artikolu 37(1)(j) tad-Direttiva 2009/72 u dik tal-Artikolu 41(1)(j) tad-Direttiva 2009/73, li jipprevedu s-sorveljanza tal-prezzijiet iffatturati lill-klijenti residenzjali, inklużi s-sistemi ta’ ħlas antiċipat, ir-rati ta’ bidla tal-fornitur, ir-rati ta’ qtugħ, il-ħlasijiet għas-servizzi ta’ manutenzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll l-ilmenti tal-klijenti residenzjali, li huma rilevanti.

69

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprevedu b’mod ġenerali kompetenza deċiżjonali fir-rigward tal-impriżi u l-awtoritajiet regolatorji huma awtoritajiet amministrattivi li għandhom il-kompetenza li jadottaw atti amministrattivi, ta’ natura deċiżjonali. Il-CREG tista’ tissorvelja l-grad ta’ trasparenza mill-impriżi kif ukoll il-livell u l-effikaċja milħuqa f’termini ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut. Hija għandha setgħat li toħroġ ordni, setgħat ta’ kontroll ta’ dokumenti u fuq il-post, setgħat ta’ investigazzjoni, previsti fl-Artikolu 30a(3) u fl-Artikolu 31/1 tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll fl-Artikolu 18(3) u fl-Artikolu 15/16 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, kif ukoll setgħat li tadotta u li timponi miżuri sabiex tippromwovi l-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u tal-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali. Il-CREG tista’ timponi multi amministrattivi u tiggarantixxi l-osservanza tar-Regolament Nru 1227/2011.

– Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

L-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2009/73 jagħtu lill-awtorità regolatorja varji missjonijiet, fosthom b’mod partikolari, fil-punti (i) u (j) ta’ dawn il-paragrafi 1, dawk li tissorveljaw il-grad ta’ trasparenza, inklużi l-prezzijiet bl-ingrossa, li tiżgura l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza mill-impriżi tal-elettriku u tal-gass naturali, li tissorvelja l-livell u l-effikaċja milħuqa f’termini ta’ ftuħ tas-swieq u ta’ kompetizzjoni għas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut, il-prezzijiet iffatturati lill-klijenti residenzjali u l-ilmenti tal-klijenti residenzjali, kif ukoll li tissorvelja d-distorsjonijiet jew ir-restrizzjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, billi tikkomunika b’mod partikolari l-informazzjoni utli kollha u billi tirreferi dawk il-każijiet li hekk ikunu jirrikjedu lill-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni.

71

L-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73 jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex iwettqu l-missjonijiet msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 ta’ dawn l-artikoli b’mod effikaċi u rapidu u li, għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja tiġi fdata minn tal-inqas il-kompetenza li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku jew tal-gass naturali kif ukoll dik li jitwettqu investigazzjonijiet u li jiġu adottati u imposti l-miżuri proporzjonati u neċessarji sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva u jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq. Fejn ikun opportun, l-awtorità regolatorja għandu jkollha wkoll il-kompetenza li tikkopera b’mod partikolari mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni relatata mad-dritt tal-kompetizzjoni.

72

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali ma għandhiex tappartjeni esklużivament lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. Kif inhu ddikjarat fil-premessa 37 tad-Direttiva 2009/72 u fil-premessa 33 tad-Direttiva 2009/73, l-awtorità regolatorja għandha tkun tista’ tadotta, irrispettivament mill-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, miżuri intiżi sabiex jagħtu vantaġġ lill-konsumaturi billi jaġevolaw il-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali. Kif jirriżulta mill-użu tal-kelma “jimponu” fl-Artikolu 37(4)(b) tad-Direttiva 2009/72 u fl-Artikolu 41(4)(b) tad-Direttiva 2009/73, din is-setgħa għandha tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti.

73

Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet regolatorji s-setgħa li jadottaw miżuri vinkolanti, b’mod partikolari sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali. Għalkemm dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, billi jikkomunikaw b’mod partikolari lil dawn tal-aħħar l-informazzjoni kollha utli u jibgħatu quddiemhom każijiet li jixirqilhom jiġu ttrattati minnhom, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi u s-setgħat tagħhom indipendentement minn dawk eżerċitati minn dawn l-awtoritajiet tal-aħħar.

74

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 23a u 23b u l-Artikolu 26(1a) tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll l-Artikoli 15/14a, 15/14b u 15/16 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, imsemmija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37(1)(i) u (j) tad-Direttiva 2009/72, u tal-Artikolu 41(1) (i) u (j) tad-Direttiva 2009/73, peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma intiżi, bl-istess mod bħal dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, sabiex jagħtu lill-CREG il-missjoni li tissorvelja u tikkontrolla l-aġir jew il-prattiki antikompetittivi, kif ukoll il-prezzijiet ipprattikati mill-impriżi tal-elettriku u tal-gass naturali.

75

Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettux lill-awtorità regolatorja tieħu deċiżjonijiet vinkolanti f’dak li jirrigwarda t-trasparenza u l-kompetizzjoni libera fis-suq u, konsegwentement, li timponi l-miżuri proporzjonati u neċessarji sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u tal-gass naturali.

76

Fil-fatt, għalkemm is-setgħat misluta mill-Artikoli 23a u 23b, kif ukoll mill-Artikolu 30a(3) tal-Liġi dwar l-Elettriku, u l-Artikoli 15/14a, 15/14b, 15/16 kif ukoll tal-Artikolu 18(3) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jistgħu jippermettu lill-CREG tikkontrolla u tissorvelja l-aġir antikompetittiv jew il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi li jipprovdu l-elettriku jew tal-gass naturali li għandhom effett jew li jista’ jkollhom effett fuq is-suq tal-elettriku jew tal-gass naturali kif ukoll li tikkontrolla u tissorvelja l-prezzijiet offruti minn dawn l-impriżi li għandhom ikunu oġġettivament iġġustifikati meta mqabbla mal-ispejjeż ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 23a u 23b tal-Liġi dwar l-Elettriku, kif ukoll skont l-Artikoli 15/14a u 15/14b tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-CREG fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll jippermettulha biss, bħala prinċipju, li tistabbilixxi rapport lill-Ministru Federali responsabbli mill-enerġija, li tifformula opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet kif ukoll li tiddenunċja ksur allegat lill-Awtorità Belġjana tal-Kompetizzjoni. Ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu wkoll, f’dak li jikkonċerna l-prattiki kummerċjali żleali kif ukoll il-prezzijiet u/jew il-kundizzjonijiet diskriminatorji, li r-Re jista’, permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-CREG, jispeċifika l-miżuri li hija awtorizzata tadotta, li jidher li jista’ jinkludi miżuri vinkolanti. Madankollu, dawn il-miżuri li l-CREG tista’ tiġi awtorizzata tieħu huma limitati għal “miżuri urġenti”. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Belġju ma invoka ebda digriet li jiddetermina l-miżuri vinkolanti li l-CREG hija awtorizzata tadotta.

77

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 26(1a) tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 15/16 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jagħtu lill-CREG setgħat sabiex tiġbor informazzjoni li tista’ tintuża biss għall-finijiet tar-rapporti, tal-opinjonijiet, tar-rakkomandazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tal-miżuri urġenti, imsemmija fl-Artikoli 23a u 23b tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll fl-Artikoli 15/14a u 15/14b tal-Liġi dwar il-Gass Naturali. B’hekk, dawn is-setgħat ma humiex ta’ natura li jagħmlu tajjeb għall-lakuni tas-setgħat tal-CREG, li jirriżultaw mill-Artikoli 23a u 23b tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll mill-Artikoli 15/14a u 15/14b tal-Liġi dwar il-Gass Naturali.

78

Bl-istess mod l-Artikolu 31/1 tal-Liġi dwar l-Elettriku invokat mir-Renju tal-Belġju jippermetti biss, permezz tal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef istruttorju, lill-persunal tal-CREG permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tordna, ħlief f’abitazzjoni privata, il-qbid ta’ assi li huma l-proprjetà tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni mwettqa mill-CREG u li, jew jikkostitwixxu s-suġġett tal-ksur eżaminat, jew kienu intiżi jew servew għat-twettiq tar-reat inkwistjoni, jew jikkostitwixxu vantaġġ patrimonjali miksub direttament mill-ksur inkwistjoni.

79

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiżdied li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u tal-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali ma jistgħux iktar u iktar iwasslu sabiex jitqies li l-CREG għandha setgħat previsti fl-Artikolu 37(4)(b) tad-Direttiva 2009/72 u fl-Artikolu 41(4)(b) tad-Direttiva 2009/73. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dawn l-artikoli tal-Liġi dwar l-Elettriku u tal-Liġi dwar il-Gass Naturali ma jippermettu lill-CREG biss li tordna lill-persuni kkonċernati sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li huma diġà impost fuqhom b’mod speċifiku permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-liġijiet. L-imsemmija artikoli ma jagħtux setgħa iktar wiesgħa lil din l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti u li timponi b’mod awtonomu l-miżuri li hija tqis neċessarji, b’mod partikolari sabiex tippromwovi kompetizzjoni effettiva u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq.

80

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-istess artikoli sostnuta mir-Renju tal-Belġju, sa fejn dawn tal-aħħar jippermettu lill-CREG li tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet vinkolanti kif ukoll li timponi l-miżuri meħtieġa mill-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73, hemm lok li jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni tikkontradixxi l-Artikoli 23a u 23b tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll l-Artikoli 15/14a u 15/14b tal-Liġi dwar il-Gass Naturali li, minbarra l-possibbiltà għall-CREG li tadotta miżuri urġenti speċifikati minn qabel bid-Digriet Irjali, jipprevedu biss il-possibbiltà li din tipprovdi rapport, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet kif ukoll li tiddenunċja l-ksur allegat lill-Awtorità Belġjana tal-Kompetizzjoni. Issa, l-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali għandhom jinqraw, kif jipprovdu espressament, “bla ħsara għall-miżuri l-oħra previsti” minn dawn il-liġijiet.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali rrakkomandata mir-Renju tal-Belġju hija possibbli, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jimplimentaw, bi preċiżjoni u ċarezza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.

82

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’forza vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jeħtieġ li, fil-każ fejn id-direttiva għandha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑354/98,EU:C:1999:386, punt 11, tal‑14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 48, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑599/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttivi 2009/72 u 2009/73, billi naqas milli jittrasponi korrettament l-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73.

Fuq it-tieni parti tat-tieni lment, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73

– L-argumenti tal-partijiet

84

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73 ma ġewx trasposti korrettament fid-dritt Belġjan. Diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ma jagħtux lill-awtorità regolatorja, f’dan il-każ il-CREG, is-setgħa esklużiva li tiffissa jew tapprova l-metodi sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ bbilanċjar jew ta’ aġġustament.

85

Suġġetti li għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtorità regolatorja huma inklużi fir-“regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Elettriku, u fil-“kodiċi ta’ tmexxija tajba”, fis-sens tal-Artikolu 15/5j tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, li għandhom jiġu stabbiliti mir-Re. Il-kompetenza tal-CREG hija limitata biss għall-kontroll ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku u tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba. Bl-istess mod, il-CREG hija responsabbli għall-approvazzjoni ta’ dokumenti li għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess iddefiniti mir-Re.

86

Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi regolament tekniku u l-imsemmi kodiċi ta’ tmexxija tajba għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tat-“[t]ielet pakkett tal-enerġija”, inklużi dawk dwar il-kompetenzi u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja. Din għandha tkun kompetenti sabiex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tal-istess regolament tekniku u tal-istess kodiċi ta’ tmexxija tajba.

87

Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-argument tagħha dwar il-punt 2 tal-Artikolu 18(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku.

88

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li ttraspona l-Artikolu 37(6) u (9) tad-Direttiva 2009/72 permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Elettriku u tad-Digriet Irjali tat‑22 ta’ April 2019 li jistabbilixxi regolament tekniku għall-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku u l-aċċess għalih (Moniteur belge tad‑29 ta’ April 2019, p. 41040) (iktar ’il quddiem ir-“regolament tekniku”), kif ukoll mill-kompetenzi ta’ approvazzjoni mogħtija lill-CREG, imsemmija fil-partijiet 4, 5 u 6 tat-Titolu 4 ta’ dan ir-regolament tekniku. Barra minn hekk, huwa jqis li ttraspona l-Artikolu 41(6) u (9) tad-Direttiva 2009/73 permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-gass naturali kif ukoll permezz tad-Digriet Irjali tat‑23 ta’ Diċembru 2010 dwar il-kodiċi ta’ tmexxija tajba fil-qasam tal-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, għall-faċilità ta’ ħażna ta’ gass naturali u għall-installazzjoni ta’ GNL u li jemenda d-Digriet Irjali tat‑12 ta’ Ġunju 2001 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ gass naturali u dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ provvista ta’ gass naturali (Moniteur belge tal‑5 ta’ Jannar 2011, p. 181) (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ tmexxija tajba”).

89

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali, minn naħa, ir-Renju tal-Belġju jsostni, f’dak li jikkonċerna s-suq tal-elettriku, li, minkejja li l-punt 9 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-Liġi dwar l-Elettriku jidher li jagħti biss lill-awtorità regolatorja s-setgħa li tapprova d-dokumenti relatati mal-konnessjonijiet, mal-aċċess u mal-kundizzjoni ta’ ekwilibriju, din id-dispożizzjoni ġiet eżegwita mill-Artikolu 4 tar-Regolament tekniku li jipprovdi li l-CREG hija esklużivament kompetenti sabiex tapprova l-kuntratti standard relatati mal-konnessjoni, mal-aċċess, mal-persuna responsabbli mill-ibbilanċjar u għall-provvista ta’ servizzi ta’ bbilanċjar.

90

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-suq tal-gass, il-punti 6 u 6a tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15/14 (2) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprovdu li l-CREG għandha tapprova l-kundizzjonijiet prinċipali ta’ aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni u tapprova l-kuntratt ta’ trażmissjoni għall-aċċess għal interkonnessjoni. Barra minn hekk, il-punt 7 tal-Artikolu 15/1(3) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-CREG għandha tapprova l-abbozz ta’ regoli ta’ ġestjoni tal-konġestjoni u tista’ titlob lill-operatur tas-sistema, b’mod partikolari, b’mod motivat, jemenda dawn ir-regoli. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew eżegwiti mill-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2(2), l-Artikolu 29(1), l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 96(1) tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba. Għalhekk, il-CREG hija esklużivament kompetenti sabiex tapprova l-kundizzjonijiet prinċipali għall-aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni u għas-servizzi ta’ trażmissjoni, kif previst fil-paragrafu 2 tal-punt 2°tal-Artikolu 2(1) ta’ dan il-kodiċi, ir-regolament ta’ aċċess għall-attività ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, kif previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi kodiċi, il-kuntratt standard għall-attivitajiet ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali, kif previst fl-Artikolu 77(1) tal-istess kodiċi, u l-kuntratt standard ta’ konnessjoni u l-emendi tiegħu, kif previst fl-Artikolu 96(1) tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba.

91

Fir-rigward tal-punt 9° tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(2) tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-punt 15° tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15/14(2) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu setgħa ta’ kontroll tal-applikazzjoni tar-regolament tekniku u tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba għall-CREG. Is-setgħa esklużiva ta’ approvazzjoni li għandha b’dan il-mod il-CREG tippermetti lil din tal-aħħar li tiddeċiedi s-sistema legali fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali, dwar il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ aġġustament jew ta’ bbilanċjar, kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni. Il-prerogattivi tal-CREG ma humiex limitati għall-kontroll tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet iddefiniti preċedentement mir-Re fir-regolament tekniku. Il-fatt li tali prerogattivi jirriżultaw minn qari flimkien ta’ artikoli ta’ liġi u ta’ digrieti ta’ implimentazzjoni meħuda mir-Re ma għandux l-effett li jirrestrinġi tali prerogattivi.

92

Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, il-CREG approvat il-mudelli ta’ kuntratti li jipprovdu l-metodi użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ bbilanċjar jew ta’ aġġustament. Din hija approvazzjoni, mill-awtorità regolatorja, ta’ mudelli applikabbli għal kulħadd u mhux teħid ta’ deċiżjonijiet individwali. L-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 20/2 tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprovdu li l-CREG għandha setgħat ta’ kontroll u sanzjoni xierqa, minbarra l-kompetenzi ta’ approvazzjoni meħtieġa mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73.

93

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-istabbiliment tar-regolament tekniku u tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-kompetenza tar-Re li jwaqqaf, permezz ta’ Digriet Irjali, regolament tekniku u kodiċi ta’ tmexxija tajba, wara li jkun irċieva rispettivament l-opinjoni jew il-proposta tal-CREG, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. L-assenza ta’ possibbiltà għall-awtorità regolatorja li tbiddel test li għall-istabbiliment tiegħu hija ma hijiex kompetenti ma hijiex inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

94

Fir-rigward, fit-tielet lok, tad-dispożizzjonijiet tar-regolament tekniku u tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta li dawn jistgħu jippreġudikaw il-kompetenza esklużiva tal-CREG. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma identifikatx preċiżament l-artikoli ta’ dan ir-regolament u ta’ dan il-kodiċi, filwaqt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuqha. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jitqies li huwa inammissibbli.

95

Sussegwentement, mill-qari tal-Artikolu 11 u tal-punt 9 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-Liġi dwar l-Elettriku kif ukoll tal-Artikolu 15/5j u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15/14(2) tal-Liġi dwar il-Gass Naturali ma jistax jiġi dedott li d-dispożizzjonijiet tar-regolament tekniku u tal-kodiċi ta’ tmexxija tajba, liema regolament u kodiċi jiġu adottati mir-Re, fuq parir jew proposta tal-CREG, jagħtu lil dan tal-aħħar kompetenza esklużiva li għandha tmur lura lill-CREG.

96

Fl-aħħar nett, id-Direttivi 2009/72 u 2009/73 jaqgħu fil-kuntest usa’ tar-Regolamenti Nri 714/2009 u 715/2009, li jipprevedu l-istabbiliment ta’ kodiċi ta’ netwerk applikabbli għall-Istati Membri kollha. Fir-rigward tal-konnessjoni fis-settur tal-enerġija elettrika, il-Kummissjoni adottat tliet kodiċijiet. Il-premessa 2 ta’ kull wieħed minn dawn il-kodiċi tfakkar id-distinzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/72 u dak tal-Artikolu 37(6) ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631, tal-14 ta’ April 2016, li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja (ĠU 2016, L 112, p. 1), l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 tas-17 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Konnessjoni tad-Domanda (ĠU 2016, L 223, p. 10), u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1447 tas-26 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja ta’ sistemi ta’ kurrent dirett b’vultaġġ għoli u ta’ moduli ta’ parks tal-enerġija konnessi b’kurrent dirett (ĠU 2016, L 241, p. 1) jawtorizzaw lill-Istati Membri jafdaw il-kompetenza li japprovaw ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti mill-operaturi tas-sistemi kompetenti lil awtorità oħra li ma hijiex l-awtorità regolatorja.

97

Din hija r-raġuni għaliex ir-regolament tekniku ġie adottat, peress li dan għandu l-effett li japprova, skont il-kodiċi tan-netwerks tal-Unjoni, dawn ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-regolament tekniku jittrasponu l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/72 u ma jikkostitwixxux approprjazzjoni mir-Re ta’ kompetenza tal-CREG, u lanqas ma għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetenza ta’ din l-awtorità li tapprova l-metodi u r-regoli msemmija fl-Artikolu 37(6) u (9) tad-Direttiva 2009/72.

– Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

98

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Belġju, din ma tistax tintlaqa’, peress li l-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti, fil-kuntest tal-ilment tagħha, diversi dispożizzjonijiet tal-Liġijiet dwar l-Elettriku u dwar il-Gass Naturali li hija tqis li jikkontradixxu l-Artikolu 37(6) u (9) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(6) u (9) tad-Direttiva 2009/73, b’tali mod li huwa possibbli li dan l-ilment jinftiehem. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru kien f’pożizzjoni li jifhmu u jirrispondi għalih.

99

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mertu, l-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73 jipprevedu li hija l-awtorità regolatorja li għandha tistabbilixxi jew tapprova tal-inqas il-metodi użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali, il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ aġġustament jew ta’ bilanċ u l-aċċess għall-infrastrutturi transkonfinali, inkluż il-proċeduri tal-għoti ta’ kapaċitajiet u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, kif ukoll li titlob it-tibdil mill-operaturi tas-sistema jew l-operaturi tas-suq tar-regoli tagħhom ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, inkluż l-għoti tal-kapaċitajiet, li huma obbligati li jissottomettu quddiem l-imsemmija awtorità.

100

Kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-Direttiva 2009/72 u mill-premessa 33 tad-Direttiva 2009/73, għall-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet fuq l-aspetti regolatorji relevanti kollha u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat ieħor.

101

Issa, f’dan il-każ, l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Elettriku u l-Artikolu 15/5j tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jagħtu lir-Re s-setgħa li jistabbilixxi rispettivament ir-regolament tekniku għall-ġestjoni tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u l-aċċess għal dan tal-aħħar kif ukoll il-kodiċi ta’ tmexxija tajba fil-qasam tal-aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, għall-installazzjoni ta’ ħażna ta’ gass naturali u għall-installazzjoni ta’ LNG.

102

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, bl-istabbiliment ta’ dan ir-regolament tekniku u dan il-kodiċi ta’ tmexxija tajba, ir-Re jista’ jiddefinixxi ċerti rekwiżiti u regoli operazzjonali, kif ukoll diversi modalitajiet, kundizzjonijiet u informazzjoni li, skont l-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73, għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja.

103

B’hekk, b’mod partikolari, il-punti 1 u 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi li r-regolament tekniku jiddefinixxi t-termini ta’ konnessjoni, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-utenti tan-netwerk lill-operatur ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 15/5j tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprevedi, fil-punti 1, 2, 4 u 7 tat-tieni subparagrafu, li l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jiddefinixxi l-proċeduri u l-modalitajiet ta’ talbiet ta’ aċċess għas-sistema, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-utenti tan-netwerk lill-operatur ta’ dan tal-aħħar, it-termini li fihom l-operatur tas-sistema għandu jissodisfa t-talbiet ta’ aċċess għan-netwerk tiegħu u għall-installazzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-prinċipji bażiċi relatati mad-drittijiet u l-obbligi, minn naħa, tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, tal-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali għall-aċċess ta’ dan tal-aħħar.

104

B’dan, huwa previst li r-regolament tekniku u l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jiddeterminaw ir-regoli, l-informazzjoni u l-prinċipji marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għas-sistemi nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 37(6)(a) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73. Issa, skont dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità regolatorja għandha tkun inkarigata li tiffissa jew tapprova dawn il-kundizzjonijiet jew, tal-inqas, il-metodi użati għall-istabbiliment tagħhom.

105

Bl-istess mod, il-punti 2 u 7 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprevedi li r-regolament tekniku jiddefinixxi r-regoli operazzjonali li għalihom l-operatur tan-netwerk huwa suġġett fil-ġestjoni teknika tiegħu tal-fluss tal-elettriku u li huwa b’mod konformi ma’ dan ir-regolament tekniku li l-kuntratti tal-operatur tas-sistema dwar l-aċċess għan-netwerk jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu għall-utenti tan-netwerk b’mod nondiskriminatorju. Barra minn hekk, il-punti 5 u 9 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15/5j tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprevedi li l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jiddefinixxi l-miżuri intiżi sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn utenti jew kategoriji ta’ utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, kif ukoll il-prinċipji bażiċi relatati mad-drittijiet u l-obbligi, minn naħa, tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, tal-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali fil-qasam tal-użu tiegħu.

106

B’dan il-mod, ir-regoli, il-miżuri u l-prinċipji li huma ddefiniti fir-regolament tekniku u l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jistgħu jkopru l-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi, rispettivament, ta’ aġġustament u ta’ bbilanċjar, li għandhom ikunu ekwi u mhux diskriminatorji. Issa, skont l-Artikolu 37(6) (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(6)(b) tad-Direttiva 2009/73, l-awtorità regolatorja għandha tkun inkarigata li tiffissa jew tapprova dawn il-kundizzjonijiet jew, tal-inqas, il-metodi użati sabiex jiġu stabbiliti.

107

Barra minn hekk, il-punti 2°u 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Elettriku jipprovdi li r-regolament tekniku jiddefinixxi r-regoli operazzjonali li għalihom l-operatur tan-netwerk huwa suġġett fl-azzjonijiet li għandu jieħu sabiex jirrimedja l-problemi ta’ konġestjoni, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-operatur tan-netwerk lill-operaturi ta’ netwerks tal-elettriku oħra li magħhom in-netwerk ta’ trażmissjoni huwa interkonness, sabiex jiġi żgurat użu mingħajr periklu u effikaċi, żvilupp ikkoordinat u l-interoperabbiltà tan-netwerk interkonness. Barra minn hekk, il-punt 9 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15/5j tal-Liġi dwar il-Gass Naturali jipprevedi li l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jiddefinixxi l-prinċipji bażiċi relatati mad-drittijiet u l-obbligi, minn naħa, tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, tal-utenti tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, fil-qasam tan-negozjati għall-aċċess għall-kapaċitajiet ta’ trasport u għall-ġestjoni tal-konġestjonijiet.

108

B’dan il-mod, ir-regoli, l-informazzjoni u l-prinċipji li huma hekk iddefiniti fir-regolament tekniku u l-kodiċi ta’ tmexxija tajba jistgħu jkopru l-aċċess għall-infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u ta’ ġestjoni tal-konġestjoni. Issa, skont l-Artikolu 37(6)(ċ) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(6) (ċ) tad-Direttiva 2009/73, hija l-awtorità regolatorja li għandha tkun inkarigata li tiffissa jew tapprova dawn l-aċċess u l-proċeduri jew, tal-inqas, il-metodi użati sabiex jiġu stabbiliti, peress li din l-awtorità hija, barra minn hekk, inkarigata li tissorvelja l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, skont il-paragrafu 9 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli.

109

F’tali kuntest, l-intervent tar-Re fid-determinazzjoni ta’ diversi kundizzjonijiet li għandhom, skont id-Direttivi 2009/72 u 2009/73, jiġu stabbiliti jew approvati mill-CREG stess, ikun inaqqas minn din tal-aħħar il-kompetenzi regolatorji li kellhom jiġu fdati lilha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681, punt 29).

110

Għandu jiġi rrilevat li, bħala awtorità regolatorja, il-CREG għandha tkun tista’ tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tkun suġġetta għal struzzjonijiet esterni minn korpi oħra, bħar-Re (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681, punt 29).

111

Għandu jingħad ukoll li l-argument invokat mir-Renju tal-Belġju ma huwiex ta’ natura li jwarrab it-tieni parti tat-tieni lment.

112

F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq ir-Regolamenti Nri 714/2009 u 715/2009 ma huwiex rilevanti, peress li dawn jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk għall-kummerċ transkonfinali u ma għandhomx l-għan li jemendaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 imsemmija f’dan ir-rikors, li jikkonċernaw il-kompetenza tal-awtorità regolatorja li tiffissa jew tapprova tal-inqas il-metodi użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għan-netwerks nazzjonali.

113

Fir-rigward tal-argument dwar ir-Regolamenti 2016/631, 2016/1388 u 2016/1447, dwar it-tħassir tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/72 u l-adozzjoni tar-regolament tekniku, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet teżisti fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet eventwali li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑563/15, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21016, punt 25). Dawn ir-regolamenti, kif ukoll it-tħassir tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/72 u l-adozzjoni tar-regolament tekniku, ma jistgħux konsegwentement jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, peress li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

114

Fi kwalunkwe każ, għalkemm ir-Regolamenti 2016/631, 2016/1388 u 2016/1447 għandhom l-għan li jistabbilixxu regoli armonizzati dwar il-konnessjoni tan-netwerks, dawn ma humiex intiżi li jemendaw ir-regoli ta’ kompetenza kif previsti fl-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll fl-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73, u lanqas li jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligu ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

115

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttivi 2009/72 u 2009/73, billi naqas milli jittrasponi korrettament l-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73.

Fuq l-ispejjeż

116

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

117

Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE, u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, billi naqas milli jittrasponi korrettament:

l-Artikolu 9(1)(a) ta’ kull waħda mid-Direttivi 2009/72 u 2009/73;

l-Artikolu 37(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72 u l-Artikolu 41(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73 kif ukoll;

l-Artikolu 37(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 41(6)(a) sa (ċ) u (9) tad-Direttiva 2009/73.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.