SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ġuridika tad-databases – Direttiva 96/9/KE – Artikolu 7 – Dritt ‘sui generis’ tal-produtturi ta’ databases – Projbizzjoni għat-terzi kollha li ssir ‘estrazzjoni’ jew ‘użu mill-ġdid’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-produttur, tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database – Database aċċessibbli liberament fuq l-internet – Metamutur ta’ tfittxija speċjalizzat fit-tfittxija ta’ avviżi ta’ impjieg – Estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database – Preġudizzju għall-investiment sostanzjali fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database”
Fil-Kawża C‑762/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura
“CV-Online Latvia” SIA
vs
“Melons” SIA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap tad-Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “CV-Online Latvia” SIA, minn L. Fjodorova u U. Zeltiņš, advokāti, |
|
– |
għal “Melons” SIA, minn A. Upenieks, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Soņeca, K. Pommere u L. Juškeviča, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u E. Kalniņš, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “CV-Online Latvia” SIA (iktar ’il quddiem “CV-Online”) u “Melons” SIA dwar il-wiri minn din tal-aħħar, fil-lista tar-riżultati ġġenerata mill-mutur ta’ tfittxija tagħha, ta’ link ipertest li jirreferik lejn is-sit internet ta’ CV-Online kif ukoll ta’ meta tags imdaħħla minn din tal-aħħar fil-programmazzjoni ta’ dan is-sit. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 7, 39 sa 42 u 47 tad-Direttiva 96/9 jgħidu li:
[…]
[…]
|
|
4 |
Taħt il-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-qasam ta’ applikazzjoni”, jinsab l-Artikolu 1 li jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li: “1. Din id-Direttiva hija dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta. 2. Għall-finiijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.” |
|
5 |
Taħt il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt sui generis”, l-Artikolu 7 jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 5 tiegħu, li: “1. Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database. 2. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:
Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid. […] 5. L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.” |
|
6 |
Finalment, skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva: “Din id-Direttiva hi bla ħsara partikolarment għad-dispożizzjonijiet […] dwar prattiċi ristrettivi u kompetizzjoni inġusta […]” |
Id-dritt Latvjan
|
7 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/9 dwar id-dritt sui generis ġew trasposti fid-dritt Latvjan fl-Artikoli 57 sa 62 tal-Autortiesību likums (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), tas‑6 ta’ April 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 148/150), kif emendata bil-Liġi tat‑22 ta’ April 2004 (Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 69). |
|
8 |
L-Artikolu 57(1) u (2) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li l-produttur ta’ database li l-elaborazzjoni, il-verifika jew il-preżentazzjoni tagħha jirrappreżentaw investiment sostanzjali f’termini kwalitattivi jew kwantitattivi (Artikolu 5(2)) għandu jitqies bħala l-persuna fiżika jew ġuridika li ħadet l-inizjattiva li toħloq id-database u li tassumi r-riskju tal-investiment. Il-produttur ta’ database għandu d-dritt jipprojbixxi l-attivitajiet li ġejjin għal dak li jirrigwarda t-totalità jew parti sostanzjali (evalwata mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv) tal-kontenut tad-database: 1) l-estrazzjoni, li tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju (provviżorju) tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database lejn mezz ieħor ta’ kwalunkwe tip jew f’kwalunkwe forma; 2) l-‘użu mill-ġdid’, li tfisser kull mod ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database bid-distribuzzjoni ta’ kopji, bil-kiri, bit-trażmissjoni online jew b’metodi oħra ta’ trasmissjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
CV-Online, kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan, topera s-sit internet www.cv.lv. Dan is-sit jinkludi database, żviluppata u regolarment aġġornata minn CV-Online, li tinkludi avviżi ta’ impjieg ippubblikati mill-persuni li jimpjegaw. |
|
10 |
Barra minn hekk, is-sit www.cv.lv fih meta tags, tat-tip “mikrodata” (microdata). Dawn it-tags, li ma humiex viżibbli waqt il-ftuħ tal-paġna internet ta’ CV-Online, jippermettu lill-muturi ta’ tfittxija fuq l-internet jidentifikaw aħjar il-kontenut ta’ kull paġna sabiex dan jiġi indiċjat b’mod korrett. Fil-każ tas-sit internet ta’ CV-Online, dawn il-meta tags jinkludu, għal kull avviż ta’ impjieg vakanti li jinsab fid-database, il-kliem ewlieni li ġej: “denominazzjoni tal-pożizzjoni”, “isem tal-impriża”, “post tax-xogħol” u “data ta’ pubblikazzjoni tal-avviż”. |
|
11 |
Melons, kumpannija rregolata mid-dritt Latvjan ukoll, topera s-sit internet www.kurdarbs.lv, li huwa mutur ta’ tfittxija speċjalizzat fl-avviżi ta’ impjieg. Dan il-mutur jippermetti tfittxija fuq diversi siti internet li jinkludu avviżi ta’ impjieg, skont kriterji differenti, fosthom it-tip tal-pożizzjoni u l-post tax-xogħol. Permezz ta’ links ipertest, is-sit www.kurdarbs.lv jirreferi lill-utenti lejn is-siti internet fejn l-informazzjoni mfittxija tkun ġiet ippubblikata inizjalment, fosthom is-sit ta’ CV-Online. Billi jikklikkja fuq tali link, l-utent jista’, b’mod partikolari, jaċċedi għas-sit www.cv.lv, sabiex isir jaf b’dan is-sit u bil-kontenut kollu tiegħu. L-informazzjoni li tinsab fil-meta tags imdaħħla minn CV-Online fil-programmazzjoni tas-sit internet tagħha huma murija wkoll fil-lista ta’ riżultati miksuba waqt l-użu tal-mutur ta’ tfittxija speċjalizzat ta’ Melons. |
|
12 |
Peress li qieset li d-dritt sui generis tagħha previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 kien ġie ppreġudikat, CV-Online ressqet azzjoni ġudizzjarja kontra Melons. Hija ssostni li Melons twettaq “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database ppreżentata fuq is-sit www.cv.lv. |
|
13 |
Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat ksur tad-dritt inkwistjoni, għar-raġuni li kien jeżisti “użu mill-ġdid” tad-database ta’ CV-Online. |
|
14 |
Melon appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja). Hija ssostni li s-sit internet tagħha ma jiżgurax trażmissjoni online, jiġifieri ma jiffunzjonax “f’ħin reali”. Barra minn hekk, hija ssostni li għandha ssir distinzjoni bejn is-sit www.cv.lv u d-database li dan jinkludi. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li huma l-meta tags użati minn CV-Online li juru informazzjoni dwar l-offerti ta’ impjieg fir-riżultati miksuba permezz tal-mutur ta’ tfittxija www.kurdarbs.lv. Issa, dawn il-meta tags ma humiex parti mid-database. Huwa preċiżament minħabba li hija tixtieq li l-muturi ta’ tfittxija juru din l-informazzjoni li CV-Online daħħlet dawn il-meta tags fil-programmazzjoni tas-sit tagħha. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
16 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, SABAM, C‑372/19, EU:C:2020:959, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni mqajma fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-funzjonament ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat mad-dritt sui generis stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, fuq il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk il-wiri, minn mutur ta’ tfittxija speċjalizzat, ta’ link ipertest li jirreferi lill-utent ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija lejn sit internet, ipprovdut minn terz, fejn il-kontenut ta’ database li jirrigwarda offerti ta’ impjieg jista’ jiġi kkonsultat jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “użu mill-ġdid” li tinsab fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, u, min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni li toriġina mill-meta tags ta’ dan is-sit internet murija mill-imsemmi mutur ta’ tfittxija għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “estrazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850), ma jippermettux li jiġi konkluż jekk hemmx “estrazzjoni” jew “użu mill-ġdid”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta, bħal f’dan il-każ, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat juri, fil-lista tar-riżultati miksuba permezz tal-użu ta’ dan il-mutur, minn naħa, link ipertest li jirreferik lejn sit internet, ipprovdut minn terz u li fih database, u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni li toriġina minn meta tags li l-produttur ta’ din id-database jkun daħħal fil-programmazzjoni tas-sit internet tiegħu stess. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, l-għażla tal-offerti ta’ impjieg li għalihom jirreferu l-links ipertest issir bl-għajnuna tal-mutur ta’ tfittxija speċjalizzat ipprovdut minn Melons. Dan il-mutur ta’ tfittxija jindiċja u jikkopja fuq is-server tiegħu stess il-kontenut tas-siti internet li jinkludu offerti ta’ impjieg, bħas-sit “www.cv.lv”, u jippermetti sussegwentement li jsiru tfittxijiet f’dan il-kontenut indiċjat skont kriterji bħan-natura tal-impjieg u l-post tax-xogħol. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li mutur ta’ tfittxija fuq l-internet speċjalizzat fit-tfittxija tal-kontenut ta’ databases, li jikkopja u jindiċja t-totalità jew parti sostanzjali ta’ database aċċessibbli liberament fuq l-internet, u li sussegwentement jippermetti lill-utenti tiegħu jagħmlu tfittxijiet f’din id-database fuq is-sit internet tagħha stess skont kriterji rilevanti mill-aspett tal-kontenut tagħha, iwettaq “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” tal-kontenut tal-imsemmija database, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li l-produttur ta’ tali database għandu d-dritt li jipprojbixxi tali estrazzjoni jew tali użu mill-ġdid ta’ din l-istess database. |
|
21 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandhom, qabelxejn, jiġu ppreċiżati l-portata u l-għan tal-protezzjoni tad-dritt sui generis li jirriżulta mid-Direttiva 96/9. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi 40 u 41 tad-Direttiva 96/9 jirriżulta, b’mod partikolari, li dan id-dritt sui generis għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni ta’ investiment sostanzjali fil-kisba, fil-verifika jew fil-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database għat-tul limitat tad-dritt billi jagħti lill-produttur ta’ database l-possibbiltà li jwaqqaf l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid mhux awtorizzati tat-totalita jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut tad-database. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-iskop tad-dritt previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 huwa li l-persuna li ħadet l-inizjattiva u assumiet ir-riskju li tiddedika investiment sostanzjali, f’termini ta’ riżorsi umani, tekniċi u/jew finanzjarji, għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim ta’ database tiġi ggarantita dħul mill-investiment tagħha billi tiġi protetta kontra l-approprjazzjoni mhux awtorizzata tar-riżultati miksuba ta’ dan l-investiment (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-premessi 39, 42 u 48 tad-Direttiva 96/9, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ dritt sui generis huwa għalhekk li jistimula l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ħżin u ta’ pproċessar ta’ data sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni f’kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta’ data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta’ attività (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet li taħthom id-database tista’ tiġi protetta mid-dritt sui generis skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, għandu jiġi osservat li, skont dan l-artikolu, il-protezzjoni ta’ database minn dan id-dritt hija ġġustifikata biss bil-kundizzjoni li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ din id-database juru investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 22). |
|
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-investiment fil-kisba tal-kontenut ta’ database jikkonċerna l-mezzi użati fit-tfittxija ta’ materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database, bl-esklużjoni tal-mezzi użati fil-ħolqien stess ta’ materjal (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 31, kif ukoll Fixtures Marketing, C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 24). |
|
26 |
Sussegwentment, il-kunċett ta’ investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati, sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija database, għall-kontroll tal-eżattezza tal-materjal imfittex, matul il-kostruzzjoni ta’ din id-database kif ukoll matul il-perijodu ta’ funzjonament tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 34). |
|
27 |
Fl-aħħar nett, l-investiment fil-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database jinkludi l-mezzi intiżi sabiex jagħtu lill-imsemmija database l-funzjoni tagħha ta’ pproċessar tal-informazzjoni, jiġifieri dawk iddedikati għall-arranġament sistematiku jew metodiku tal-materjal li jinsab f’din id-database kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-aċċessibbiltà individwali tiegħu (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 27, Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 43, u Fixtures Marketing, C‑46/02, EU:C:2004:694, punt 37). |
|
28 |
Peress li d-domandi preliminari huma bbażati fuq il-premessa li d-database ta’ CV-Online tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, hija, jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 humiex issodisfatti għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis, inkluż jekk il-meta tags ipprovduti minn CV-Online jistgħux huma stess jitqiesu bħala li jikkostitwixxu parti sostanzjali mid-database protetta. |
|
29 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż li att tal-utent jikkostitwixxi “estrazzjoni” u/jew “użu mill-ġdid”, fis-sens tad-Direttiva 96/9, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2)(a) tagħha jiddefinixxi l-“estrazzjoni” bħala “it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma”. Skont l-Artikolu 7(2)(b) tal-istess direttiva, l-“użu mill-ġdid” ikopri “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni”. |
|
30 |
Billi bbażat ruħha fuq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment ta’ dritt sui generis, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa kemm tal-kunċett ta’ “użu mill-ġdid” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punti 33 u 34) kif ukoll tal-kunċett ta’ “estrazzjoni”(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Directmedia Publishing, C‑304/07, EU:C:2008:552, punti 31 u 32). |
|
31 |
Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-kunċetti ta’ “estrazzjoni” u ta’ “użu mill-ġdid” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull att li jikkonsisti, rispettivament, fl-approprjazzjoni u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniet id-database, tar-riżultati tal-investiment tagħha li b’hekk iwassal sabiex din tal-aħħar tkun imċaħħda mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 51). |
|
32 |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-funzjonament ta’ mutur ta’ tfittxija speċjalizzat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku kien wettaq “użu mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database, li tinsab f’sit internet li jappartjeni lil terz, meta dan kien ipprovda lil numru indeterminat ta’ utenti finali mekkaniżmu li jippermetti li tiġi esplorata d-data li tidher f’din id-database u b’hekk kien offra aċċess għal kontenut tagħha b’mezz ieħor li ma huwiex dak previst mill-produttur ta’ din tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali attività tippreġudika d-dritt sui generis tal-produttur tad-database, peress li ċċaħħad lil dan il-produttur mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul minnu. Fil-fatt, f’tali każ, l-utent ma jkollux iktar bżonn li juża l-paġna ewlenija u l-formola ta’ tfittxija tad-database tat-terz ikkonċernat, peress li din id-database tkun tista’ tiġi esplorata direttament billi juża s-servizz tal-operatur tal-metamutur ta’ tfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punti 40 sa 42). |
|
33 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll minn informazzjoni miksuba waqt is-seduta, u enfasizzati mill-Avukat Ġenerali, fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li mutur ta’ tfittxija speċjalizzat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jużax il-formoli ta’ tfittxija tas-siti internet li fuqhom huwa jippermetti li ssir tfittxija u ma jittraduċix f’ħin reali t-talbiet tal-utenti tiegħu fi kriterji użati minn dawn il-formoli. Minflok, huwa jindiċja regolarment dawn is-siti u jżomm kopja fuq is-servers tiegħu stess. Imbagħad, bis-saħħa tal-formola ta’ tfittxija tiegħu stess, huwa jippermetti lill-utenti jwettqu tfittxijiet skont il-kriterji li huwa jipproponi, u din it-tfittxija ssir fost id-data li tkun ġiet indiċjata. |
|
34 |
Għalkemm huwa minnu li l-funzjonament tal-mutur ta’ tfittxija bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb (C‑202/12, EU:C:2013:850), xorta jibqa’ l-fatt li dan il-mutur ta’ tfittxija jippermetti li jiġi esplorat, b’mezz ieħor li ma huwiex dak previst mill-produttur tad-database kkonċernata, il-kontenut sħiħ ta’ diversi databases simultanjament, fosthom dik ta’ CV-Online, billi jqiegħed dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-utenti tiegħu stess. Billi jipprovdi l-possibbiltà li jsiru tfittxijiet simultanjament f’diversi databases, skont il-kriterji rilevanti mill-perspettiva tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, dan il-mutur ta’ tfittxija speċjalizzat jagħti lill-utenti l-aċċess, fuq is-sit internet tiegħu stess, għal offerti ta’ impjieg li jinsabu f’dawn id-databases. |
|
35 |
Għalhekk, mutur ta’ tfittxija bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti li tiġi esplorata d-data kollha li tidher fid-databases aċċessibbli liberament fuq l-internet, inkluż is-sit internet ta’ CV-Online, u jipprovdi lill-utenti tiegħu aċċess għall-kontenut kollu ta’ dawn id-databases b’mezz ieħor li ma huwiex dak previst mill-produtturi tagħhom. Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data huwa indirizzat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, peress li tali mutur ta’ tfittxija jista’ jintuża minn kwalunkwe persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 51). |
|
36 |
Barra minn hekk, billi jindiċja u jikkopja mill-ġdid fuq is-server tiegħu stess il-kontenut tas-siti internet, dan il-mutur ta’ tfittxija jittrasferixxi l-kontenut tad-databases li jikkostitwixxu dawn is-siti lejn mezz ieħor. |
|
37 |
Minn dan isegwi li tali trasferiment tal-kontenut sostanzjali tad-databases ikkonċernati u li tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data lill-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniethom, huma, rispettivament, miżuri ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid ta’ dawn id-databases, ipprojbiti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 bil-kundizzjoni li jkollhom l-effett li jċaħħdu lil din il-persuna minn dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-provvista tal-links ipertest lejn l-avviżi li jidhru fuq is-sit internet ta’ CV-Online u r-riproduzzjoni tal-informazzjoni li tinsab fil-meta tags ta’ dan is-sit huma biss manifestazzjonijiet esterni, ta’ importanza sekondarja, ta’ din l-estrazzjoni u ta’ dan l-użu mill-ġdid. |
|
38 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-atti msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza humiex ta’ natura li jippreġudikaw l-investiment tal-persuna li tkun bniet id-database li ġiet ittrasferita fuq mezz ieħor u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-dritt sui generis previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 huwa intiż li jipproteġi lill-persuna li tkun bniet id-database kontra atti tal-utent li jeċċedu d-drittijiet leġittimi tiegħu u li b’hekk jippreġudikaw l-investiment ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punti 45 u 46). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, moqri flimkien mal-premessa 42 tagħha, huwa intiż li jiġi evitat li utent, permezz tal-atti tiegħu, jippreġudika b’mod sostanzjali, evalwat kwalitattivament jew kwantitattivament, l-investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 69). |
|
40 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-produttur ta’ database jgawdi minn protezzjoni kontra l-attività tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku li tixbah il-produzzjoni ta’ prodott kompetitur parassitiku previst fil-premessa 42 tad-Direttiva 96/9 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 48). Fil-fatt, tali attività tkun tirriskja li tneħħi d-dħul tal-imsemmija produtturi u ċċaħħadhom għalhekk mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul minnhom fil-kostruzzjoni u fil-funzjonament tad-database (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb, C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 43). |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess leġittimu tal-produtturi ta’ databases li jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu tajjeb għall-investiment sostanzjali magħmul minnhom u, min-naħa l-oħra, dak tal-utenti u tal-kompetituri ta’ dawn il-produtturi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’dawn id-databases kif ukoll il-possibbiltà li joħolqu prodotti innovattivi bbażati fuq din l-informazzjoni. |
|
42 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-attivitajiet tal-aggregaturi ta’ kontenut fuq l-internet, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, jippermettu wkoll li jintlaħaq l-għan, imfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ħżin u ta’ pproċessar ta’ data sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni. Kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-aggregaturi jikkontribwixxu għall-ħolqien u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi li għandhom valur miżjud fis-settur tal-informazzjoni. Billi joffru lill-utenti tagħhom interface wieħed li jippermetti li jsiru tfittxijiet f’diversi databases skont kriterji rilevanti mill-aspett tal-kontenut tagħhom, huma jikkontribwixxu għal struttura aħjar tal-informazzjoni u jiffaċilitaw it-tfittxija fuq l-internet. Huma jikkontribwixxu wkoll għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u għat-trasparenza tal-offerti u tal-prezzijiet. |
|
43 |
Kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt sui generis lid-databases li l-ħolqien jew il-funzjonament tagħhom jirrikjedi investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv. |
|
44 |
Minn dan isegwi li, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punti 43 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju prinċipali ta’ bbilanċjar tal-interessi leġittimi preżenti għandu jkun il-preġudizzju potenzjali għall-investiment sostanzjali tal-persuna li tkun bniet id-database kkonċernata, jiġifieri r-riskju li ma tkunx tista’ tagħmel tajjeb għall-investiment magħmul. |
|
45 |
Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, kif jippreċiża l-Artikolu 13 tad-Direttiva 96/9, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma bla ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. |
|
46 |
Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi dwar id-dritt ta’ CV-Online li tipprojbixxi l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid tat-totalità jew ta’ parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database, li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-ewwel, jekk il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database kkonċernata turix investiment sostanzjali, u, it-tieni, jekk l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid inkwistjoni jikkostitwixxux riskju għall-possibbiltajiet li persuna tagħmel tajjeb għall-investiment magħmul. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li mutur ta’ tfittxija fuq l-internet speċjalizzat fit-tfittxija tal-kontenut ta’ databases, li jikkopja u jindiċja t-totalità jew parti sostanzjali ta’ database aċċessibbli liberament fuq l-internet, u li sussegwentement jippermetti lill-utenti tiegħu jagħmlu tfittxijiet f’din id-database fuq is-sit internet tagħha stess skont kriterji rilevanti mill-aspett tal-kontenut tagħha jwettaq “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” ta’ dan il-kontenut, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jistgħu jiġu pprojbiti mill-produttur ta’ tali database bil-kundizzjoni li dawn l-atti jippreġudikaw l-investiment tiegħu fil-kisba, fil-verifika u fil-preżentazzjoni ta’ dan il-kontenut, jiġifieri jikkostitwixxu riskju għall-possibbiltajiet li persuna tagħmel tajjeb għall-investiment magħmul permezz tal-użu normali tad-database inkwistjoni, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, għandu jiġi interpretat fis-sens li mutur ta’ tfittxija fuq l-internet speċjalizzat fit-tfittxija tal-kontenut ta’ databases, li jikkopja u jindiċja t-totalità jew parti sostanzjali ta’ database aċċessibbli liberament fuq l-internet, u li sussegwentement jippermetti lill-utenti tiegħu jagħmlu tfittxijiet f’din id-database fuq is-sit internet tagħha stess skont kriterji rilevanti mill-aspett tal-kontenut tagħha jwettaq “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” ta’ dan il-kontenut, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jistgħu jiġu pprojbiti mill-produttur ta’ tali database bil-kundizzjoni li dawn l-atti jippreġudikaw l-investiment tiegħu fil-kisba, fil-verifika u fil-preżentazzjoni ta’ dan il-kontenut, jiġifieri jikkostitwixxu riskju għall-possibbiltajiet li persuna tagħmel tajjeb għall-investiment magħmul permezz tal-użu normali tad-database inkwistjoni, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.