SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Korpi u organi tal-Unjoni Ewropea – Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-iffissar tas-sede – Artikolu 341 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjoni adottata mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l‑Artikolu 263 TFUE – Awtur u natura legali tal-att – Assenza ta’ effetti vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni”
Fil-Kawża C‑743/19,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid‑9 ta’ Ottubru 2019,
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou, C. Biz u L. Visaggio, bħala aġenti,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, J. Bauerschmidt u E. Rebasti, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir‑Renju tal‑Belġju, irrappreżentat minn J.‑C. Halleux, M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn L. Březinová, D. Czechová, K. Najmanová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
Ir‑Renju tad‑Danimarka, irrappreżentat minn M. Jespersen, V. Pasternak Jørgensen, J. Nymann-Lindegren u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,
L‑Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, G. Hodge, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,
Ir‑Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u E.‑M. Mamouna, bħala aġenti,
Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A. Daly, A.‑L. Desjonquères, E. Leclerc u T. Stehelin, bħala aġenti,
Il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux, C. Schiltz u T. Uri, bħala aġenti,
L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,
Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, J. M. Hoogveld u J. Langer, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika tal‑Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,
Ir‑Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn E. V. Drugda u B. Ricziová, bħala aġenti,
Ir‑Repubblika tal‑Finlandja, irrappreżentata minn M. Pere, bħala aġent,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, A. Kumin u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2021,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1199 meħuda bi Ftehim Komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat‑13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-post tas-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ĠU 2019, L 189, p. 68, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
Fit‑12 ta’ Diċembru 1992, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottaw bi ftehim komuni, fuq il-bażi tal-Artikolu 216 tat-Trattat KEE, tal-Artikolu 77 tat-Trattat KEFA u tal-Artikolu 189 tat-Trattat KEEA, id-deċiżjoni fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ certi korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 223, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Edinburgh”). |
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh jiffissa s-sedi rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-Bank Ewropew tal-Investiment. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni: “Is-sede tal-kopri [korpi] u d-dipartimenti l-oħra mwaqqfa jew li se jitwaqqfu għandha tkun deċiża bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew fil-ġejjieni, waqt li dawn iqisu l-vantaġġi tad-diżposizzjonijiet t’hawn fuq għall-Istati Membri kkonċernati, u waqt li jagħtu l-prijorità xierqa lill-Istati Membri li bħalissa ma jistgħux jipprovdu post għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.” |
|
5 |
L-Artikolu 341 TFUE jipprevedi li: “[i]s-sedi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri”. |
|
6 |
Skont il-Protokoll Nru 6 dwar il-lokalità tas-sede ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 6”), anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA: “Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, Wara li kkunsidraw l-Artikolu 341 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, Waqt li jfakkru u jikkonfermaw id-Deċiżjoni tat‑8 ta’ April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sede ta’ istituzzjonijiet, organi, korpi u dipartimenti futuri, Qablu dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin […]: Artikolu Uniku
|
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
Ir‑Regolament (UE) 2019/1149
|
7 |
Fit‑13 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol (COM (2018) 131 final). L-Artikolu 4 ta’ din il-proposta kien ifformulat f’dawn it-termini biss: “Is-sede tal-Awtorità għandu jkun [x]”. |
|
8 |
Wara negozjati interistituzzjonali li seħħew matul ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2019, ir-Rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill ikkonstataw li ma kellhomx l-elementi neċessarji sabiex jiffissaw is-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) u qablu li jipposponu din l-għażla għal data sussegwenti. B’hekk ġie deċiż, minn naħa, li jitħassar l-Artikolu 4 tal-Proposta għal Regolament imsemmi fil-punt preċedenti u, min-naħa l-oħra, li jiġu indikati r-raġunijiet għal din il-pożizzjoni f’dikjarazzjoni konġunta, li magħha ngħaqdet il-Kummissjoni, li kienet ser tiġi annessa mar-Regolament ladarba dan jiġi adottat. |
|
9 |
Fl‑20 ta’ Ġunju 2019 ġie adottat ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU 2019, L 186, p. 21). L-imsemmi regolament, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑11 ta’ Lulju 2019, ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-iffissar tas-sede tal-ELA. |
|
10 |
Skont id-Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU 2019, L 188, p. 131), adottata flimkien mar-Regolament 2019/1149 u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑12 ta’ Lulju 2019: “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnutaw li l-proċess għall-għażla tal-post tas-sede tal-[ELA] ma ġiex konkluż fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ twaqqif tagħha. Ifakkru fl-impenn favur kooperazzjoni sinċiera u trasparenti u jfakkru t-Trattati, it-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-valur tal-iskambju ta’ informazzjoni mill-istadji inizjali tal-proċess għall-għażla tas-sede tal-ELA. Tali skambju bikri ta’ informazzjoni jagħmilha eħfef għat-tliet Istituzzjonijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati permezz ta’ proċeduri relatati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq il-miżuri meħtieġa sabiex ir-Regolament fundatur jforni dispożizzjoni dwar il-lokazzjoni tas-sede tal-ELA, u biex tiżgura li l-ELA topera b’mod awtonomu f’konformità ma’ dak ir-Regolament.” |
Id‑Deċiżjoni kkontestata
|
11 |
Fit‑13 ta’ Marzu 2019, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri approvaw bi ftehim komuni l-proċedura u l-kriterji għad-determinazzjoni tas-sede tal-ELA. |
|
12 |
Ir-regoli ta’ selezzjoni kkunsidrati kienu jippreċiżaw li d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sede tal-ELA tkun ibbażata fuq kriterji analogi għal dawk stabbiliti fl-approċċ komuni li jinsab fl-anness tad-Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012”). Dawn il-kriterji kienu jirrigwardaw, l-ewwel, il-bilanċ ġeografiku, it-tieni, id-data li fiha l-aġenzija kkonċernata tkun tista’ tiġi stabbilita fis-sit wara d-dħul fis-seħħ tal-att kostituttiv tagħha, it-tielet, l-aċċessibbiltà tas-sit tal-istabbiliment, ir-raba’, l-eżistenza ta’ infrastrutturi ta’ tagħlim adegwati għat-tfal tal-persunal tal-aġenzija, u, il-ħames, aċċess xieraq għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali u għall-kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi. |
|
13 |
Ir-regoli tal-proċedura ta’ selezzjoni kienu jipprevedu wkoll li kull offerta dwar l-akkoljenza ta’ tali entità tkun trid tiġi indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, b’kopja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, u li din kellha tiġi ppubblikata fis-sit internet tal-Kunsill; li l-Kummissjoni tagħmel eżami ġenerali tal-offerti kollha u tippreċiża sa fejn kull offerta tissodisfa l-kriterji magħżula; li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill sussegwentement jibgħat din l-evalwazzjoni lill-Istati Membri u jagħmilha pubblika, u li sussegwentement tinżamm diskussjoni politika bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-marġni ta’ laqgħa tal-Coreper. Dawn l-istess regoli kienu jippreċiżaw li l-proċedura ta’ votazzjoni kellha sseħħ sussegwentement fil-marġni ta’ sessjoni tal-Kunsill “Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur” (EPSCO) fil-Lussemburgu; li tkun komposta minn votazzjoni suċċessiva mingħajr tlugħ bix-xorti, sakemm offerta tikseb il-maġġoranza tal-voti, u li d-deċiżjoni finali, li tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-proċedura ta’ votazzjoni, tiġi adottata bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri matul l-istess sessjoni. |
|
14 |
Fil‑5 ta’ Ġunju 2019, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-erba’ offerti li saru, jiġifieri Sofija (il-Bulgarija), Nikosija (Ċipru), Riga (il-Latvja) u Bratislava (is-Slovakkja), ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kellhom diskussjoni dwar dawn l-offerti fil-marġni ta’ laqgħa tal-Coreper. |
|
15 |
Fit‑13 ta’ Ġunju 2019, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill u wara votazzjoni intiża li tittieħed deċiżjoni fost l-erba’ Stati Membri li pproponew li jilqgħu l-ELA, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottaw id-Deċiżjoni kkontestata, li ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑15 ta’ Lulju 2019. |
|
16 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat b’dan il-mod: “L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol għandu jkollha s-sede tagħha fi Bratislava.” |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
17 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika Slovakka ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Frar 2020, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Frar 2020, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Finlandja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
|
22 |
Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Parlament Ewropew, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja f’din il-kawża. |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
L‑argumenti tal‑partijiet
|
23 |
Il-Kunsill, li ngħaqdu miegħu l-gvernijiet kollha tal-Istati Membri intervenjenti, isostni li r-rikors tal-Parlament huwa manifestament inammissibbli. |
|
24 |
L-ewwel nett, id-Deċiżjoni kkontestata hija imputabbli mhux lill-Kunsill iżda lill-Istati Membri. Issa, kif tikkonferma l-ġurisprudenza, dawn tal-aħħar huma nieqsa minn leġittimazzjoni passiva. Sussegwentement, din id-deċiżjoni ttieħdet fuq il-bażi tal-Artikolu 341 TFUE, li japplika mhux biss għall-iffissar tas-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13 TUE, iżda wkoll għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 263 TFUE. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jindika li l-adozzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni mill-Istati Membri bl-ebda mod ma tostakola stħarriġ ġudizzjarju effikaċi. Fi kwalunkwe każ, in-neċessità li jiġi żgurat tali kontroll ma tistax, fil-fehma tiegħu, twassal għall-ħolqien ta’ rimedji barra dawk previsti mit-Trattati. |
|
25 |
Il-Parlament iqis li n-natura kontestabbli, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tad-Deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà tar-rikors huma pprovati. |
|
26 |
Skont il-Parlament, din id-deċiżjoni hija evidentement att legalment vinkolanti tal-Unjoni. Qabel kollox, għandu jsir riferiment għad-denominazzjoni formali ta’ “deċiżjoni”, li tagħżel, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, att obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu. Sussegwentement, l-imsemmija deċiżjoni hija att li ġie adottat bis-saħħa tal-Artikolu 341 TFUE, jiġifieri dispożizzjoni tat-Trattati li tipprevedi l-adozzjoni ta’ atti vinkolanti, u li hija intiża li jiġi ddeterminat fejn għandu jiġi ffissat il-post tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, din l-istess deċiżjoni ġiet ippubblikata fis-serje L ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li hija rriżervata għall-atti normattivi. |
|
27 |
Fir-rigward tal-awtur effettiv tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Parlament iqis li, minkejja r-riferiment magħmul fit-titolu tagħha għall-“Ftehim Komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri”, dan huwa l-Kunsill. |
|
28 |
Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-Parlament isostni, l-ewwel, li d-dokumenti dwar il-proċedura ta’ selezzjoni u l-proġett li wassal għad-deċiżjoni kkontestata għandhom l-intestatura tal-“Kunsill tal-Unjoni Ewropea”, li jagħti x’jifhem li dan tal-aħħar assuma l-paternità. It-tieni, il-proċess li ppreċeda l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kien ibbażat fuq l-istrutturi amministrattivi kif ukoll fuq l-istanzi preparatorji tal-Kunsill, b’mod partikolari fuq il-Coreper imsemmi fl-Artikolu 240(1) TFUE. It-tielet, l-involviment ta’ Ministru Rumen f’dan il-proċess deċiżjonali juri li l-Presidenza tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 16(9) TUE aġixxiet f’din il-kwalità f’dan il-każ. Ir-raba’, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jipprevedi li ċerti atti mhux leġiżlattivi għandhom jiġu ffirmati mill-President tal-istituzzjoni li adottahom, il-fatt li l-Ministru Rumen iffirma d-Deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi li huwa aġixxa fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ President fil-kariga tal-Kunsill. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-Parlament ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex biżżejjed li att jiġi kklassifikat bħala deċiżjoni tal-Istati Membri sabiex ma taqax taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa wkoll neċessarju li jiġi stabbilit li l-att inkwistjoni, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tan-numru ta’ ċirkustanzi li fihom ikun ġie adottat, ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14). Issa, din il-konstatazzjoni ma tistax issir mingħajr ma jsir eżami tal-kontenut tal-att u tal-effetti legali tiegħu. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni kkontestata tidħol fuq is-setgħa mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-Artikoli 46 u 48 TFUE. |
|
30 |
Sussidjarjament, anki jekk għandu jitqies li d-Deċiżjoni kkontestata toriġina mill-Istati Membri u mhux mill-Kunsill, dan ir-rikors xorta jibqa’ ammissibbli. Fil-fatt, dan huwa dejjem att tal-Unjoni intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi f’żewġ oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Għalhekk huwa ċar li l-iffissar tal-post tas-sede tal-ELA mid-deċiżjoni kkontestata jaffettwa direttament qasam diġà rregolat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-ħolqien ta’ din l-awtorità u jikkontribwixxi sabiex tinħoloq sitwazzjoni legali infurzabbli fil-konfront ta’ terzi. |
|
31 |
Il-Parlament jenfasizza li l-kontestazzjoni tan-natura li tista’ tiġi kkontestata tad-Deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, ikun ifisser li att legalment vinkolanti tal-Unjoni adottat bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tat-Trattati ma jkunx suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, ma jeżisti ebda rimedju ieħor li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-kompetenza mitluba mill-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 341 TFUE teżistix realment għall-iffissar tas-sede ta’ organi tal-Unjoni, bħall-ELA, jew jekk, kif isostni l-Parlament, l-Istati Membri, billi użaw l-Artikolu 341 TFUE, daħlu fuq is-setgħa mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-Artikoli 46 u 48 TFUE. |
|
32 |
Il-Parlament iqis li, minkejja li l-atti tal-Istati Membri ma humiex fost dawk elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-osservanza tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet mit-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 13(2) TUE. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata titneħħa mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li dan huwa att tal-Istati Membri jwassal sabiex din tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tivverifika jekk is-setgħat tal-leġiżlatur tal-Unjoni ġewx osservati u, jekk ikun il-każ, li jintemm il-ksur tal-imsemmija setgħat billi tannulla din id-deċiżjoni. |
|
33 |
Tali soluzzjoni tkun, barra minn hekk, f’kontradizzjoni mal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt, li jipprovdu li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattati (sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23). F’dan ir-rigward, il-Parlament iqis li dawn il-prinċipji jikkostitwixxu l-bażi tal-kompetenza ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70). |
|
34 |
Fir-replika tiegħu, il-Parlament jirrileva li l-ġurisprudenza invokata mill-Kunsill tirrigwarda atti adottati mill-Istati Membri barra mill-kuntest iddefinit mit-Trattati. Issa, skont il-Parlament, id-Deċiżjoni kkontestata hija att ġuridiku tal-Unjoni, adottat fuq il-bażi ta’ kompetenza mogħtija mit-Trattati, jiġifieri dik li tirriżulta mill-Artikolu 341 TFUE. Fil-fatt, il-kwistjoni ġuridika prinċipali mqajma minn dan ir-rikors tikkonċerna preċiżament il-kwistjoni dwar jekk din il-kompetenza tistax tiġi eżerċitata sabiex tiġi stabbilita s-sede tal-ELA. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
35 |
L-Unjoni Ewropea hija Unjoni tad-dritt li għandha, permezz tat-Trattat FUE, sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 281; kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fir-rigward tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa possibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Madankollu, fil-kuntest tar-rikors għal annullament imsemmi mill-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha kompetenza biss sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti imputabbli lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-atti adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew iżda fil-kwalità ta’ Rappreżentanti tal-Gvern tagħhom u li jeżerċitaw b’mod kollettiv il-kompetenzi tal-Istati Membri ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir‑Rappreżentanti tal‑Gvernijiet tal‑Istati Membri, C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punt 46). |
|
38 |
Madankollu, ma huwiex biżżejjed li d-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors tiġi formalment ippreżentata bħala deċiżjoni tal-Istati Membri sabiex dan l-att ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE. Huwa wkoll neċessarju li jiġi stabbilit li l-att inkwistjoni, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-fatti kollha li fihom ġie adottat, fil-verità ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14). |
|
39 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni. Issa, f’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 341 TFUE, li jipprovdi li s-sede tal-“istituzzjonijiet” tiġi stabbilita “bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri”, jistax jiġi validament invokat bħala bażi għad-deċiżjonijiet dwar id-determinazzjoni tas-sede ta’ dawn il-korpi u ta’ dawn l-organi. |
|
40 |
Fil-fatt, minn naħa, il-Kunsill u l-Istati Membri intervenjenti insostenn tat-talbiet tiegħu jsostnu li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, bħala li huwa intiż għall-estensjoni tal-imsemmija korpi u organi, b’tali mod li l-kompetenza dwar l-iffissar tas-sede ta’ tali korp jew organu taqa’ biss fuq ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiddeċiedu bi ftehim komuni. Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata, bħala att tal-Istati Membri u mhux tal-Kunsill, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 263 TFUE. |
|
41 |
Għall-kuntarju, il-Parlament iqis li d-deċiżjoni ta’ ffissar tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE, iżda taqa’ taħt il-kompetenzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Minn dan hija tiddeduċi li d-deċiżjoni kkontestata hija neċessarjament imputabbli lill-Kunsill u ma tistax, konsegwentement, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi fejn għandu jitqies li din id-deċiżjoni hija attribwibbli lill-Istati Membri, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-“awtur effettiv” ta’ din id-deċiżjoni. |
|
42 |
Għalhekk, għall-ewwel, għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni dwar l-għażla tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandhiex tittieħed mill-Istati Membri, bis-saħħa tar-regola stabbilita fl-Artikolu 341 TFUE, jew jekk għandhiex tittieħed mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-bażi legali sostantiva applikabbli għall-qasam li fih il-korp jew l-organu inkwistjoni jintalab jintervjeni. |
Fuq il‑kompetenza fil‑qasam tal‑iffissar tal‑post tas‑sede tal‑korpi u tal‑organi tal‑Unjoni
|
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fuq il-bażi ta’ dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni, jekk l-Artikolu 341 TFUE japplikax għad-deċiżjonijiet dwar l-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni. |
|
45 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 341 TFUE, dawn jirreferu biss għall-“istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni”. Issa, konformement mal-Artikolu 13(1) TUE, il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” jirreferi għal lista preċiża ta’ entitajiet li ma tinkludix il-korpi u l-organi tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-aġenziji tagħha. |
|
46 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 341 TFUE, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati ġew emendati bit-Trattat ta’ Lisbona sabiex jinkludi riferiment espress għall-“korpi u [għall-]organi tal-Unjoni”, li kellu l-effett li jagħmel distinzjoni espliċita bejn, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni espressament imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE u, min-naħa l-oħra, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Għalhekk, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jirrigwardaw biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, oħrajn mid-dispożizzjonijiet tiegħu, bħall-Artikoli 15, 16, 123, 124, 127, 130, 228, 263, 265, 267, 282, 298 u 325 ta’ dan it-trattat, jirreferu, b’mod iktar wiesa’, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikoli 263, 265 u 267 TFUE. |
|
47 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 341 TFUE, li jsemmi biss l-“istituzzjonijiet”, jikkorrispondi għal dak tad-dispożizzjonijiet li ppreċedew dan l-artikolu, jiġifieri l-Artikolu 216 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 216 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 289 KE). |
|
48 |
Il-fatt, enfasizzat mill-Kunsill, li d-dispożizzjonijiet tas-seba’ parti tat-Trattat FUE, li fih jinsab l-Artikolu 341 TFUE, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali u finali”, isemmu l-“istituzzjonijiet” ma jistax għalhekk jiġi interpretat, minkejja li, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, it-Trattat UE jwettaq distinzjoni netta bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u l-korpi u l-organi tagħha, min-naħa l-oħra, bħala manifestazzjoni tal-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jagħtu lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” sinjifikat wiesa’, fis-sens li din tal-aħħar tinkludi mhux biss l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa tagħhom, u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Dan għandu japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-Trattat UE u t-Trattat FUE jikkostitwixxu bażi kostituzzjonali unitarja għall-Unjoni bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u tal-Artikolu 1(2) TFUE, minkejja li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” li tinsab fl-Artikolu 13(1) TUE u d-distinzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet, minn naħa, u l-korpi u l-organi tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandhom japplikaw b’mod trasversali u uniformi fiż-żewġ Trattati. |
|
49 |
Lanqas ma tista’ tkun determinanti l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jistabbilixxi li “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. |
|
50 |
Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa ta’ dawn tal-aħħar, u intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex tistabbilixxi din il-ġurisprudenza, hija bbażat ruħha espliċitament fuq il-fatt, minn naħa, li l-korpi u l-organi tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati jew bis-saħħa tagħhom huma intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jkun kuntrarju għall-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati jekk, meta taġixxi permezz ta’ korp jew ta organu, l-Unjoni tkun tista’ tevita l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, EU:C:1992:482, punti 13 sa 16). |
|
51 |
Għalhekk, l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tissodisfa l-ħtieġa, iġġustifikata mill-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri msemmija espressament f’din id-dispożizzjoni, li jiġi evitat li l-Unjoni tkun tista’ tevita l-applikazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li taqa’ taħt l-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, u għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta minn dan, meta hija taġixxi permezz ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni distint mill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, EU:C:1992:482, punti 14 u 16). Dan għandu japplika iktar u iktar peress li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “membri tal-persunal” imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jinkludi minn perspettiva funzjonali l-persunal kollu li jaħdem għall-Unjoni, kemm jekk ikun fl-istituzzjonijiet jew fil-korpi u fl-organi ta’ dan tal-aħħar. |
|
52 |
Konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jirregola l-portata tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ma tistax tiġi invokata b’mod utli sabiex jiġi ddefinit b’analoġija l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE, dwar il-portata tal-kompetenzi rriżervati għall-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattati. |
|
53 |
Il-Kunsill lanqas ma jista’ jinvoka b’mod utli l-kunċett ta’ “istituzzjoni” li jinsab fl-Artikolu 342 TFUE, li jgħid li “[i]n-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu permezz ta’ regolament”. Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu, ma għandux neċessarjament jiġi interpretat bħala li jinkludi l-korpi u l-organi tal-Unjoni, sa fejn is-sistema lingwistika ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni tista’ tkun differenti minn dik fis-seħħ fl-istituzzjonijiet tagħha. |
|
54 |
Fir-rigward tal-Protokoll Nru 6, għalkemm, kif isostni l-Kunsill, dan ma jiffissax biss is-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll dak ta’ ċerti korpi u organi tal-Unjoni, fosthom l-Europol, u jirreferi għall-Artikolu 341 TFUE, dan madankollu ma jipprevedix li s-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati b’mod kollettiv mill-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn il-korpi u organi tal-Unjoni għandhom il-karatteristika komuni li nħolqu mill-Istati Membri, filwaqt li dan ma huwiex il-każ ta’ aġenzija tal-Unjoni bħall-ELA, li nħolqot, fuq il-bażi tat-Trattati fundaturi, mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalhekk, minn dan il-protokoll ma tistax tiġi dedotta rieda tal-Istati Membri li japplikaw, direttament jew b’analoġija, il-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi kollha tal-Unjoni. |
|
55 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni ta’ protokoll speċifiku turi, għall-kuntrarju, il-fatt li l-Istati Membri qiesu li d-deċiżjoni kollettiva tagħhom dwar l-iffissar tas-sede ta’ ċerti korpi u organi tal-Unjoni elenkati b’mod eżawrjenti kellha tiġi inkluża speċifikament fid-dritt primarju sabiex tipproduċi effetti legali fid-dritt tal-Unjoni. |
|
56 |
Għal dak li jirrigwarda riferiment espliċitu, fil-Protokoll Nru 6, għall-Artikolu 341 TFUE, dan huwa spjegat mill-fatt li dan il-protokoll huwa intiż, l-ewwel nett, għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE. |
|
57 |
Barra minn hekk, huwa minnu, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, li r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri esprimew ix-xewqa li jirriżervaw id-deċiżjonijiet dwar is-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bl-istess mod kif huma espressament u b’mod ċar awtorizzati mill-Artikolu 341 TFUE sabiex jistabbilixxu s-sedi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minbarra dan, fl-okkażjoni tal-Konferenza Intergovernattiva li wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, it-test tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh ġie inkluż bħala protokoll anness mat-Trattati UE, KE, KEFA u KEEA, illum il-ġurnata l-Protokoll Nru 6, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA. |
|
58 |
Madankollu, minn naħa, l-uniku artikolu ta’ dan il-protokoll tal-aħħar jiffissa biss, f’termini komparabbli għal dawk tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, is-sede ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni maħluqa mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur legali vinkolanti għal din id-deċiżjoni fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450), li tirreferi għaliha f’sentenzi oħra sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punti 36 sa 42, u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il‑Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 33), l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni ma jistax iwassal sabiex tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE li tmur kontra l-kliem ċar tiegħu. |
|
59 |
Il-Kunsill jinvoka wkoll, bħala element tal-kuntest, il-prassi istituzzjonali preċedenti dwar l-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u jsostni li din il-prassi tibbenefika minn “rikonoxximent istituzzjonali” permezz tad-Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012 u l-approċċ komuni anness magħha. |
|
60 |
Madankollu, mill-elementi ta’ informazzjoni li ġew mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża jirriżulta li l-prassi allegata ma hijiex iġġeneralizzata. Fil-fatt, il-proċeduri segwiti bil-għan li tintgħażel is-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, jew tmexxew mill-Istati Membri biss, jew involvew, fi gradi differenti u fuq bażijiet differenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kwalità tagħhom jew le ta’ atturi fil-proċedura leġiżlattiva. |
|
61 |
Anki jekk jitqies madankollu li huwa possibbli, kif isostni l-Kunsill, li tiġi identifikata prassi preċedenti stabbilita u koerenti, li fuq il-bażi tagħha s-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kienu ġew iffissati sistematikament fuq il-bażi ta’ għażla politika magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri biss, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE li l-Kunsill jirrakkomanda fuq il-bażi ta’ din il-prassi ma tistax tibbenefika minn xi “rikonoxximent istituzzjonali” permezz tad-Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012 u l-approċċ komuni anness magħha. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ma għandha, kif jenfasizza l-ħames paragrafu tagħha, ebda natura legalment vinkolanti u, barra minn hekk, ma tinkludi ebda rikonoxximent ta’ xi riżerva ta’ kompetenza tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni. |
|
62 |
Fi kwalunkwe każ, tali prassi, li tmur kontra r-regoli tat-Trattat FUE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 341 TFUE, billi testendi, minkejja l-formulazzjoni ċara tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 341 TFUE, dan jikkonsisti fiż-żamma tas-setgħat deċiżjonali tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tas-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni biss. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kunsill waqt is-seduta, interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu fis-sens li ma japplikax għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħdu minn kull effett utli, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 138 tal-konklużjonijiet tiegħu. Għalkemm huwa minnu li s-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija diġà ffissata mid-dritt primarju, f’dan il-każ mill-Protokoll Nru 6, l-Artikolu 341 TFUE jibqa’ rilevanti għal kull deċiżjoni futura eventwali li tbiddel is-sede ta’ istituzzjoni eżistenti jew li tiffissa s-sede ta’ istituzzjoni ġdida. |
|
64 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, b’differenza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-ħolqien u l-funzjonijiet tagħhom huma, minħabba l-importanza kostituzzjonali tagħhom, previsti mit-Trattati stess, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bħall-ELA, li l-għan tagħhom huwa ddedikat għat-twettiq tal-għanijiet ta’ politika partikolari tal-Unjoni, ma humiex, bħala regola ġenerali, maħluqa mit-Trattati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħolqien tagħhom, fin-nuqqas li jirriżultaw mid-dritt primarju, għandu jirriżulta minn att ta’ dritt sekondarju adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet sostantivi li jimplimentaw il-politika tal-Unjoni li fiha jintervjeni l-korp jew l-organu kkonċernat u konformement mal-proċeduri previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
65 |
Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward fit-Trattati, huwa wkoll il-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, li għandu jiffissa s-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li huwa stess ikun stabbilixxa permezz ta’ att tad-dritt sekondarju adottat fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bħall-kompetenza li huwa għandu, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex jiddefinixxi l-kompetenzi, l-organizzazzjoni u l-mod ta’ funzjonament ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu. |
|
66 |
Id-deċiżjoni dwar l-iffissar tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, bħal aġenzija tal-Unjoni, hija għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, inerenti għad-deċiżjoni dwar il-ħolqien tagħha. |
|
67 |
Ċertament, l-iffissar tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jista’ jikkontempla kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, bħan-neċessità, fl-istabbiliment tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, li jiġi ggarantit ċertu bilanċ ġeografiku jew li jiġu ffavoriti l-Istati Membri li jkunu għadhom ma għandhomx sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni. |
|
68 |
Madankollu, in-natura politika tad-deċiżjoni li tiffissa l-post tas-sede ta’ tali korp jew organu tal-Unjoni ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li tiġġustifika li din id-deċiżjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li, fil-fatt, regolarment jintalab jagħmel għażliet politiċi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 55). |
|
69 |
Barra minn hekk, tali deċiżjoni għandha prinċipalment tippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni kkonċernat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika partikolari. |
|
70 |
Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument li l-fatt li l-iffissar tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jintrabat mal-bażi sostantiva li fuqha jkun ibbażat il-ħolqien tiegħu jista’ jwassal, skont il-bażi legali rilevanti, sabiex dan l-iffissar jiġi suġġett għal vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, u mhux għal deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, filwaqt li l-imsemmi ffissar jitqies li jkun element ta’ kompromess fil-kuntest tad-dibattitu leġiżlattiv. |
|
71 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-deċiżjoni li jiġi ffissat il-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jista’ jkollu dimensjoni politika importanti, sa fejn dan għandu jirrispondi b’mod partikolari għal kunsiderazzjonijiet dwar il-bilanċ ġeografiku, ma jipprekludix li din id-deċiżjoni tkun tista’ tittieħed mil-leġiżlatur tal-Unjoni konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, peress li din id-dimensjoni politika tista’ tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, element li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni huwa mmexxi, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 10(3) TUE, mill-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini, l-użu ta’ dan il-proċess huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-bażi demokratika ta’ deċiżjoni dwar l-għażla tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, bħall-ELA. |
|
72 |
Barra minn hekk, u b’mod iktar fundamentali, il-fatt li deċiżjoni, bħal dik li tirrigwarda l-iffissar tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, ikollha sensittività politika ma jistax iwassal għall-bidla tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas li l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi jiġi eskluż mill-proċeduri leġiżlattivi previsti mit-Trattati. Id-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirregola kompetenza sostantiva tal-Unjoni ma tistax għalhekk tiddependi minn kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura politikament sensittiva tal-qasam ikkonċernat jew mal-għan li tiġi żgurata l-effikaċja ta’ azzjoni. |
|
73 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tirregola l-għażla tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni bħall-ELA. |
|
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompetenza sabiex jiġi deċiż l-iffissar tal-post tas-sede ta’ din l-aġenzija ma hijiex tal-Istati Membri iżda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li għandu jaġixxi għal dan il-għan konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, f’dan il-każ l-Artikoli 46 u 48 TFUE, li jipprevedu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. |
|
75 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-konklużjoni li hemm lok li tingħata deċiżjoni, fit-tieni lok, dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq dan ir-rikors. |
Fuq l‑awtur tad‑Deċiżjoni kkontestata u l‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja skont l‑Artikolu 263 TFUE
– Fuq l‑awtur tad‑Deċiżjoni kkontestata
|
76 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata, li ttieħdet fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, hijiex imputabbli lil dawn ta’ l-aħħar. |
|
77 |
Fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata, mill-kliem tagħha jirriżulta li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern ta’ 27 Stat Membru adottat fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill wara proċedura intergovernattiva. Dan jixhdu r-riferiment espliċitu, fit-titolu u fil-bidu tal-preambolu ta’ din id-deċiżjoni, għar-“Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri”. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi espliċita tal-Artikolu 341 TFUE, peress li l-awturi ta’ din id-deċiżjoni qiesu li r-riferiment magħmul għall-“istituzzjonijiet”, li jinsab f’dan l-artikolu, kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’, jiġifieri bħala li jirreferi mhux biss għall-istituzzjonijiet elenkati b’mod preċiż fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni. |
|
79 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħol preparatorju tad-Deċiżjoni kkontestata twettaq fl-okkażjoni tal-laqgħat tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li nżammu fil-marġni tal-laqgħat tal-Coreper tat‑13 ta’ Marzu 2019 u tal‑5 ta’ Ġunju 2019. |
|
80 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, la l-fatt li l-proċedura ta’ selezzjoni mwettqa fuq livell intergovernattiv sabiex jintagħżel il-post tas-sede tal-ELA żvolġiet fil-bini tal-Kunsill u bl-assistenza tad-dipartimenti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u lanqas il-fatt li l-offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni ġew evalwati mill-Kummissjoni, u lanqas il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet iffirmata mir-Rappreżentant tal-Istat Membru li jiżgura, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Presidenza tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(9) TUE, f’dan il-każ mill-Ministru għall-Ġustizzja Rumen, huma tali li jinvalidaw il-konklużjoni li l-imsemmija deċiżjoni hija imputabbli lill-Istati Membri, u mhux lill-Kunsill. |
|
81 |
Fil-fatt, minn naħa, l-adozzjoni ta’ att fil-bini jew bl-għajnuna ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma tagħtix fiha nnifisha ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-legalità ta’ dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1990, Le Pen, C‑201/89, EU:C:1990:133, punti 11 u 16). Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-elaborazzjoni ta’ deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri meħuda fil-marġni tal-laqgħa tal-Kunsill ma tistax tiddetermina n-natura ġuridika u l-awtur tal-att li jirriżulta minnha. |
|
82 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax, la mill-kontenut tagħha u lanqas miċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata, tiġi kklassifikata bħala att tal-Kunsill. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att meħud kollettivament u bi ftehim komuni mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. |
– Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja skont l‑Artikolu 263 TFUE
|
83 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-kriterju rilevanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni milli jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra atti adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri huwa biss dak dwar l-awtur tagħhom, indipendentement mill-effetti legali vinkolanti tagħhom (digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir‑Rappreżentanti tal‑Gvernijiet tal‑Istati Membri, C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punt 47). |
|
84 |
L-argument tal-Parlament li jgħid li f’dan il-każ għandha tingħata tifsira wiesgħa tal-awturi tal-atti li għalihom jirreferi l-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, sabiex jitqies li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu, jew, tal-inqas, li dan ir-rikors jiġi assimilat ma’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill ma jistax, għaldaqstant, jiġi aċċettat mingħajr ma jikser il-kliem ċar ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir‑Rappreżentanti tal‑Gvernijiet tal‑Istati Membri, C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punt 48). |
|
85 |
Tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra r-rieda tal-awturi tat-Trattati, riflessa fl-Artikolu 263 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat biss għall-atti tad-dritt tal-Unjoni adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, li jneħħi l-atti tal-Istati Membri mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. |
|
86 |
Jekk il-kunċett ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE jiġi estiż għall-atti adottati, anki bi ftehim komuni, mill-Istati Membri jkun ifisser, b’mod definittiv, li jiġi ammess stħarriġ dirett mill-qorti tal-Unjoni fuq l-atti tal-Istati Membri u, b’hekk, li jiġu evitati r-rimedji tad-dritt speċifikament previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattati. |
|
87 |
Dawn ir-rimedji legali huma bbażati fil-fatt fuq teħid inkunsiderazzjoni tar-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, minn naħa, u tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni, bħall-Qorti tal-Ġustizzja, għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom. |
|
88 |
F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi analizzata bħala att adottat mill-Istati Membri biss, u b’hekk ma taqax taħt l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, hija ma tistax madankollu tiġi assimilata ma’ deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 341 TFUE, peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 43 sa 73 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda esklużivament id-determinazzjoni tas-sede tal-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE, u mhux id-determinazzjoni tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni. |
|
89 |
Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 166 tal-konklużjonijiet tiegħu, deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li tkun ittieħdet mill-Istati Membri f’qasam fejn it-Trattati ma jipprevedux l-azzjoni tagħhom hija nieqsa minn kull effett legali vinkolanti fid-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li istituzzjoni waħda jew iktar tal-Unjoni kellhom ċertu rwol fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma jbiddilx in-natura tagħha, li ma taqax taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 54). |
|
90 |
F’dan il-kuntest, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni, għal raġunijiet kemm ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandu jadotta, konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, att tal-Unjoni li jikkonferma jew, għall-kuntrarju, jiddevja mid-deċiżjoni politika adottata mill-Istati Membri, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li huwa biss dan l-att tal-leġiżlatur tal-Unjoni li huwa ta’ natura li jipproduċi effetti legali vinkolanti fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni u li, f’kuntest bħal dak f’dan il-każ, l-imsemmi att għandu neċessarjament jippreċedi kull miżura konkreta ta’ implimentazzjoni tas-sede tal-aġenzija kkonċernata. |
|
91 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att tal-Kunsill iżda att ta’ natura politika mingħajr effetti legali vinkolanti adottati mill-Istati Membri kollettivament, b’tali mod li ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
92 |
Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud peress li dirett kontra att li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
Fuq l‑ispejjeż
|
93 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
94 |
Konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
95 |
F’dan il-każ, ikkaratterizzat mill-fatt li ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata huma distinti minn prassi u minn interpretazzjonijiet diverġenti fuq il-kwistjoni tal-kompetenza deċiżjonali fil-qasam tal-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, jidher iġġustifikat li jiġi deċiż li kull parti prinċipali, jiġifieri l-Parlament u l-Kunsill, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
96 |
Konformement mal-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiż l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.