Kawżi magħquda C‑748/19 sa C‑754/19

Proċeduri kriminali

kontra

WB et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Novembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-Ministru għall-Ġustizzja li jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u li jirrevoka dawn il-kollokamenti – Kulleġġi ġudikanti f’kawżi kriminali li jinkludu mħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza”

  1. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))

    (ara l-punti 59, 60, 62)

  2. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin – Sistema applikabbli għall-miżuri ta’ kollokament tal-imħallfin – Miżuri ta’ kollokament li għandhom jagħtu l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità neċessarji sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju li jintużaw bħala għodda ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji – Evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

    (ara l-punti 63 sa 69, 71 sa 74)

  3. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin – Osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, għall-Ministru għall-Ġustizzja, li jikkolloka imħallef fi ħdan qorti kriminali ta’ grad superjuri għal żmien determinat jew indeterminat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, għal dan il-Ministru, li jirrevoka f’kull mument dan il-kollokament permezz ta’ deċiżjoni mhux motivata – Kriterji li fuqhom tibbaża d-deċiżjoni ta’ kollokament u dik ta’ revoka li ma jsirux pubbliċi – Inammissibbiltà

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/343, premessa 22 u Artikolu 6)

    (ara l-punti 76 sa 80, 83 sa 90 u d-dispożittiv)

Sunt

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi s-sistema fis-seħħ fil-Polonja li tippermetti lill-Ministru tal-Ġustizzja jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati kriminali superjuri, kollokament li dan il-Ministru, li fl-istess ħin huwa l-Prosekutur Ġenerali, jista’ f’kull mument itemm mingħajr motivazzjoni

Ir-rekwiżit ta ’ indipendenza ġudizzjarja jeżiġi fil-fatt li r-regoli dwar tali kollokament jipprovdu l‑garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li jintuża bħala mezz ta ’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari fil-qasam kriminali

Fil-kuntest ta’ seba’ kawżi kriminali pendenti quddiemha, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) tistaqsi dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti mitluba jagħtu deċiżjoni dwar dawn il-kawżi, fid-dawl tal-preżenza, f’dawn il‑kulleġġi, ta’ mħallef ikkollokat bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja skont il-Liġi dwar l‑Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ( 1 ).

Skont din il-qorti, bis-saħħa tar-regoli Pollakki dwar il-kollokament ta’ mħallfin, il-Ministru tal‑Ġustizzja jista’ jassenja mħallef permezz ta’ kollokament lil qorti kriminali ta’ grad superjuri abbażi ta’ kriterji li ma humiex magħrufa uffiċjalment, u mingħajr ma d-deċiżjoni ta’ kollokament tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, huwa jista’ jirrevoka dan il‑kollokament f’kull mument mingħajr ma tali revoka tkun suġġetta għal kriterji ddefiniti minn qabel fid-dritt u mingħajr ma jkollha għalfejn tkun motivata.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tar‑regoli ċċitati iktar ’il fuq mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 2 ) u dwar jekk dawn ir‑regoli jippreġudikawx il-preżunzjoni ta’ innoċenza applikabbli għall-proċeduri kriminali, li jirriżultaw b’mod partikolari mid-Direttiva 2016/343 ( 3 ).

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċidi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE, kif ukoll tad‑Direttiva 2016/343 ( 4 ) jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-Ministru tal-Ġustizzja ta’ Stat Membru jista’, abbażi ta’ kriterji li ma jsirux pubbliċi, minn naħa, jikkolloka mħallef fi ħdan qorti kriminali ta’ grad superjuri għal żmien determinat jew indeterminat u, min-naħa l-oħra, f’kull mument u permezz ta’ deċiżjoni li ma tkunx motivata, jirrevoka dan il-kollokament indipendentement minn jekk l-imsemmi kollokament ikunx għal żmien determinat jew indeterminat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-qrati ordinarji Pollakki, li minnhom tagħmel parti l-qorti reġjonali ta’ Varsavja, jaqgħu taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid‑dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Sabiex tali qrati jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, il-ħarsien tal‑indipendenza tagħhom huwa primordjali. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza timponi b’mod partikolari li r-regoli dwar il-kollokament ta’ mħallfin jagħtu l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju li dan il-kollokament jintuża bħala mezz ta’ kontroll politiku tal‑kontenut tad-deċiżjonjiet ġudizzjarji.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, għalkemm il-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jikkolloka mħallfin biss bil-kunsens tagħhom jikkostitwixxi protezzjoni proċedurali importanti, teżisti madankollu sensiela ta’ elementi li, skont il-qorti tar-rinviju, jawtorizzaw lil dan il-Ministru jinfluwenza lil dawn l-imħallfin, u jistgħu jqajmu dubji dwar l-indipendenza tagħhom. Filwaqt li tanalizza dawn id-diversi elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-ewwel nett li, sabiex jiġu evitati l‑arbitrarjetà u r-riskju ta’ manipulazzjoni, id-deċiżjoni dwar il-kollokament ta’ mħallef u dik li ttemmu għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji magħrufa minn qabel u jkunu debitament motivati. Barra minn hekk, peress li r-revoka tal-kollokament ta’ mħallef mingħajr il-kunsens tiegħu jista’ jkollha effetti, għal dan tal-aħħar, analogi għal dawk ta’ sanzjoni dixxiplinari, tali miżura għandha tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti skont proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, filwaqt li tirrileva li l-Ministru tal-Ġustizzja għandu wkoll il-funzjoni ta’ prosekutur ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li huwa għandu għalhekk, f’kawża kriminali partikolari, setgħa kemm fuq il-prosekutur tad-Diviżjoni Ordinarja kif ukoll fuq l-imħallfin ikkollokati, ħaġa li hija tali li tista’ tqajjem dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-imparzjalità tal-imsemmija mħallfin ikkollokati. Fl-aħħar nett, imħallfin ikkollokati fi ħdan kulleġġi ġudikanti mitluba jagħtu deċiżjoni fil-kawżi prinċipali għandhom ukoll il-funzjonijiet ta’ assistenti tal-Uffiċjal Dixxiplinari ta’ mħallfin tal-qrati ordinarji, li huwa l-korp inkarigat jinvestiga l-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra imħallfin. Issa, il-kumulu ta’ dawn iż-żewġ funzjonijiet, f’kuntest fejn l-assistenti tal-Uffiċjal Dixxipplinari tal-qrati ordinarji jinħatru wkoll mill-Ministru għall-Ġustizzja, huwa tali li jqajjem dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-membri l-oħra tal-kulleġġi ġudikanti kkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni.

Ikkunsidrati flimkien, dawn id-diversi ċirkustanzi huma, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, tali li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-Ministru għall‑Ġustizzja għandu, abbażi ta’ kriterji li ma humiex magħrufa, is-setgħa li jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u li jtemm il-kollokament tagħhom, mingħajr ma jkollu jagħti motivazzjoni għal din id-deċiżjoni, b’effett li, matul il-perijodu li matulu dawn l-imħallfin ikunu kkollokati, huma ma jibbenefikawx minn garanziji u mill-indipendenza li kull imħallef għandu normalment jibbenefika minnhom fl-Istat tad-dritt. Tali setgħa ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-obbligu li jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ indipendenza.

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-preżunzjoni ta’ innoċenza applikabbli għall-proċeduri kriminali, li d-Direttiva 2016/343 hija intiża li tiżgura l-osservanza tagħha ( 5 ), hija tippreżumi li l‑imħallef ikun ħieles minn kull parzjalità a priori meta jeżamina r-responsabbiltà kriminali tal‑akkużat. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin huma għalhekk kundizzjonijiet essenzjali sabiex il-preżunzjoni ta’ innoċenza tiġi ggarantita. Issa, f’dan il-każ, jidher li, fiċ-ċirkustanzi ċċitati iktar ’il fuq, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin u, konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ innoċenza jistgħu jiġu kompromessi.


( 1 ) Ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas-27 ta’ Lulju 2001, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2019, punt 52).

( 2 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[l-]Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta' l-Unjoni”.

( 3 ) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal‑preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

( 4 ) Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343.

( 5 ) Ara l-premessa 22 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343.